ĠAĦAN – min kien?

Ikklikkja fuq waħda minn dawn l-ittri biex tidħol fil-paġni tal-Enċikopedija KliemuStorja …

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Xi ħrejjef minn

Malta – Sqallija – d-dinja Għarbija u t-Turkija

Book Cover
aktar dwar l-umoriżmu

Meta konna għadna tfal, ommi kienet ta’ spiss tgħidilna xi stejjer żgħar li xi wħud minnhom kienu jkunu dwar Ġaħan. Ħuti u jiena konna niftħu widnejna u nidħku kemm nifilħu bil-ħmerijiet li kien jagħmel dan it-tifel. Meta mbagħad kbirna xi ftit, u konna ta’ spiss nagħmlu xi ħmerija li ddejjaq lill-ommi, din kienet tuża l-istess karattru biex iċċanfarna u tgħajjat magħna: ‘ġib ruħek sew – qisek Ġaħan!’

 

Il-Ġaħan Malti

Ġaħan kif inhu magħruf fil-ħrejjef tat-tfal Maltin hu tfajjel mfarfar jew żagħżugħ żgħir, sempliċi, fidil, jibla’ kull ma jgħidulu, biss, meta jsib ruħu f’xi saram kien jaf juża moħħu – kif jaf hu – biex joħroġ minnu. L-isem Ġaħan ġej mill-Għarbi, Ġuħa jew Ġoħa, isem ta’ karattru komiku u fittizju ferm popolari fid-dinja Għarbija. L-isem bil-Malti baqa’ kważi l-istess. Cassar Pullicino jirrimarka li l-isem bil-Malti żdiditlu l-’n’ miegħu, bħal ma jiġri kultant fi kliem Malti ieħor, pereżempju, flok blu ngħidu blun,  flok screw ngħidu skrun, u sufà ġibniha sufan.

20210126_132227 - CopyHemm bosta praspar ta’ Ġaħan li ilhom jiġu rrakkuntati għal sekli sħaħ. L-aktar magħrufa, bla dubju ta’ xejn hi dik ta’ meta Ġaħan jiġbed il-bieb warajh. Żgur li tafuha … Hemm stejjer oħrajn ta’ Ġaħan li għadhom jingħadu, fosthom, ‘Ġaħan u l-Flieles’: Omm Ġaħan, qabel ma ħarġet mid-dar qaltlu, ‘Ara li tismod ’il-flieles. Issa tismod hu verb li ġej minn smid – jiġifieri, omm Ġaħan riedet tgħid, ‘itma lill-flieles bis-smid’. Ġaħan fehem din l-ordni kif ried hu: Qabad il-flieles u tefagħhom fil-borma bl-ilma jagħli biex jismothom.

L-istudjuż tal-foklor Ġorġ Mifsud Chircop fil-kitba tiegħu, ‘A Wise Fool’ An Anecdotal Cycle: A Reappraisal’ jagħti lista ta’ sbatax-il storja ta’ Ġaħan li kienu ddokumentati minn Ġużè Cassar Pulliċino (1967), Anton F. Attard (1970) u minnu. Mifsud Chircop kiteb diversi kotba ħelwin għat-tfal dwar dan il-karattru. Billi l-istejjer huma qosra, Mifsud Chircop ipprefera li  jdammhom flimkien u hekk ħoloq speċi ta’ stejjer itwal li fihom hemm bosta praspar. Hawn qiegħed nagħti titli (kif ħloqthom jien skont il-ħrafa) tal-praspar li sibt f’dawn il-kotba.

  • Ġaħan jiġbed il-bieb warajh
  • Ġaħan u ż-żewġ ħallelin
  • Ġaħan ipartat it-tiġieġa
  • Ġaħan jagħmilha tal-qroqqa
  • Ġaħan jibgħat il-baqra waħeda għand tal-laħam
  • Jalla jinfirdu / Ġaħan idaħħal raġel fl-ixkora
  • Ġaħan jaqta’ xagħru b’imħatra
  • Ġaħan iqaxxar il-leħja tal-ħanżira
  • Ġaħan idellek il-ħanżira bix-xaħam
  • Ġaħan jiżra’ il-laħam tal-ħanżira
  • Ġaħan jisraq mingħand tal-laħam
  • Kull mogħża għandha toqba taħt denbha
  • Il-ġlekk mistieden għall-ikla flok Ġaħan
  • Ġaħan u l-ġgant Gulija

