IL-QUĊĊIJA
u
l-FESTA TA’ SANTA LUĊIJA
(13 ta’ Diċembru)
Introduzzjoni

Fi żmienna il-kelma ‘quċċija’ mill-ewwel nifhmu biha dik l-okkażjoni partikolari fejn titlaqqa’ l-familja u mistednin oħra biex ikun iċċelebrat għeluq l-ewwel sena mit-twelid tat-tarbija tagħhom b’festin. F’dan il-festin isir ritwal tradizzjonali fejn lit-tarbija jqiegħdulha bosta oġġetti fl-art u din timxi mbé lejhom biex tagħżel xi oġġett minnhom. L-oġġett li tkun għażlet iffisser illi t-tarbija meta tikber ser tkun qed tagħmel dak it-tip ta’ xogħol li l-oġġett jirrapreżenza. L-oġġetti imqiegħda apposta jistgħu jvarjaw minn pinna tal-kitba, imqass u drapp, martell, kuruna tar-rużarju u affarijiet oħra li jindikaw xi xogħol jew karriera. Intant il-ġenituri, u magħhom il-mistednin jitpaxxew u jidħku jaraw lit-tarbija tagħżel l-oġġett. M’hemmx għalfejn ngħidu, ftit huma dawk li jieħdu din l-interpretazzjoni bis-serjetà.
Biss, l-isem ‘quċċija’ mhux dejjem kien jirriferi għal dan l-avveniment. Antikament, in-nom kien ifisser xi ħaġa kompletament differenti. Il-konnessjoni ta’ din il-kelma mal-quċċija kif nafuha llum x’aktarx għandha x’taqsam biss mal-ikel li jitqassam lill-mistednin. Intant, it-tifsira oriġinali tmur lura mijiet tas-snin.
Il-quċċija ta’ ħames mitt sena ilu
Fl-1575, Mons. Duzina, l-inkwiżitur li kien intbagħat Malta mill-Papa biex jgħarrex sew dwar il-prattika lokali tar-reliġjon Kattolika f’Malta, isemmi l-użanza tal-quċċija f’kuntest differenti.
Hu jgħid hekk: ‘’Xi wħud [mill-Maltin] għandhom l-użanza li waqt l-għasar (vespro) ta’ Jum il-Mejtin, issir il-quċċija (la coccia), jiġifieri, għal dik l-okkażjoni, in-nies li jattendu għat-talb, tieħu magħha fil-knisja l-qamħ imsajjar (cotto) – imħallat bil-lewż u l-ġewż u bis-sinjal tas-salib magħmul fuqu. Dan l-ikel jitqiegħed f’diversi bieqji li jitqiegħdu fuq il-qabar (il monumento) tal-mejjet u jitħallew hemm matul il-ħin tat-talb (l’uffizio). Fl-istess ħin, il-kongregazzjoni tirreċita Pater u Ave Maria għall-ruħ il-mejjet (l’anima del defunto) li għalih tkun saret l-ikla. Imbagħad, l-ikel jitqassam lil kull min attenda, biex jiġi kkunsmat. (Sors: E. Serracino Inglott, 1981.)

Dan it-test ta’ Duzina jirrepetih kelma b’kelma, Agius de Soldanis fid-Damma (ċ. 1769). Biss, De Soldanis jgħid illi dan l-avveniment ma kienx għadu jsir fi żmienu. Intant hu jagħti d-definizioni hekk: ‘‘koccia – grano del frumento in poca quantità (mezzo mondello), e benedetto. Iżid jgħid: L’uso antico di benedirlo é andato in disuso.’’ Jgħid ukoll li l-koccia kienet titqassam lill-mistednin meta jkun iċċelebrat għeluq is-sena tat-tarbija mill-ġenituri tiegħu. Ma jsemmi xejn dwar ir-ritwal tal-għażla tal-oġġetti li t-tarbija tagħżel.
Id-deskrizzjoni tal-għażla tal-oġġetti bħala għodda eċċ., tissemma daqs għoxrin sena wara, fil-kitba ta’ Saint Priest, Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann (1791), fil-ktejjeb tiegħu, Voyage par un Francois (1791), Saint Priest jiddeskrivi l-quċċija bħala dik il-logħba li l-kbar jagħmlu lit-tfal tagħhom, kif diġà spjegat. Hu jżid jgħid illi jekk it-tarbija tkun tifel, allura kienu jqiegħdulu żewġ basktijiet mimlijin oġġetti biex jagħżel minnhom. Wieħed mill-basktijiet kien ikun mimli qamħ u perlini (cucciha) u l-ieħor kien ikollu xi oġġetti ta’ ftit valur (des bijoux) u xi muniti tal-flus, inkjostru tal-linka u xabla. Jekk it-tarbija tkun tifla, allura din kienu jqiegħdulha oġġetti oħra, bħal, labar tal-ħjata, drappijiet tas-satin u żigarelli. Skont Saint Priest, dawn l-oġġetti kellhom ukoll sens simboliku li kien jagħti ħjiel tal-karattru tat-tarbija meta tikber. Pereżempju, il-qamħ kien ifisser li t-tarbija kien ser ikollha sens ta’ ġenerożità. L-inkjostru u l-oġġetti semi-prezzjużi kienu jfissru li t-tfajjel meta jikber għandu jsir negozjant jew avukat, u jekk jagħżel ix-xabla, dan kien ikun sinjal li se jsir bniedem ta’ kuraġġ kbir.
Fil-ktieb tiegħi Ancient and Modern Malta, (1805), Pierre-Marie-Louis de Boisgelin, jgħid li l-quċċija kif nafuha llum kienet dik li semma qablu Saint Priest. Biss hu jagħti tifsira differenti dwar is-simbolu tal-qamħ għax dan jgħid kien jirrifletti ‘a liberal character.’
Daqs erbgħin sena wara (ċ. 1845) kien ippubblikat ktieb jismu: Guida del Isola di Malta e sue Dipendenze, minn J. Quintana. Dan jirrepeti kelma b’kelma dak li qalu ta’ qablu. Huwa jgħid li din l-użanza kienet issir biss minn familji tat-tajjeb. L-interpretazzjoni tal-kelma quċċija f’dan is-sens, baqgħet miżmuma matul is-seklu dsatax sa żmienna.
L-oriġini tal-quċċija fl-Italja u Sqallija

Skont leġġenda antika, fi Sqallija, jingħad, li l-quċċija (coccia) – l-ikla tal-qamħ mgħolli – bdiet fl-1646, meta f’dik is-sena, f’Sirakuża kien hemm karestija jiġifieri, skarsezza kbira ta’ ikel. Skont il-leġġenda, in-nies ta’ Sirakuża talbu kemm felħu lil Santa Luċija, qaddisa patruna ta’ dik il-belt, biex tidħol għalihom u tiskansahom minn dak il-ġuħ kbir. F’jum il-festa tagħha, jiġifieri fit-13 ta’ Diċembru, daħal fil-port ta’ Sirakuża (sorsi oħra jgħidu li kien daħal fil-port ta’ Palermo) bastiment mimli qamħ u b’hekk in-nies ġew skansati milli jmutu bil-ġuħ.
Minn dakinhar ’l quddiem, kull sena, f’dan il-jum, in-nies bdiet tosserva u tagħmel astinenza fil-festa ta’ din il-qaddisa, billi ma’ tikolx ikel magħmul mid-dqiq, jiġifieri la ħobż u l-anqas għaġin. Minflok f’dak il-jum kien jittiekel biss, ir-ross, inkella qamħ mgħolli (grano lessato) u mħawwar bl-irkotta, ċikkulata, jew inbid imsajjar (vin cotto.)
Intant, illum fi Sqallija jeżistu diversi riċetti tal-cuccia. Xi familji jippreparawha u jsajruha bħala soppa magħquda waqt li oħrajn jagħmluha bħala pudina jew kejk.

Xi tifsiriet bit-Taljan tal-quccija
Agius de Soldanis fid-Damma Tal Kliem Kartaġinis eċċ., jiddeskriviha hekk: Kuccia: grano del frumento in poca quantità.
Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano ta’ Vincenzo Mortillaro. 1847. Cuccia: zuppa fatta di frumento bollito nell’acqua o nel latte con zucchero ed altri savori.
Fid-Dizionario Portatile, della Lingua Maltese, Italiano, Inglese (1843), F. Vella jgħid hekk: Koccia: Composizione di grano lesso e zucchero. Wheat boiled with sugar.
Interessanti li fl-Għarbi hemm il-kelma kiskija li tfisser dqiq, jew il-bieqja li fiha jinżamm id-dqiq. (Erin Serracino Inglott, 1981.)

Martin Morana
13 ta’ Diċembru 2025
Bibliografija
De Boisgelin Pierre-Marie-Louis, Ancient and Modern Malta, (1805).
Carabott Rosabelle (editur), Damma Tal-Kliem Jartaġinis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. L-Akkademja tal-Malti, et al. 2016.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN. Pubblikazzjoni Indipendenza. 2004.
Quintana J., Guida Del’Isola di Malta e le sue Dipendenze. Tonna Banchi e Co.
Saint Priest, Voyage par un Francois (1791).
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1981.
Vella F. Dizionario Portatile, della Lingua Maltese, Italiano, Inglese. Stamperia degli Artisti Tipografi, Livorno. 1843.
Dwar kitbiet u pubblikazzjonijiet oħra mill-istess awtur ara:
