iċ-ĊITTADELLA – l-istorja tagħha

IĊ-ĊITTADELLA

STORJA TA’ BELT-FORTIZZA   

Dik li llum ngħidulha ċ-Ċittadella fl-antik kienet magħrufa b’diversi ismijiet oħra, fosthom, il-Belt, l-Imdina, jew sempliċiment, is-Sur. Imbagħad m’mod x’aktarx uffiċjali kienet tissejjaħ wkoll, il Gran CastelloIllum għad hawn min isejħilha l-Kastell. Id-daħla ta’ dan il-kwartier kienet magħrufa bħala Porta Reale, jew Putirjal. Din il-parti l-aktar għolja tar-Rabat għandha wisgħa ta’ madwar 40,000 metru kwadru, u hi ukoll waħda mill-ogħljiet ta’ Għawdex, għax tinsab daqs 140 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar (G. Vella, 2007).

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Putirjal – id-daħla taċ-Ċittadella

Minħabba l-frammenti ta’ bini preistoriku ta’ Żmien il-Bronż li kien skava fir-Rabat l-arkeologu David Trump, wieħed għandu jassumi li anki l-inħawi aktar għolja tar-Rabat kienu abitati fl-istess żmien. Għalkemm fiċ-Ċittadella ma nstab l-ebda materjal ta’ dan iż-żmien, l-istudjużi huma konxji li f’dan il-perjodu, l-abitanti kienu bosta drabi jippreferu jkollhom l-abitazzjoni tagħhom f’postijiet għoljin li jiddominaw il-madwar. F’Malta pereżempju, hemm fdalijiet ta’ dan il-perjodu, fuq l-għolja ta’ Borġ in-Nadur, Il-Qlejgħa u Ġebel San Martin. Jekk xejn, f’post għoli bħal din il-ħotba tar-Rabat dak li jkun seta’ jsib ċertu serħan il-moħħ, għax kien jista’ jgħasses il-kosta ta’ Għawdex kollu, minħabba xi żbark minn qawwiet militari. L-għolja fiha nfisha kienet ukoll tagħti għejjun ta’ ilma li kienu jsaffu mill-blat u jċarċru ’l isfel lejn ir-Rabat.

Żmien ir-Rumani

citadel Ceres 142727Fi żmien li l-gżejjer Maltin kienu maħkuma minn Ruma (mill-218 Q.K. sal-5. seklu W.K), nafu li fir-Rabat u ċ-Ċittadella kienu jgħixu nies sinjuri u ta’ ċerta importanza fil-komunità. Dawn ma kinux ta’ nisel Malti, fis-sens li ma kinux ġejjin mill-kultura Semitika ta’ Kartaġni, iżda Rumani b’kultura Latina. Prova ta’ dan huma il-kwantità ta’ skrizzjonijiet bil-Latin u monumenti li jonoraw persunaġġi Rumani tal-epoka imperjali. Interessanti l-fatt li ċerta Lutatia, saċerdotessa tat-tempju, ħallset għal monument li twaqqaf ad unur ta’ Julia Augusta, il-mara tal-Imperatur Augustus (63 Q.K. – 14. W.K.). L-istess Julia Augusta kienet omm l-imperatur Tiberius (14 – 37 W.K.). Lutatia dan għamlitu għaliex dak iż-żmien, l-imperaturi u l-membri tal-familji tagħhom kienu meqjuma daks li kieku kull wieħed minnhom kien xi divinità. Fil-fatt, l-istatwa ta’ Julia Augusta hi rrafigurata bħala l-alla Rumana Ceres (A. Bonanno, 2005, M. Buhagiar, 2014).

Żmien il-Medjuevu

Mid-dokumenti storiċi li nstabu, jidher li s-swar taċ-Ċittadella bdew jieħdu s-sura tagħhom lejn l-aħħar tas-seklu tlettax. Fl-1241, Gilibertus Abate, fir-rapport tiegħu lil Frederiku t-Tieni, l-Imperatur Ġermaniż li kien jikkmanda l-Sqallija, l-Italja ta’ Isfel u Malta (1220 – 1250), jgħid li fiċ-Ċittadella kien hemm jgħixu mat-300 familja (P. Mizzi, Heritage Encyclopedia, Vol. VI). Dan jidher numru esaġerat għal kwartier daqshekk

