Ħarsa lejn il-moralità dwar is-sess tal-Maltin
Meta konna tfal u mmorru d-duttrina, ‘tal-Mużew’ kienu jgħallmuna l-Għaxar Kmandamenti bl-amment. Fost dawn il-kmandamenti niftakar tnejn minnhom li s-superjur kien jiskarta milli jispjegahomlna. Dawn kienu ‘la tiżnitx’ (ma tagħmilx sess impur) u ‘la tixtieqx nisa tal-oħrajn’. Dan minħabba li fil-klassijiet tad-duttrina, bħal fid-dar u fl-iskejjel, is-sess kien tabù u ma kien jissemma qatt.
Tista’ tgħid li kważi kulħadd sa l-età ta’ 12 – 14-il sena, kien għadu jemmen li hu u sħabu ġew fid-dinja għax ommhom ‘xtrathom’ mill-isptar. Ħadd minna ma kien jissoponi li l-ġenituri tagħna qatt kellhom x’jaqsmu sesswalment bejniethom biex it-tfal jkunu mnissla. Biex kienu jaħbu l-att tal-konċepiment minna kienu jiksru d-disa’ kmandament, ‘la tigdibx’!
F’dan l-artiklu ser naraw fuq fuq, x’kien l-atteġġament tal-Maltin dwar is-sess matul dawn l-aħħar sekli. Ser naraw jekk il-Maltin, Insara u Kattoliċi sa ruħ ommhom, obdewx u mxewx mar-regoli dwar it-trażżin tal-ġibda sesswali, skont it-tagħlim tal-Knisja, skont il-liġijiet tal-Istat u skont il-moralità kif iddettata mis-soċjetà.

Iż-żwieġ matul is-sekli
L-attrazzjoni fiżika minn dejjem kienet teżisti, biss, din kienet – suppost – magħluqa ġo kaxxa li kienet tinfetaħ biss fiż-żwieġ. Meta ż-żwieġ kien għadu ddettat mill-ġenituri, l-attrazzjoni fiżika ta’ bejn in-namrati kienet xi ħaġa li kellha tkun ikkontrollata. Fis-sekli li għaddew, iż-żwieġ kien sempliċi kuntratt magħmul ħafna drabi bejn il-ġenituri tal-koppja. Thomas McGill fil-ktieb, tiegħu, A Handbook or Guide for Strangers visiting Malta (1839) jgħid illi f’Malta, dawk tal-klassi medja u tal-klassi għolja kienu jiżżewġu għall-konvenjenza, jiġifieri jiżżewġu biex il-ġuvni ‘jsib l-istat tiegħu’, u biex it-tfajla ‘tinġabar’ u ma tibqax fuq l-ixkaffa. Il-ġenituri kienu jfittxu li kemm jista’ jkun it-tfal tagħhom jiżżewġu għand ‘tat-tajjeb’ biex jgħixu f’erta kumdità. Għal dawk li kienu ta’ klassi baxxa, kienu jħarsu lejn id-dota tat-tfajla u li jaċċertaw li l-għarus ikun il-proveditur u l-kmand tal-familja.
L-għarusa kienet tkun bosta drabi għadha fil-pubertà tagħha meta tiżżewweġ u għalhekk obbidjenti għal dak li jgħidu l-ġenituri tagħha, u wara, dik l-obbidjenza ddur u tibqa sottomessa lejn ir-raġel tagħha. Fiż-żwieġ, is-sess kien xi ħaġa sfurzat fuqha, biex ir-raġel jieħu s-sodisfazzjon tiegħu u konsegwentament hi tkun inkubatur ta’ kwantità ta’ trabi, sakemm tasal fl-età biex ‘terfa’ kif kienu jgħidu l-antiki. (Dan hu terminu li kien jirriferi għal meta l-mara ma tkunx kapaċi aktar li jkollha t-tfal).
