WEGĦDIET, EX VOTOS u DONI OĦRA
Introduzzjoni
Meta l-bniedem, kemm dak ta’ twemmin sod, kif ukoll dak ta’ ftit fidi, isib ruħu f’saram serju li ma jafx kif ser jeħles minnu, għandu ħabta jdur lejn Alla jew lejn xi qaddis li l-aktar li jemmen fih biex jitolbuh jgħinu f’dik is-sitwazzjoni diffiċli.
F’dak il-ħin ta’ disperazzjoni hawn min jagħmel wegħda solenni li f’każ li jeħles minn dik is-sitwazzjoni b’wiċċ il-ġid, dan joffri rigal bħala att ta’ ringrazzjament. Dan id-don jista’ jieħu ħafna forom. Hemm min joffri dan id-don, jew kif inhu magħruf komunament, ex voto, lil xi santwarju, kappella jew immaġini li hu jkollu devozzjoni lejha.
Il-frażi ex voto bil-Latin, proprjament tagħmel parti minn espressjoni kemxejn itwal, ‘ex voto susceptio’ li tfisser ‘mill-wegħda li saret.’ (A. J. H. Prins, 1989). Meta l-ex voto jkun irregalat, dan ifisser li d-donatur ikun qiegħed iwettaq dak li wiegħed, u fl-istess ħin ikattar id-devozzjoni ma’ kull min jara dak ir-rigal lejn il-qaddis partikolari.
F’Malta u Għawdex insibu bosta knejjes li żviluppaw f’santwarji li fihom ġew depożitati ex votos ta’ diversi tipi. Dawn kollha jfakkru l-mument ta’ meta l-persuna jew persuni kienu fil-periklu tal-mewt, jew ibatu b’xi mard agonizzanti jew xi diżabbilità fiżika.

Tipi ta’ Ex Votos
L-ex votos mhux dejjem huma mogħtija għax kienu mwegħda fil-ħin tal-periklu jew fl-eqqel ta’ xi marda. Kultant id-deċiżjoni li jingħata d-don tittieħed wara li jseħħ l-inċident jew wara li jgħaddi l-mard. F’dan il-każ ma jkun sar l-ebda ‘patt’ bejn il-vittma tal-inċident ma’ Alla, jew mal-qaddisin. Hawn, id-donatur tal-ex voto jkun qiegħed jagħmel att ta’ gratitudni għax iħoss konxjenzjożament li għandu jagħmel hekk mingħajr obbligu. Eżempju ta’ dan hu l-każ meta fl-1806, raġel minn Ħal Għaxaq, Mikiel Zammit kien inqaleb bil-kaless li kien riekeb barra r-raħal. Għall-ewwel ħaseb li kiser siequ iżda mbagħad meta ra li ma ġralu xejn iddeċida li jibni niċċa u fiha jqiegħed statwa tar-Redentur li swietlu 500 skud. Ħdejn din in-niċċa eventwalment inbiet kappella li llum hi magħrufa bħala ta’ Santu Kristu.

L-att ta’ wegħda jew ringrazzjament għal miraklu li jkun seħħ mhux dejjem isir minn individwu wieħed. Biex nagħti eżempju, meta xi mirkeb ikun fil-periklu li jkun ser jegħreq, ġieli jkun l-ekwipaġġ kollu li jitlob u jagħmel wegħda biex jinħeles minn dak il-periklu. Insibu wkoll fl-istorja ta’ Malta li kemm-il darba l-poplu Malti kollu, kien imħeġġeġ mill-isqof jew inkella mill-Ordni ta’ San Ġwann biex jagħmel att ta’ ringrazzjament għax ikun ħeles minn xi epidemija, karestija, nuqqas ta’ xita, jew minn xi terremot. Fl-1676, wara li kienet għaddiet il-pesta li qatlet mal-11,300 ruħ, kienu saru bosta pellegrinaġġi ta’ ringrazzjament, fosthom dak mill-knisja tal-Ordni ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, sal-kappella tal-Immakulta Kunċizzjoni fil-Furjana, u ieħor lejn il-grotta-kappella tal-Mellieħa. Dan barra l-altari, pitturi u knejjes u kappelli li nbnew ad unur ta’ Santu r-Rokku, qaddis patrun kontra l-pesta. L-Ordni ta’ San Ġwann waqt il-pesta, kien ukoll wiegħed li jibni mill-ġdid il-kappella Tal-Kunċizzjoni f’waħda ħafna isbaħ, u hekk inbniet il-knisja rotunda Ta’ Sarria (J. Micallef / J. Grima, 2015.)
Kif għedna, il-wegħdi jew ir-ringrazzjament jistgħu jieħdu ħafna forom oħra, bħal ngħidu aħna, meta koppja miżżewġa tkun ilha tipprova biex ikollha t-tfal u dawn jagħmlu wegħda li meta jsiru ġenituri jagħtu lit-tarbija l-isem tal-qaddis li huma jkunu talbu għalih. Eżempju ta’ wegħdiet oħra jsiru mad-Duluri u mar-Redentur fejn dawn fil-festa tagħhom il-persuna timxi ħafja wara l-istatwa, jew inkella terfa’ l-istess statwa flimkien ma’ oħrajn. L-att tad-don jista’ wkoll jieħu sura ta’ xi rigal utli għall-knisja, bħal pereżempju xi għotja ta’ ammont ta’ xema’, jew xi lampier tal-fidda. Jista’ wkoll li d-don isir b’mod ripetut, bħal meta wieħed jagħti kelmtu li jixgħel xemgħa quddiem l-immaġini tal-Madonna, kull ċertu żmien.
Ex votos b’tema marittima
Fost l-ex votos li jinsabu mxerrda ma’ Malta u Għawdex hemm kwantitajiet kbar – aktar minn 400 kwadru vottiv – li juru xeni marittimi. Dawn ħafna minnhom ingħataw bħala ringrazzjament mid-donatur li kien fuq mirkeb u li ma’ oħrajn sab ruħu f’maltempata ħarxa, fejn kien hemm mumenti li l-mirkeb kien kważi għereq. Hemm ex votos oħra li juru li l-mirkeb kien segwit mill-kursara biss l-ekwipaġġ ħelisha milli jinqabad u jittieħed skjav. Fil-każ ta’ don partikolari li jinsab fil-kappella tal-Madonna tad-Dawl fil-Bidni, qrib Wied il-Għajn, xi ħadd ħalla par manetti li apparentament, jindikaw li dan id-donatur kien inħataf bħala skjav u b’xi mod kien inħeles.