Citadella Joe Morana 1384_n
Veduta taċ-Ċittadella – ħajr tar-ritratt lil Joe Morana

żgħir. Jista’ jkun li Gilibertus kien qiegħed jinkludi l-familji li jgħixu r-Rabat ukoll. Jidher li minn madwar l-1372, Għawdex kien amministrat mill-ħakem, jew kif kien magħruf, il Capitano della Verga. Bħala l-kap tal-universitas, jiġifieri l-uffiċċju amministrattiv ta’ Għawdex, dan il-kunsill kien jieħu ħsieb bosta affarijiet, fosthom l-importazzjoni ta’ oġġetti essenzjali, b’mod indipendenti mill-universitas tal-Imdina. Mal-ħakem kien hemm jamministraw erba’ ġurati. Għawdex kellu wkoll il-qrati tiegħu ppreseduti mill-istess ħakem. Apparti dawn kien hemm is-Secrezia, jiġifieri, l-uffiċċju tas-Secreto, li kien ir-rappreżentant tar-re jew viċi-re ta’ Sqallija. L-iskop prinċipali tas-Secreto kien li jiġbor it-taxxi, l-aktar mill-qbila (S. Fiorini, 1995). Dawn kollha u bosta oħrajn, bħal ngħidu aħna, is-suldati li kienu jgħassu s-swar kienu mħallsin mid-Dominju fi Sqallija.

Bħal f’Malta, mis-seklu tlettax ’il quddiem, il-Kristjaneżmu reġa’ beda jistabbilixxi ruħu f’Għawdex. Fis-seklu 15, l-Agostinjani waqqfu l-kunvent tagħhom fir-Rabat. Kemm fir-Rabat kif ukoll fiċ-Ċittadella kien hemm bosta knejjes kif ukoll sptar.

Matul is-sekli, Għawdex dejjem kien espost mill-attakki tal-furbani. Dawn ma kinux isalpaw biss mill-artijiet tal-Afrika ta’ Fuq iżda anki mill-Italja. Hekk insibu li fl-1274, flotta minn Ġenova attakkat u ħatfet eluf ta’ nies minn Għawdex u kaxkrithom lejn ix-xwieni tagħha, sempliċiment bi tpattija, għaliex dak iż-żmien il-gżejjer Maltin kienu maħkuma mill-Anġevini li kienu għedewwa tal-Ġenwiżi. L-istess ġara fl-1439 meta pirati minn Kalabrija ħatfu eluf ta’ Għawdxin bħala skjavi (Stanley Fiorni, 1995).

Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann

Meta l-Ordni ħa l-gżejjer Maltin taħt idejh, il-Gran Mastru appunta Kavallier bħala Gvernatur biex jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ Għawdex. Biss, l-uffiċċju tal-ħakem baqa’ sakemm finalment, dan ġie abolit fl-1551.

sqaq 54198095316979_oF’dik is-sena, sar żbark ieħor din id-darba mill-qawwiet Torok ta’ Sinam Baxà. Dakinhar il-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex, daqs 6,000 ruħ tkaxkret għal fuq ix-xwieni lejn Konstantinopli. (G. Vella, 2007). Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà baqgħet, anki jekk stess l-Ordni pprova jsib soluzzjoni aktar dejjiema, u bagħat għal bosta inġiniera militari biex jispezzjonaw is-swar taċ-Ċittadella ħalli jagħmlu r-rapporti bill-proposti tagħhom. Iċ-ċokon ta’ dan il-kwartier imdawwar bis-swaa ma kien jgħin xejn, għaliex bis-swar u mingħajrhom, il-binjiet u n-nies mistkenna ġewwa s-swar xorta kienu esposti għall-balal tal-kanuni li lgħadu kien jispara minn pożizzjonijiet fuq l-għoljiet tal-madwar.

Fl-1599 kien ġie Malta, l-inġinier militari, Giovanni Rinaldini biex jagħti s-suġġerimenti tiegħu. Dan kien qatagħha li ma kienx hemm wisq x’jista’ jsir biex is-swar taċ-Ċittadella jkunu aktar effikaċi. Hu kien tal-fehma li aħjar wieħed jaħseb biex jabbanduna dan il-kwartier u minflok, tinbena belt iffortifikata fejn in-nies setgħu jsibu kenn aktar fiż-żgur. Hu ssuġġerixxa li din il-belt għandha tinbena jew in-naħa ta’ Marsalforn jew inkella fuq l-għoljiet tal-Imġarr. Inġinier militari ieħor, Giovanni Pallavicino, kien anki ssuġġerixxa li biex is-swar taċ-Ċittadella ma jaqgħux f’idejn l-għadu, kellhom jitħaffru taħtha mini biex fihom jitqiegħed il-porvli biex jisploduha u jeqirduha bis-swar b’kollox (G. Vella, 2007). Minkejja dawn is-suġġerimenti drastiċi, l-Ordni għamar li x-xogħol fuq is-swar għandu jibda minnufih, u dan baqa’ sejjer sal-1623.

Biss, il-biża’ tal-Għawdxin li jiżbarkaw it-Torok u l-furbani mill-Afrika ta’ Fuq baqa’. L-Ordni kien ħareġ bandu biex bejn Mejju u l-aħħar ta’ Settembru, l-Għawdxin kienu mġiegħla jqattgħu l-iljieli ġewwa s-swar taċ-Ċittadella biex jevitaw li jkunu attakkati għall-għarrieda. Dan il-bandu ma baqax jgħodd wara li nbnew aktar torrijiet tal-għassa madwar Għawdex u fortizza fuq Kemmuna. Bil-mod il-mod in-nies bdiet tħoss moħħha aktar mistrieħ, u mill-1637 dan il-bandu waqaf milli jkun ipproklamat. Intant, l-abitanti ta’ wara s-swar bdew jinżlu jgħixu r-Rabat b’mod permanenti. Sal-1715, fiċ-Ċittadella kien għad hemm biss madwar 200 ruħ (G. Vella, 2008).

caitadel 08
Disinn taċ-Ċittadella magħmul fl-1745 minn L. Bartolo, patri Kapuċċin

Żmien il-Franċiżi

Bħal ma kien ġara f’Malta, fl-10 ta’ Ġunju tal-1798, il-Franċiżi żbarkaw f’Għawdex. Minnufiħ ħadu t-torrijiet tal-għassa f’idejhom, kif ukoll il-Fortizza Chambray u ċ-Ċittadella. F’tal-ewwel kienu stazzjonati 60 suldat Franċiż, waqt li fiċ-Ċittadella kien hemm mal-217-il suldat li tellgħu magħhom 36 kanun biex jiddefenduhom. Dawn kienu taħt il-kurunel Franċiż, Jean-Baptiste Lockey.

Bħal ma ġara f’Malta, fit-2 ta’ Settembru, jiġifieri ftit xhur wara l-wasla tal-Franċiżi, l-Għawdxin qamu f’rewwixta kontra l-ħakkiema l-ġodda, u l-Franċiżi spiċċaw assedjati ġewwa s-swar. L-Għawdxin malajr iffurmaw kumitat tal-gwerra, u minn popolazzjoni ta’ madwar 12,700 ruħ, ġabru daqs 2,300 ruħ fil-milizzja (J. Bezzina, 1998). Bħall-milizzja f’Malta, din kienet immexxija minn qassis, l-arċipriet tal-Matriċi, Dun Saverio Cassar. Dan kien stazzjonat mas-suldati fuq l-Għolja ta’ Gelmus (J. Bezzina, 1998). Il-Fortizza ta’ Chambray ma dametx ma ċediet; anzi is-suldati ta’ hawn ħarbu inkiss inkiss lejn Malta fil-lejl tas-16 ta’ Settembru. Dawk taċ-Ċittadella żammew il-kolp sat-28 ta’ Ottubru, sakemm fl-aħħar ċedew l-armi f’idejn l-Ingliżi li flimkien mat-truppi Portugiżi kienu għenew l-Għawdxin biex iqalftu ’l-Franċiżi ’l-barra mis-swar.

Żmien l-Ingliżi

Hekk kif telqu l-Franċiżi, l-Ingliżi żammew stakkament tat-truppi fiċ-Ċittadella. Dawn damu hemm sal-1868, meta mbagħad spustjaw ruħhom u marru fil-Fortizza Chambray. L-ambjent taċ-Ċittadella, matul is-seklu dsatax, kien sar wieħed dilapidat, aktar u aktar meta l-Għawdxin ħassew li issa li kellhom lil min jiddefendihom setgħu liberament jinżlu jgħixu r-Rabat. Għaldaqstant, issa r-Rabat kellu popolazzjoni akbar minn dik ta’ wara s-swar. B’hekk iċ-Ċittadella kienet bil-mod il-mod qed titlef l-importanza tagħha.

katidral 5149537611691_oKien bis-saħħa ta’ avveniment li kellu x’jaqsam mal-Matriċi li dan il-kwartier ma kienx abbandunat għal kollox. Fl-1864, Għawdex, wara ħafna appelli, sar djoċesi separata minn Malta u l-Matriċi issa saret Katidral. Dan kien ifisser li issa, l-Matriċi kellha l-amministrazzjoni spiritwali kif ukoll ta’ bosta aspetti tal-ħajja f’Għawdex f’idejha. Il-kulleġġ tal-monsinjuri issa sar Kapitlu bl-awtorità tal-isqof li seta’ jamministra l-beni tal-knisja kif xtaq hu. Bis-saħħa ta’ din l-amministrazzjoni aktar awtonoma, il-kommunikazzjoni bejn ir-Rabtin u l-Katidral bdiet tikber aktar maż-żmien. L-ewwel isqof ta’ Għawdex kien Monsinjur Michele Francesco Buttigieg, li sa ftit qabel kien l-isqof awżiljarju tal-isqof ta’ Malta.

Is-seklu għoxrin

Xorta waħda, tista’ tgħid li matul l-ewwel nofs ta’ dan is-seklu, iċ-Ċittadella spiċċat diżabitata għall-kollox. Ħlief għal quddies u ċelebrazzjonijiet oħra tal-Katidral kien hemm ftit raġunijiet għaliex l-abitanti tar-Rabat kellhom għalfejn jirfsu hemm. Terġa’, bosta kienu moqdija bil-knisja ta’ San Ġorġ u knejjes oħrajn fir-Rabat. Biss, il-Katidral kien għad kellu l-parruċċana tiegħu, u hawn kien jinsab il-palazz tal-Isqof ta’ Għawdex. Apparti minn hekk fiċ-Ċittadella kien hemm il-Qrati ta’ Għawdex.

Fortunatament, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, iċ-Ċittadella ma ntlaqtetx mill-bombi tal-għadu. Wara l-gwerra, il-Gvern Lokali ta’ Għawdex ta aktar attenzjoni biex jirrestawra dan il-kwartier. Fl-1956, is-sur ta’ quddiem il-Katidral twaqqa’ u minfloku saret arkata. Tbaxxa wkoll id-dislivell tal-pjazza biex jitħallew jitilgħu vetturi li kienu meħtieġa jwasslu kemm nies kif ukoll oġġetti ta’ ċertu toqol fiċ-Ċittadella.

Majmuna
L-iskrizzjoni fuq il-ġebla ta’ Majmuna – fil-Mużew tal-Arkeoloġija, Casa Bondi

Fl-1960, infetaħ l-ewwel mużew fiċ-Ċittadella f’Casa Bondì. Dan kien ukoll l-ewwel mużew li qatt infetaħ f’Għawdex. Fih ġew esebiti għall-ewwel darba oġġetti relatati mal-preistorja u l-istorja ta’ Għawdex. Fl-1979, il-Kapitlu tal-Katidral fetaħ il-mużew tiegħu wkoll, biex il-poplu jkun jista’ jgawdi l-oġġetti artistiċi u storiċi tal-Katidral. Imbagħad fit-tmeninijiet, il-Gvern fetaħ bosta mużewijiet f’binjiet oħra tal-istess ambjent. Sadanittant, fiċ-Ċittadella hemm jgħixu biss, żewġ familji.

Illum, iċ-Ċittadella hi l-post ewlieni ta’ interess li jżuru, l-eluf ta’ turisti li jmorru Għawdex, qabel ma jkomplu jiskopru s-sbuħija ta’ din il-gżira. Iċ-Ċittadella toffri mhux biss l-attrazzjonijiet tagħha, iżda minn fuq is-swar toffri wkoll veduta panoramika mill-isbaħ tal-pajsaġġ Għawdxi.

Martin Morana

3 ta’ Novembru 2022

 Ħajr lil Audrey Marie Bartolo tal-informazzjoni li għaddietli dwar l-isem interpretattiv tal-Kastell flok iċ-Ċittadella, u dwar l-abitanti attwali ta’ ġo fiha.

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija

Bezzina Joseph, ‘The Development and Consolidation of the Village Unit in 
Gozo after 1575’,
Gozo and Its Culture. Formatek Ltd. 1995.
Bezzina Joseph, ‘La Nazione Gozitana’, The Sunday Times, October 25. 1998.
Bonanno Anthony, Malta, Phoenician, Punic, and Roman. Midsea Books Ltd. 
2005.
Fiorini Stanley, ‘The Gozitan milieu during the Late Middle Ages, and Early 
Modern Times’, Gozo and Its Culture. Formatek Ltd. 1995.
Grima Joseph F. ‘Birth fof the Gozo diocese in 1864. The Sunday Times of 
Malta , October 25, 2020.
Mercieca, Gozo - Ancient and Modern Religious and Profane. Media Centre 
Publications. 1999.
Mizzi John A., ‘The French in Gozo’, The Sunday Times, May 31, 199?
Mizzi Pawlu, ‘Forts and Fortifications’, Heritage Encyclopedia, Vol VI. 
Midsea Books.
Tarpey Brian N. Foreign intervention during French occupation of Gozo’, 
The Sunday Times, February, 28, 1999.
Vella Godwin, ‘The Order’s resolution to blow up the Gran Castello’, 
Treasures of Malta, No. 38, Easter 2007, Vol. XIII, no. 2. Fondazzjoni 
Patrimonju Malti.
Vella Horatio C.R., ‘Gozo in Classical Literature’, Gozo and its Culture. 
Formatek Ltd. 1995.
Essays on the Archaeology and Ancient History of the Maltese Islands. - 
Bronze Age to Byzantine. Midsea Books Ltd. 2014.

Biex shadow

Kliem antik u minsi …….Ara aktar: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

5 Comments

  1. Grazzi mill-qalb,
    Dan hu taghrif il-veru interessanti u ta storja sinjura ta’pajjizna.
    Inselli ghalik u nirringrazzjak
    Greg Caruana

    Fuq nota personali :jekk jogbok m’ghandex xi haga dwar it-tradizzjonijiet taghna il-Maltin ta’ Novembru.li ahna insara ,taf int erwieh , etc etc.

    Dejjem tieghek fl-idejal
    Gregory Caruana
    4/11/2022.

    Like

  2. Taghrif interessanti hafna. Prosit. Jista’ jinghata iktar taghrif u dettalji fuq il-gebla ta’ Majmuna, jekk joghgbok? Nirringrazzjak.

    Like

    1. Hello Paul …

      ara risposta tiegħi ..

      MAJMUNA Il-ġebla ta’ Majmuna kienet intużat bħala għata fuq qabar Musulman. Fuqha hemm iskrizzjoni bil-Kufiks (l-eqdem tip ta’ kalligrafija tal-iskrittura Għarbija. L-iskrizzjoni hi talba li fiha tissemma Majmuna, tfajla ta’ 12-il sena, li mietet fit-12 ta’ Marzu tal-1174. Parti minn din l-iskrizzjoni hi meħuda mit-test tal-Koran. Il-provenjenza ta’ din il-ġebla mhix magħrufa, għalkemm ħafna jaħsbu li din kienet instabet qrib fis-Sannat f’ambjent li jismu appuntu Ta’ Majmuna. Fl-1839, din il-ġebla ġiet f’idejn il-familja Xara, biss, fl-1845 ingħatat lill-Bibljoteka. L-iskrizzjoni ġiet iddeċifrata minn ċertu Andrej Jakovlevic Italinski, li kien Ambaxxatur Russu f’Istanbul. Din il-ġebla tinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Arkeoloġija, (Casa Bondì, ir-Rabat, Għawdex. Jekk trid taqra l-iskrizzjoni bil-Malti ..ikklikkja fuq http://www.kliemustorja.com/m/

      Tislijiet Martin

      Like

  3. Proset Martin. Dejjem interessanti ferm l artikli tieghek; frott ta hafna studji.
    Grazzi

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s