Il-kittieba tar-rumanzi u l-imħabba fir-realtà
Jeżisti dlam kbir dwar kif il-Maltin ta’ dari kienu jaħsbuha fuq is-sess. Jekk tqalleb il-kotba tar-rumanziera Maltin, dawk tas-seklu dsatax u dawk tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, issib li dawn bl-ebda mod ma jsemmu xi ħjiel dwar il-ġibda sesswali bejn ġuvni u tfajla anki jekk dawn miżżewġin. Kienu biss jaslu biex jiddeskrivu l-emozzjonijiet ta’ bejn ġuvni lejn tfajla bil-frażi ‘imħabba safja’. Il-valuri prinċipali kienu dawk tal-kastità u tal-protezzjoni tal-unur tat-tfajla u tal-familja tagħha. L-awturi jżommu skiet perfett dwar xi tqanqil sesswali li seta’ kellhom il-maħbubin, qisu dan qatt ma kien jeżisti. F’Malta, qatt ma kien hawn kittieba bħal Henry Fielding li fil-ktieb tiegħu The History of Tom Jones – a Foundling, (1749) jirrakkonta dwar is-sess liċenzjuż li l-karattru ewlieni u ta’ madwaru kienu jipprattikaw. Lanqas ma kellna xi D. H. Lawrence, li f’Lady Chatterley’s Lover u rumanzi oħra jiżvela x-xewqat u l-emozzjonijiet imqanqla tal-mara dwar l-att sesswali. Għall-awturi Maltin, l-imħabba bejn il-maħbubin kienet biss waħda Platonika. Bis-silenzju tagħhom, il-kittieba Maltin bħal Ġużè Muscat Azzopardi, Anton Manwel Caruana, Wistin Born, Ġużè Aquilina, Ġużè Galea u oħrajn, żammew mall-imposiżżjoni taċ-ċensura, id-diċenza kif ipprattikata mis-soċjetà inġenerali, u għaliex le, mal-etika morali personali.
Sadanittant, bla dubju ta’ xejn, f’Malta, il-ħajja amoruża u sesswali kienet teżisti minn dejjem, għalkemm mhux fid-deher. Din wieħed isib ħjiel tagħha minn anedotti imxerrda f’sorsi varji, l-aktar minn dokumenti ta’ proċessi tal-qorti tal-istat, proċessi tal-inkwiżizzjoni, kif ukoll minn rimarki ta’ bosta barranin li ġew Malta u li osservaw u kkumentaw dwar dak li raw.

Il-moralità u d-devjazzjoni sesswali fi żmien l-Ordni
Sempliċiment tqalliba fid-dizzjunarju ta’ De Soldanis, miġbur bejn l-1750 – 1769, wieħed jieħu kemxejn ta’ idea x’kien l-atteġament tal-popolin dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sess. Biex nagħti eżempju, fi kliem dan l-istudjuż, meta jsemmi l-kelma ‘piscula’ kelma Maltija li ġejja mit-Taljan, dan jispjegaha hekk: La parte vergognosa del’ uomo. Mela hawn ġa qed nifhmu li għalih u għas-soċjetà ta’ żmienu, dik il-parti tal-anatomija li għandha x’taqsam mas-sess kienet xi ħaġa tal-mistħija. Sa hawn xejn ġdid. Agius de Soldanis jagħti żewġ laqmijiet dispreġġattivi lill-dawk li li kienu jipprattikaw is-sess barra ż-żwieġ: ‘żimlunazza’, mara li tiġri ’l hawn u ’l hinn mal-irġiel, u ‘mara ta’ fuq is-sur’ għal mara prostituta. Imbagħad raġel li jmur mal-qoħob, kien magħruf bħala ‘qaħbunazz’. Intant, is-sieħba tal-qaħba li ġġibilha l-klienti u taqsam il-flus magħha kienet magħrufa bħala ‘ir-ruffjana’. L-att omossesswali jgħidlu ‘żina bil-maqlub’.
Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann (1530 – 1798) insibu diversi każi li jagħtuna ħjiel ta’ x’kienet l-attitudni tal-Maltin dwar is-sess u x’kien permess skont id-diċenza pubblika. Sors li żgur hu affidabbli kienu l-proċessi tal-Inkwiżizzjoni. Hawn insibu li kien jeżisti kemm sess qabel iż-żwieġ kif ukoll l-adulterju u omosesswalità karnali. Insibu diversi każi fejn nisa li jixtiequ jiġbdu l-ħajra tal-maħbub lejhom kienu jirrikorru għand dawk li kienu jipprattikaw l-okkult, billi dawn jużaw is-seħer tagħhom.
Is-sess bħala sors ta’ umoriżmu
Fl-1761, il-qassis, Dun Feliċ Demarco, kiteb versi umoristiċi biex ikunu rreċitati fil-qarċilla tal-Karnival ta’ dik is-sena. F’din ix-xena, ‘in-nutar’, il-karattru prinċipali tal-qarċilla, jaqra lill-koppja fittizja tal-għarajjes, id-dota mimlija affarijiet strambi li l-ġenituri kienu lesti li jagħtu lill-għarusa. Imbagħad kien jaqra wkoll il-wegħdi tal-għarus lejn l-għarusa. F’din it-taqbila Dun Feliċ juża ħafna kliem vulgari dwar is-sess, kollu intenzjonat li jdaħħaq lill-miġgħema li tkun qed tara u tisma’ madwaru. Xi wħud mir-referenzi dwar is-sess huma ewfemistiċi, oħrajn huma espliċiti u vulgari għall-aħħar. Fost affarijiet oħra, it-taqbila tal-qarċilla tgħid hekk:
Ukoll f’dak iż-żmien li tkun ħobbla [qed jirriferi għall-mara miżżewġa]
ma jistax isuqha [ir-raġel]
biex il-għarus jista’ jitla’ fuqha …
[.…] tagħmillu patt illi tagħmel it-trabi tagħha bil-wisq
Għax tħobb tibla z-zalzett frisk. [ewf. għall-organu sesswali] …
U titwaħħam wisq għal ħjar [ewfemiżmu ieħor għall-organu sesswali]
Għaliex tmut għan-nebula tal-majjal [l-organu sesswali tal-ħanżir] …
Dan kollu jirrifletti fuq il-psike ġenerali tal-Maltin ta’ dak iż-żmien, li juri li l-att sesswali kien xi ħaġa li jdaħħaq. Nerga’ ngħid, xejn ġdid għax ħaġa li ta’ spiss tiġri wkoll fi żmienna meta xi ħadd jirrakonta xi ċajta fuq dan is-suġġett.

Id-diċenza pubblika fil-Karnival
Il-bandu tal-Karnival kien jipprevedi li matul il-jiem tal-bluha ma jsirux atti mhux xierqa u immorali għad-diċenza pubblika. Ser nikkwota mill-bandu tal-Karnival li kien ħareġ ripetutament fis-snin 1723 -1725, fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena fejn fost l-ordnijiet insibu hekk:
‘[…] (Sua Altissima Serenita) Ordina e comanda che nessuna donna portar’ qualche faldetta di portina in modo che dal ginocchio in giu resti tutto scoperto […]’
‘[…] Che proibisce di piu a’ qualunque persona che non possa mascherasri in maniere illicite e scandalose […]’
‘[…] Proisbisce anco tanto alli uomini che alle donne che si vestano di mascherati che vadino onestamente e non portino in mano, ne di sua cose lascive e disoneste, sotto pena alli controventori Uomini di tre tratti di corda, et alle donne della frusta ipso facto incurrenda […]’.
Il-prostituzzjoni u l-liġijiet li jipproteġu kontra l-abbuż
Fis-seklu sbatax il-prostituzzjoni kienet xi ħaġa ttollerata kemm mill-istat, u mis-soċjetà, inkluża l-Knisja. Anzi kienet attività li sseħħ ta’ kuljum u kullimkien, basta fil-privat. L-istoriku Carmel Cassar jgħidilna li fl-istatus animarum tal-1667, fil-parroċċa tal-Porto Salvo, il-Belt, kien hemm irreġistrati 165 ‘donne pubbliche’. Dan in-numru kien jammonta għal 8 fil-mija tal-popolazzjoni femminili tal-istess parroċċa. Cassar ikompli jgħid li bejn 1600 u 1613, 35 fil-mija tat-tfal mgħammda kienu illeġittimi. Fl-irħula is-sitwazzjoni kienet differenti.

Yosanne Vella, fil-ktieb tagħha Women in 18th century Malta (2017) issemmi diversi tipi ta’ abbużi sesswali, kemm adulterji, atti sesswali kontra l-volonta tal-mara, pedofilija u prostituzzjoni. Nafu li fost affarijiet oħra, kien hemm każi fejn ir-raġel kien iqaħħab lill-martu, jew inkella li l-omm tħajjar lit-tifla tagħha tidħol fl-istess mistier. Il-vjolenza sesswali kienet illegali. Min kien jinqabad jikser il-liġi kien jeħel xebgħa frosta, ħabs, jew inkella snin ta’ qdif fuq ix-xwieni tal-Ordni. Sadanittant, meta raġel jaqbad lill-martu f’adulterju, ir-raġel kellu d-dritt li jibagħtha tingħalaq ġo kunvent.
L-omossesswalità dejjem kienet ikkunsidrata inaċċettabli u bħal wieħed mid-dnubiet il-kbar. De Soldanis kien isejjaħ bniedem sodomist bħala ‘buġarrun’ (mill-Isqalli buzzarruni). L-omossesswalità dejjem kienet ikkunsidrata illegali.
Giovanni Bonello jsemmi l-każ ta’ pedofelija fi żmien l-Ordni. Mastrudaxxa li kien jaħdem fit-Teatro Pubblico (it-Teatru Manoel) abbuża minn tifel ta’ għaxar. Dan ir-raġel intbagħat jaqdef fuq ix-xwieni tul il-bqija ta’ għomru.
Żmien l-Ingliżi f’Malta
Andrew Bigelow, qassis Protestant Amerikan li żgħar Malta fl-1827, jirrimarka li l-għada tal-Karnival, mijiet ta’ Maltin kienu jaqsmu mill-Belt lejn il-Kottonera bid-dgħajsa biex iżuru s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar bħala tapttija għad-dnubiet li jkunu twettqu fil-jiem tal-Karnival. Dan l-avveniment, magħruf bħala, Ħadd in-Nies, kien forma ta’ penitenza biex ipattu għan-nuqqasijiet ta’ mġiba mhux korretta.
John Hennen, tabib Ingliż li għex u ħadem f’Malta bejn l-1821 u 1824, biex ikun jista’ jinvestiga l-istat ta’ saħħa tas-suldati Ingliżi u tal-popolazzjoni Maltija inġenerali, jgħid li s-suldati Maltin fir-reġimenti kienu l-maġġorparti żgħażagħ li ma tantx kienu jbagħtu minn mard, ħlief mill-mard venereali! Dan jurina li f’Malta fiż-żmien li qed insemmu, iż-żgħażagħ Maltin ma kinux kollha ta’ subgħahom f’ħalqhom, jistennew iż-żwieġ biex iduqu l-pjaċir sesswali. Min minnhom ried ifittex is-sess kien jaf fejn isibu. E. Pullicino tgħidilna li fis-sena 1880, kienu rreġistrati f’Malta 172 każi ta’ siffillis (2023).

Eddie Attard fl-artiklu tiegħu, ‘Past laws regulating the oldest profession in Malta’, jagħti stampa ċara dwar il-prostituzzjoni f’Malta fis-seklu dsatax u fil-bidu tas-seklu għoxrin. Attard isemmi li fis-seklu dsatax kien hawn il-briedel, li ġew ipprojbiti bil-liġi tal-1898. Il-qoħob kienu rreġistrati mal-Pulizija u dawn kienu jagħmlulhom eżami mediku tal-inqas darba kull tliet xhur. Fl-1899, il-prostituti ta’ Strada Stretta ġew imwaqqfa milli jitlajjaw f’dik it-triq, jew li jabitaw f’dar li tmiss ma’ xi ħanut tax-xorb fl-istess triq. L-istess ġara f’bosta bliet u rħula madwar il-Port il-Kbir u ta’ Marsamxett. Attard jgħid li fl-1905 kien hawn mal-150 prostituta rreġistrata, biss, fil-verità, x’aktarx kien hawn id-doppju li ma kinux. Għalkemm il-prostituzzjoni ma kinetx tikkostitwixxi ksur tal-liġi, l-abbuż mid-diċenza pubblika kien. Mara Irlandiża li inqabdet mill-pulizija waqt li kellha x’taqsam ma’ suldat tar-reġiment taħt is-swar tal-Furjana ġiet arrestata u mibgħuta xagħar ħabs b’xogħol iebes (E. Pullicino, 2023).
Tibdil fil-mentalità tas-soċjetà fis-seklu għoxrin
Nistgħu ngħidu li sal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, il-maġġorparti taż-żgħażagħ Maltin kienu mtellgħin ‘sew u fil-biża’ ta’ Alla’. Biss, fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, eluf ta’ ġuvintur, issa li bdew isifru lejn l-Awstralja, l-Amerika, il-Kanada u l-Ingilterra biex isibu x-xogħol, bdew jiltaqgħu u jitħalltu ma’ tfajliet li kienu jħaddnu morali aktar liberi dwar is-sess qabel iż-żwieġ. Dawk minnhom li ġew lura Malta kellhom issa ideat oħra dwar sa fejn kellhom jaslu mat-tfajla tagħhom qabel iż-żwieġ. Ix-chaperones waqt il-ħruġ tan-namrati bdew bil-mod il-mod jonqsu.
Herbert Ganado, fir-raba’ volum tal-ġrajjiet tiegħu, Rajt Malta Tinbidel, jgħid li l-ġuvinturi Maltin tilfu l-innoċenza tagħhom fis-snin sittin meta bdew ġejjin l-ewwel turisti Skandinavi. Dawk li xtaqu s-sess liberu issa setgħu jakkwistawh b’mod aktar faċli – flok jixtru baqra sħiħa biex jissodisfaw l-aptit sesswali issa setgħu jigdmu biċċa laħam mingħajr biex jaqtgħu l-aptit tal-mument. Ma’ dawn kien hemm l-ispirazzjoni minn ċerti films aktar sfaċċati, li ħajruhom lil ħafna li jaġixxu b’mod aktar ‘liberu’ fejn kellu x’jaqsam is-sess. Żgur li bosta żgħażagħ li kienu jaraw dawn il-films tħajru jagħmlu l-istess bħall-idoli tagħhom tal-films.

Intant, ta’ minn wieħed isemmi li kemm l-adulterju kif ukoll l-atti omosesswali baqgħu ikkunsidrati bħala reat kriminali sas-snin sebgħin tas-seklu għoxrin. Is-sess li ilu pprattikat minn miljuni ta’ snin ilu, ferm qabel ma l-bniedem evolva bħala membru tas-soċjetà ċivili, kompla jkun u jibqa’ jkun imfittex għax hu istint u pjaċir primordjali ta’ kull ħleqa. Il-mod kif jiġi applikat jinbidel minn kultura għall-oħra u minn żmien għal ieħor. Fid-dinja permissiva tal-lum is-sess sar negozju kbir mad-dinja kollha, Malta inkluża!
©Martin Morana
3 ta’ Marzu 2026
Bibliografija
Aquilina Ġużè, Taħt Tliet Saltniet. Klabb Kotba Maltin. 1997
Attard Eddie, ‘Past laws regulating the oldest profession’, The Sunday Times of Malta, 16th March 2014.
Bigelow Andrew, Travels in Malta & Sicily with Sketches of Gibralatar. Carter Handee & Babcock, New York – Elam Bliss. 1831.
Bonello Giovanni, ‘Grins and Groans at the Manoel Theatre, The Sunday Times of Malta, June 15, 1997.
Bonnici Alexander, ‘Maltese Society under the Hospitallers in the Light of the Inquisition Documents’, Hospitaller Malta, 1530-1798, Ed. V. Mallia Milanes, Mireva Publications 1993.
Carabott Rosabelle, Damma Tal Kartaginis mscerred fel fom tal-Maltin u Għaucin. L-akkademja tal-Malti et al. 2016.
Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta. Mireva Publications, 2000.
Fenech Conrad, Dun Feliċ Demarco u l-Qqrċilla fil-Karnival tal-1760. Horizons, 2013.
Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, Vol IV. Klabb Kotba Maltin. 2025.
Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean,etc., Thomas & George Underwood, London, 1830.
McGill Thomas, A Handbook, or Guide for Strangers Visiting Malta. Luigi Tonna. 1839.
Pullicino Evelyn, Breaking the Law in Nineteenth Century Malta 1838 – 1888. Midsea Books. 2023.
Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto, Midsea Books 1989.
Vella Yosanne, Women in 18th Century Malta. SKS. 2017.
Zammit William, Kissing the Gallows – A Cultural History of Crime,Torture and Punishment in Malta, 16oo – 1798. BDL. 2016.
Bando – ‘Per le maschere’, Manuscript 429, Vol 1, Il-Bibljoteka Nazzjonali, il-Belt Valletta.