Din tal-aħħar fiha ħafna stejjer żgħar li kollha kemm huma jirrakkuntaw kif Ġaħan għal bosta drabi jirbaħ kemm-il sfida magħmula mill-ġgant. Barra dawn l-istejjer hemm stejjer oħra li ġabarhom u ppubblikahom il-folklorista Ġermaniż, Hans Stumme. Dawn huma:

  • Ġaħan  jieħu l-ħanżira għat-tieġ u jisraqhilu ħalliel
  • Ġaħan joqgħod bilqiegħda fuq kaldarun imġemmed
  • Ġaħan jixtri ħmar għami u zopp
  • Ġaħan ibigħ id-drapp lill-statwa tal-ġibs
  • Ġaħan jaħsel il-kirxa fil-baħar
  • Ġaħan jitfa’ t-tarbija fil-misħun

 

Ġaħan fid-dinja Għarbija

Kif għedt diġà, Ġaħan mhuwiex xi karattru li oriġina mill-fantasija tal-Maltin. Fid-dinja Għarbija, Ġaħan hu magħruf sew. Biss hawn, dan il-karattru mhuwiex meqjus bħala tifel jew żagħżugħ għadu qed jitfarfar, iżda aktar bħala raġel magħmul, bid-daqna, miżżewweġ, u kultant anki xiħ. Dejjem jibqa’ karattru sempliċi, fabbli u fl-istess ħin ta’ ċertu ħażen, meta jsib dahru mal-ħajt … għalkemm mhux dejjem. Araw eżempju fejn Ġaħan, jew Ġuħa, juri l-inġenwità tiegħu.

قصص اطفال ,قصص اطفال,حوديت,جحا وصديقه في ورطه,جحا اشترى حماره,جحا المجنون,حوديت زمان,حكايات زمان,حمار جحا, نوادر جحا, جحا وتروه من الذهبDarba Ġuħa ried jaħbi teżor. Jum minnhom, rikeb fuq dahar il-ħmar u rħielha lejn id-deżert. Sab post fir-ramel, ħaffer ħofra, ħeba t-teżor u mar lura d-dar. Xi ftit xhur wara, iddeċida li jġib it-teżor lura minn fejn kien moħbi. Telaq bil-ħmar lejn dawk l-inħawi fejn hu mingħalih kien ħeba t-teżor. Idur idur idur, iħaffer ’l hawn u jħaffer ’l hinn, u t-teżor baqa’ ma sabux. Tħawwad u tnikket u qagħad bilqiegħda. Raġel bedwin li kien għaddej minn dawk l-inħawi ra lil Ġuħa sieket u mħasseb. Resaq lejh u staqsieh: ‘Hawn x’int tagħmel ħabib?’ ‘Qiegħed infittex it-teżor li ħbejt, biss ma nista’ nsibu mkien’. Il-bedwin qallu, ‘darb’oħra missek għamilt xi sinjal sigriet biex meta tiġi ssibu’. ‘Hekk għamilt’, qallu Ġuħa. ‘It-teżor dfintu fir-ramel eżattament taħt sħaba żgħira li kien hemm fis-sema li kienet differenti mis-sħab ta’ madwarha – għidt din is-sħaba niftkarha żgur. Biss, issa din ma tidher imkien’.

Xi ħrejjef  ta’ Ġaħan fid-dinja Għarbija

  • Ġuħa u l-musmar fid-dar
  • It-teżor mitluf fid-deżert
  • Ikel u ħlas bir-riħa
  • Ġuħa ibnu u l-ħmar
  • Ġuħa jixtri ħmar
  • Ġuħa, il-papra u l-ġirien
  • Is-soppa tal-ġebel
  • Ġuħa il-miġnun (l-ikla bil-fniek)
  • Ġuħa u l-ħmar mitluf
  • Ġuħa u l-ħalliel fid-dar

 

Ġiufà – Il-Ġaħan ta’ Sqallija

Fuq siti tal-internet Sqallin sibt mat-tletin ħrafa ta’ Ġaħan li xi wħud minnhom huma identiċi għal dawk li jingħadu anki mill-Maltin kif ukoll min-nies ta’ kulturi oħra. Il-praspura ta’ Ġaħan, ‘Iġbed il-Bieb Warajk’ /  Giufà Tirati la Porta hi fil-fatt l-aktar storja popolari, ta’ Ġaħan fi Sqallija. Hawn, Ġaħan hu magħruf Ġiufà, biss anki b’ismijiet oħra: fi Trapani, bħala Guċċà, u fil-komunità antika Albaniża li hemm ’il barra minn Palermo, dan jissejjah Giukkà. Fi Sqallija l-isem Giufà jidher li żviluppa aktar tard. Anki hawn, Giufà hu deskritt bħala raġel ta’ età medja u  jidher li kien ukoll miżżewweġ. Dejjem jibqa’ karattru li jdaħħaq bil-praspar tiegħu u bil-mod kif jirnexxielu  joħroġ minn xi basla.

Skont l-istudjuża tal-folklor, Micheline Galley, l-istejjer ta’ Ġaħan, kienu ġa jirrakkuntawhom fis-seklu disgħa fi Sqallija, u dawn ġabuhom magħhom l-Għarab mill-Afrika ta’ Fuq, meta dawn ħakmu lill-Sqallija fl-840. Nemmen bil-qawwa li kienu dawn l-istess Għarab ta’ Sqallija li daħħlu l-istejjer ta’ Ġuħa / Ġaħan f’Malta, meta dawn invadewha fl-870. L-influwenza Għarbija għadha tidher l-istejjer fi Sqallin, tant li fi ħrafa minnhom Giufà hu deskritt bħala Musulman. Araw eżempju kif.

gohaDarba Giufà kien qiegħed jiekol ma’ Nisrani u ma’ Lhudi. Biss, il-laħam li kellhom kien ftit wisq u ma’ setgħux jikluh it-tlieta li huma. Ftehemu li jmorru jorqdu u l-għada, min minnhom ikollu l-isbaħ ħolma jiekol dik il-laħma. L-għada, meta qamu bdew jirrakkuntaw il-ħolm tagħhom. Beda n-Nisrani: ‘JIen ħlomt li kont mal-Messija li beda jdawwarni fil-ġenna tas-smewwiet. Qabeż il-Lhudi u qal, ‘jien ħlomt li kont ma’ Mosé li beda jdawwarni mal-Muntanja Sinaj. Qabeż Giufà: ‘Jien ħlomt li rajtkom it-tnejn, u kif rajtkhom wieħed fis-sema u l-ieħor fuq il-muntanja f’kumpanija daqshekk importanti, għedt dawk mhux ġejjin lura qabel għada, u qbadt l-ikel u kiltu  jien qabel ma jiħżien’.

Intant, qiegħed nippreżenta lista ta’ titli ta’ ħrejjef Sqallin dwar Giufà / Ġaħan kif sibthom fuq is-sit  www.messsana.org fejn mat-titli hemm ukoll l-istejjer irrakkuntati. L-asterisk turi liema huma l-istejjer li jingħadu, kemm fi Sqallija kif ukoll f’Malta, fid-dinja Għarbija jew / u fit-Turkija. Irid ngħid li din mhiex xi lista finali. Jeħtiġli nagħmel aktar riċerka biex insib aktar konnessjonijiet dwar l-istejjer ta’ Ġaħan f’dawn il-pajjiżi.

Il barbiere maldestro                                               Giufà tirati la porta  * Malta
Giufà, la moglie e l’asino                                         
Giufà e il chiodo * Għ.
Giufà acquista il suo asino                                     
Giufà al mercato
Giufà e i due briganti
                                              Giufà e i tre monaci  * Turk
Giufà e il principe poeta                                         
Giufà e la luna  
Giufà e la marmitta  / Giufà e la pentola in prestito   * Malta
Giufà e la statua di gesso
* Malta                           Giufà e la sua tomba
Giufà e le stelle
* Turk                                             Giufà e le uova
Giufà e l’uomo asino
* Għ.                                      Giufà fa il medico
Giufà pittore di leoni                                               
Giufà venditore di seta
L’asino di Giufà
* Għ.                                               Le domande dei tre saggi * Turk
Giufà e la giustizia                                                   
Giufà e la chiave della cassaforte * Turk
Giufà e la pezza di tila                                             
Il suo asino contraddice Giufà * Turk * Għ.
Giufà e il profumo dell’arrosto
* Turk * Għ.          Giufà, il cristiano e l’ebreo * Turk

 

Ħoġa – Il-Ġaħan Tork

Waqt li f’Malta, fi Sqallija u fid-dinja Ġħarbija, il-karattru ta’ Ġaħan hu pinġut l-aktar bħala tifel jew raġel għażżien, imqarqaċ, baħnan u brikkun, fit-Turkija, Ġaħan hu raġel karattru aktar stuż, u għaref, biss jibqa’ dejjem fabbli u li bir-risposti tiegħu jdaħħkek.

hoga mullhaFit-Turkija isem Ġaħan hu Ħoġa, jew Kħoxa – l-isem komplut: Nasreddin Ħoġa. Hawn ta’ min wieħed jinnota li l-isem Ħoġa hu prattikament l-isem Ġoħa / Ġuħa tal-Għarab bil-ħsejjes tal-konsonanti maqlubin. Dan għaliex hekk kif l-istejjer bdew jinfirxu mill-ilsien Għarbi għal dak Tork saret dak li fil-lingwistika tissejjaħ metatesi. Dan iċ-ċaqliq ta’ konsonanti iseħħ kemm-il darba, mhux biss minn ilsien għall-ieħor imma anki fl-istess lingwa. Araw pereżempju fil-Malti, meta xi wħud jgħidu, Enrico flok  Neriku, pintlor flok timplor , jikbi flok jibki u kliem ieħor.

Intant, Ħoġa kien imfittex sew għall-għerf tiegħu, tant illi fl-istejjer li jingħadu dwaru ġieli tawh ir-rwol ta’ qadi (imħallef), mullah (bniedem ta’ Għerf fit-tagħlim Islamiku), jew imam (dak li jigwida lill-Musulmani fit-talb fil-moskeja). Kien hawn min jemmen li dan il-karattru kien jeżisti verament u skont xi wħud, Ħoġa kien midħla wkoll tal-Imperatur Mongolu, Timbur Leng (jew Tamburlane), li kien jaħkem b’id tal-ħadid lit-Turkija u l-madwar. Fit-Turkija u f’pajjiżi oħra hemm anki statwi ta’ Ħoġa fit-toroq.

Waħda mill-istejjer li tingħad dwar Ħoġa, fit-Turkija, u li tingħad f’Malta wkoll, hi din: Ġaħan kien ilu ħafna jixtieq jattendi għal xi wieħed mill-festini kbar li kienu jsiru fil-palazz tal-Imperatur. Biss, kien imur dejjem żmattat u meta kien jasal biex jidħol fis-sala tar-riċeviment, dawk ta’ mal-bieb, kif jarawh liebes hekk, kienu jwaqqfuh u jdawrulu denbu lura biex jitlaq minn fejn ġie. Din ġrat kemm-il darba. Fl-aħħar. Ħoġa qatagħha li d-darba li jmiss imur liebes pulit. Hekk għamel, u din id-darba l-għassiesa tal-bieb ħallew jidħol fis-sala tar-riċeviment.

Matul is-serata Ħoġa beda jħuf mal-imwejjed tal-ikel, jaħtaf kemm jiflaħ minn kull oġġett li kien offrut. Biss, flok kiel, beda jitfa’ l-ikel fil-but tal-ġlekk. Kulħadd tkaża bih, u fl-aħħar il-kbir nett inkarigat mir-riċeviment mar fuqu u qallu: ‘Ħoġa, x’int tagħmel? Għaliex flok ma tiekol l-ikel li hawn offrut, qiegħed titfgħu fil-but tal-ġlekk? Ħoġa pront dar fuqu u qallu: ‘Jien kull meta ġejt għar-riċeviment dejjem għalaqtuli l-bieb ma’ wiċċi għax ġejt b’ilbies żdingat. Issa li ġejt liebes pulit daħħaltuni għall-ikla. Mela dan juri biċ-ċar li intom mhux lili stidintu imma ’l-ġlekk. Għalhekk jien qiegħed nitma’ l-ġlekk!’ Minn din l-istorja fil-lingwaġġ Malti għadna ngħidu, ‘l-iblies għamlu nies lil Ġaħan’.

Ġaħan fil-Mediterran u ’lil hinn minnu

guha torkXi wħud jaħsbu li Ġaħan oriġina fil-Persja (l-Iran) minn fejn l-istejjer dwaru nfirxu fid-dinja Għarbija u mal-Mediterran kif ukoll f’bosta pajjiżi oħra. Fil-ktieb Folktales of Joha – Jewish Trickster, il-kittieba Matilda Koehn Sarano ġabret mat-300 storja dwar Ġaħan mill-kultura tal-ilsien Ladino – Ġudeo Spanjol, id-djalett li kienu jitkellmu bih s-Sefardin ta’ Spanja, u oħrajn qabel ma  tkeċċew minn Spanja fl-1492.

Koehn Sarano tirriferi għal Ġoħa bħala l-karattru ta’ żewġ uċuħ, għaliex hu karattru, baħnan u fl-istess ħin jilħaqlu, jitqarraq faċilment, biss hu stess hu qarrieqi, sempliċi u fl-istess ħin juża strateġiji biex jasal fejn irid hu. Forsi għalhekk nibqgħu ningustaw dan il-karattru, u oħrajn bħalu li nħolqu f’pajjiżi oħra, minkejja li b’isem differenti. Dan il-karattru għandu kwalitajiet speċjali, li meta tqegħidhom flimkien issib li jdaħħkuk u tingustahom.

Qwiel dwar Ġaħan fil-Malti

  • Ġaħan b’uliedu – tingħad għal xi familja fqira u belhiena
  • Lil Ġaħan il-libsa għamlitu nies
  • Ġaħan dejjem ferħan  u rebbieh – jiġifieri, il-baħnan ta’ sikwit isib xortih tajba
  • Ġaħan beda minn qrabatu – jiġifieri, l-imġieba tajba jew ħażina titgħallimha mid-dar
  • L-imħatra ta’ Ġaħan dejjem rebbieħa (M.A.V.)

Espressjonijiet

  • Ngħidu, ‘negozju ta’ Ġaħan’, għal xogħol li ma jirrendix flus.
  • Għamilha ta’ Ġaħan biex ma jħallasx dwana.
  • Kellu bħal Ġaħan jibla’ kull ma qal.
  • Omm Ġaħan b’uliedha – tingħad meta xi familja kbira titfaċċa kollha kemm hi x’imkien.
  • Għamel waħda ta’ Ġaħan.

U Bilħaqq …

Qatt kontu tafu li F’Għawdex kienu jinbiegħu l-pastizzi ta’ Ġaħan. Kienu tip ta’ ħlewwiet magħmula mit-tin imqadded. Tridu r-riċetta? Mela ħsibtuni Ġaħan lili jew? L-ewwel trid tirrakkontali xi storja li taf int dwar Ġaħan! 1495750744Winking-emoticon-emoji-Clipart-info

Bis-serjetà …. din tista’ tibgħatha hawn: mohba2016@gmail.com. GRAZZI

Ħajr lil Audrey Marie Bartolo u l-ommha minn Għawdex għal-informazzjoni dwar il-pastizzi ta’ Ġaħan.

Martin Morana

23/07/2020

*        *        *

gazzettiD Giahan03

Kitbiet li rriferejt għalihom

Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary, Midsea Books Ltd., 1987.
Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folkore, Malta University Press. 1972.
Crane Thomas Friederick, ‘Italian Popular Tales, Chapter VI - Stories and 
Jests’. internet
Galley Micheline, ‘Two Folkloristic Articles: A Mediterranean Hero'. internet
Grima Lily, Stumme’s Folktales from Malta. Malta University Publishing, 2019.
Manduca J.S. u Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group, 1989.
Matteo, Matelli, 'Leggere l'idiozia. Note sul ciclo narrativo di Ġiufà' - rearchgate.net
Mifsud Chircop Ġorg, Ġaħan u Ħrejjef oħra, Gulf Publishing, 1992.
Mifsud Chircop Ġorġ, ‘A Wise Fool’ An Anecdotal Cycle: A Reappraisal’. 
http://www.eel.folklore/vol38/mifsud.pdf. 
Shelton Michael, Once there was, Twice there wasn’t, Fifty Turkish Tales of
 Nasreddin Hoja,  (2012).
Stumme Hans, Mältesische Märchen: Gedichten und Rätsel in deutscher 
Übersetzung. Leipzig, 1904.
Vella Camilleri Doris, ‘Il-Ġaħan Ta’ Madwarna’ https://um.edu.mt (PDF file)
L-esilaranti Storie di Giufà - www.messana.org.
Wiki source, the free online library

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Issib informazzjoni dwar Ġaħan u l-umorżmu Malti f’din il-pubblikazzjoni:

Biex tkun taf aktar ikklikkja hawn:

https://sites.google.com/view/maltesehumoursbutseriously/home

Cover

Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur – ikklikkja hawn: 

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

ISSA  anki ppubblikat bħala ebook fuq Amazon / Kindle. Ikklikkja hawn: 

https://WWW.AMAZON.COM/MALTESE-HUMOUR-SERIOUSLY-MARTIN-MORANA-EBOOK/DP/B08ZYYZ5PM/REF=SR_1_2?DCHILD=1&QID=1616830931&REFINEMENTS=P_28%3AMALTESE&S=BOOKS&SR=1-2

https://kliemustorja.com/2021/11/20/ajjut-help/

4 Comments

  1. Wow wow Martin. Hawn m intix b’idejk fuq zaqqek, ghaddej gmielek. PROSIT TASSEW ghal ko tribut validu li toffri lis- socketa Maltija. Alla hares ma jkunux nies bhalek li jirricerkaw il passat biex jitfakkar fil futur. GRAZZI MARTIN.

    Liked by 1 person

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s