Dawn it-tipi ta’ ex votos huma ta’ interess għall-istoriċi li jispeċjalizzaw fin-navigazzjoni antika u fl-istorja soċjali ta’ żminijiet oħra. L-esperti jistgħu mill-kwadri votivi jidentifikaw id-diversi tipi ta’ mriekeb ta’ żmien l-Ordni, fosthom, galeri, bombardi, brigantini, frejgati, pollakki, pinki, tartani, kajjiki u xibekki (jew xembekki) li kollha jidhru f’dawn il-kwadri votivi. F’ex voto minnhom tidher ukoll il-Kapitana tal-Ordni, jiġifieri dak il-mirkeb imexxi mill-ġeneral tal-flotta tal-Ordni. Dan l-ex voto jinsab fil-knisja Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi. L-aktar li jidhru fil-pitturi huma l-felukki u l-isperonari li ta’ spiss kienu jivvjaġġaw bil-passiġġieri u l-merkanzija lejn Sqallija, l-Italja u pajjiżi oħra. Minħabba l-vjaġġi frekwenti li kienu jagħmlu, kemm fis-sajf kif ukoll, fix-xitwa, ta’ spiss kienu jinqabdu fil-maltemp jew inkella kienu jkunu segwiti mill-kursara. (Ara r-ritratt tal-faċċata – Ħajr: Joe Morana.)
Jeżistu wkoll ħafna ex votos marittimi li saru fis-seklu dsatax – jiġifieri fi żmien l-Ingliżi – u fis-seklu għoxrin. Biss, l-inċidenti marittimi bdew, wara nofs is-seklu dsatax ’il quddiem, dejjem jonqsu fil-kwantità, l-aktar minħabba li f’dan iż-żmien l-imriekeb bil-qlugħ bdew jagħtu lok għal dawk aktar moderni li jaħdmu bl-istim, u għalhekk it-tbaħħir beda bil-mod il-mod inaqqas mill-periklu (Joseph Muscat, 1998.) Anki l-attakki mill-kursara kienu naqsu ġmielhom, għalkemm mid-dokumenti jidher li fl-1843, jidher li seħħ każ ta’ piraterija mill-kursara (Andrew Cuschieri u Joseph Muscat, 1989.) L-aħħar ex votos marittimi jidhru li saru fil-bidu tas-seklu għoxrin. Issa nibdew insibu kwantità ikbar ta’ ex votos li għandhom x’jaqsmu l-aktar mal-mard, mat-tqala jew ma’ xi inċident fuq l-art. Ma jistax jonqos li insibu wkoll ex votos ta’ episodji koroh li seħħew fl-Ewwel u fit-Tieni Ġwerra Dinjija bħal ma nsibu fil-knisja tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema (Guido Lanfranco, 2005.)

L-ex votos marittimi li jinsabu fil-knejjes Maltin kienu mogħtija, matul diversi sekli, iżda l-aktar fis-sekli sbatax, tmintax u dsatax. L-eqdem waħda li nafu biha, għax iġġib id-data, hi dik tal-1631. Din tinsab fil-mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. Dan ma jfissirx li ma kienx hawn oħrajn qabilha. Dawk li ma jġibux data fuqhom huma bosta. L-ex voto li fuqha tidher il-Kapitana li hemm f’Tal-Ħniena, il-Qrendi, għalkemm mhux iddatata, jaħsbu li hi eqdem għax il-buq tal-mirkeb hu mpinġi aħmar, meta l-istudjużi tal-istorja marittima jafu li l-Kapitana, mill-1625 ’il quddiem kellha l-buq miżbugħ b’kulur iswed (Andrew Cuschieri u Joseph Muscat, 1989.)
Hi ħaġa kemxejn stramba li fil-knejjes iddedikati lil Madonna tal-Porto Salvo, bħal f’dik tal-Belt (tad-Dumnikani) u dik tal-Isla, li skont it-titlu hi l-protettriċi tal-baħħara, ma hemmx ex voto waħda b’tema marittima. Ta’ min wieħed jinnota li fil-knejjes ta’ madwar il-Port il-Kbir hemm biss l-Oratorju tar-Redentur fil-knisja parrokkjali tal-Isla fejn jinsabu mas-sittax ex voto marittimi. Dan x’aktarx għaliex l-istatwa tar-Redentur hi kkunsidrata minn ħafna bħala waħda mirakoluża.
Il-kontenut tal-pitturi ex votos
Kif ġa spjegajt, bosta mill-pitturi huma relatati ma’ perikli u traġedji li seħħew waqt it-tbaħħir. Oħrajn juru inċidenti fuq l-art, jew inkella xi mard li d-donatur ikun fieq minnu bl-interċessjoni ta’ xi qaddis jew ieħor. Meta ngħidu qaddis hawn qed ninkorporaw ukoll il-Madonna taħt diversi titli. Fil-fatt l-immaġini tal-Madonna bil-Bambin f’idejha hi dik l-aktar li tidher fl-ex votos. Intant, ħafna minn dawn il-kwadri saru min-madonnari li kienu jispeċjalizzaw f’dan it-tip ta’ xogħol. Għalkemm ma kinux xi artisti stabbiliti, dawn kienu jafu jpinġu adekwatament u b’ċertu ħila għad-dettall, biżżejjed biex jispjegaw il-gwaj li d-donatur ikun għadda minnu. Fost il-madonnari l-aktar imsemmija f’dan il-qasam kien hemm membri tal-familja Gonzi, lejn tarf is-seklu tmintax, bidu tas-seklu dsatax, li minnhom, Vincenzo kien l-aktar magħruf. Kien hemm ħafna kwadri li kienu jitpinġu kultant mid-donatur stess.

Ġeneralment, il-format ta’ dawn il-pitturi hu kważi dejjem orizzontali, u l-kobor tagħhom ivarja minn medja ta’ 30ċm x 40ċm sa 42ċm x 55ċm. Il-kwadri ċkejknin donnhom kienu magħmula apposta biex jixirqu maċ-ċokon tal-knisja jew kappella, bħal fil-każ tal-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara. Dawk ta’ dimensjoni ikbar kienu mpinġija biex jaqblu mal-kobor ta’ knejjes ikbar, bħal fil-każ tal-Madonna tal-Grazzji, ta’ Ħaż-Żabbar (A. Cuschieri & J. Muscat, 1989.) Kwadru ex voto li jiżboq lil dawn fil-kobor u fil-kwalità ta’ artistrija hu dak li kien kkommissjona il-Kavallier Ġermaniż Fra Wolfgang Philip Guttenberg, li hu rregala fl-1678, lis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Dan il-kavallier kien qabbad lill-pittur magħruf Alessio Erardi biex ipinġi xena ta’ maltempata li matula x-xieni li kien riekeb fuqu hu u xwieni oħra inqabdu fiha qrib Taranto. Din il-pittura li fiha jidher l-istess Guttenberg hi daqs 150ċm x 100ċm (Ġanni Mifsud, 1987.)

It-tpinġijiet kienu magħmulin jew bit-tempera jew żejt fuq tavli tal-injam, jew żejt fuq it-tila; inkella aktar tard fuq kartun jew karta. Biss f’dan l-aħħar każ, kien jintuża l-akwarell bħala medium. L-immaġini dejjem juru xi disgrazzji jew mard. Fi kwadru ta’ ringrazzjament fil-Mużew tas-Santwarju f’Ħaż-Żabbar, tidher tifla ta’ seba’ snin li waqgħet mit-tieqa tad-dar minn sular għoli u din ma ġralha xejn. Anzi fl-iskrizzjoni fuq l-istess pittura nsiru nafu li din it-tifla qalet li hekk kif waqgħet ħasset lil xi ħadd li refagħha u żammha milli tinstabat mal-art. Fl-istess mużew, hemm pittura fejn tidher karozza tal-linja taqa’ ġo għalqa (1973). F’kull wieħed minn dawn il-kwadri għandek bosta drabi tara skrizzjoni miktuba fil-qiegħ tal-pittura li tiddeskrivi l-inċident, u ssemmi d-donatur kif ukoll l-isem tal-qaddis li interċessjona u salva lil dik il-persuna. Fin-naħa ta’ fuq tal-pittura, imdorrijin naraw il-figura tal-Madonna u l-Bambin, jew waħedhom jew ma’ xi qaddis/a jew qaddisin. Kultant ħdejn il-Madonna mpinġija fuq is-sħab, issib numru ta’ erwieħ fin-nar tal-Purkatorju, għaliex dawn ukoll setgħu jinterċessjonaw mal-Madonna biex il-grazzja tkun mismugħa. Apparti l-Madonna, ġieli tara wkoll lil Kristu fuq il-Kurċifiss jew lir-Redentur. Mhux l-ewwel darba jew tnejn li fuq l-istess pittura, il-Madonna tidher aktar minn darba, b’titli differenti! Issib ukoll ħafna drabi l-inizzjali V.F.G.A. li jfissru Votum Fecit Gratiamque Accepit, jiġifieri, ‘għamilt il-wegħda u din ġiet milqugħa’ (Joseph Muscat, 1998.)

Is-santwarji kbar u żgħar f’Malta u Għawdex
Il-knejjes fejn kienu jew għadhom esposti l-kwadri marittimi jagħmlu aktar minn għoxrin. Fosthom hemm is-Santwarju tal-Mellieħa, is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji, Ħaż-Żabbar, il-knisja tal-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara, il-kappella tal-Mensija, San Ġwann, il-Madonna tal-Ħniena, il-Qrendi u l-kappella tal-Madonna tad-Dawl, Wied il-Għajn. Preżentament, is-santwarju l-aktar magħruf hu dak tal-Madonna ta’ Pinu, barra l-Għarb. Hawn jinsabu kwantità ta’ ex votos li l-aktar li jfakkru huwa l-mard jew it-tqala.

Ħamsa biss huma dawk l-ex votos li jirrappreżentaw traġedji marittimi. Santwarju ieħor li hu magħruf għall-ex votos relatati mat-tqala hu dak tal-Madonna tal-Ħlas, barra Ħal Qormi. Dan filwaqt li għandu 4 pitturi marittimi biss, għandu wkoll 20 ex voto relatat mat-tqala u t-twelid tat-trabi. (A. H. J. Pens, 1989). B’hekk forsi nistgħu nifhmu għaliex din il-kappella hi magħrufa bħala Tal-Ħlas. Biss xi wħud jaħsbu li ħlas tirreferi għal ħlas mill-iskjavitù jew ħelsien minn kull deni. Fil-Belt Valletta hemm kwantità kbira ta’ ex voto relatati mal-mard fil-kappella qrib il-bażilika tal-Madonna tal-Karmnu kif ukoll fil-knisja tal-Porto Salvo (tad-Dumnikani.) Ta’ interess kbir f’din il-knisja huma l-midalji ta’ unur mogħtija lis-suldati għall-qlubija li wrew matul it-Tieni Gwerra. Dawn ġew irregalati minn individwi lil din il-knisja bħala apprezzament talli ma spiċċawx vittmi mill-attakki tal-għadu.

L-ex votos mhumiex biss oġġett tal-istorja u l-folkor Malti għax għadhom jiġu r-regalati sal-lum. Dan juri li t-talb lill-qaddisin u l-Madonna kif ukoll it-talb lil Alla ma jonqsu qatt, l-aktar meta l-bniedem isib ruħu f’sitwazzjoni diffiċili fejn jista’ jitlef ħajtu u għalhekk ifittex l-għajnuna tas-sopranatural.
Martin Morana ©
6 ta’ Novembru 2025
Bibliography
Borg Isabelle, The Maritime Ex-Voto – A culture of thanksgiving in Malta. Heritage Books. 2005.
Cuschieri Andrew u Joseph Muscat, ‘Maritime Votive Paintings in Maltese Churches,’ Melita Historica Vol X, No. 2. The Malta Historical Society. 1989.
Esparza Daniel & Fava Jean-Pierre, ‘Malta’s Ex-Votos: Stories of gratitude and hope.’ Aleteia (website). 5.21.2024.
Galea Michael, German Knights of Malta. Bugelli Publications. 1986
Lanfranco Guido, Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja ta’ Malta. Wise Owl Publication. 2005.
Micallef Joseph, Il-Pesta tal-1676 – 11,300 mewta. (maqlub għal Malti minn Joseph F. Grima. B.D.L. 2015.
Mifsud Ġanni, Il-Madonna tal-Mellieħa. Printwell Ltd, Fgura. 1987.
Muscat Jimmy, Ex Voto – Kwadri tal-Wegħda. Best Print Qrendi. 2009.
Muscat Joseph, ‘Maritime ex-voto Paintings,’ Treasures of Malta, Vol. 4, no. 3. Summer, 1998. Fondazzjoni Patrimonju Malti.
Prins A. H. J., In Peril of the Sea. Said International Ltd. 1989.
Zarb Gius., Is-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar fi Żmien il-Kavalieri. Veritas Press, 1969.
Ara aktar artikli u kun af aktar dwar kotba ppubblikati mill-istess awtur: ikklikkja hawn:
