MELĦ

Il-produzzjoni tal-melħ

f’Malta

matul is-sekli 

Dan l-aħħar smajna li s-salini ta’ Burmarrad, li jinsabu fil-bajja tal-isem, ġew irrestawrati u qed jerġgħu jinħadmu biex jipproduċu l-melħ. Dawn kienu ilhom is-snin weqfin, għax l-aħħar li ntużaw kien fis-snin tmenin. Biss, jidher li issa, apparti li qed iservu ta’ riserva naturali għall-għasafar, Birdlife Malta (https://birdlifemalta.org/) qed terġa’ tagħtihom il-ħajja billi tkabbar il-melħ fil-vaski kbar li hemm.

L-Importanza tal-melħ maż-żminijiet

20210404_095938
Is-salini tas-Siberja, Marsaskala bil-vaski l-kbar

Il-produzzjoni tal-melħ ilha ssir mill-bniedem għall-mijiet – jekk mhux għal eluf tas-snin. Fejn hemm l-ilma baħar u fejn tiżreġ ix-xemx, il-melħ jista’ jiġi kkultivat f’ħofor, xi wħud minnhom imnaqqxa fil-blat min-natura, u dawk imħaffra mill-bniedem mijiet tas-snin ilu. F’pajjiżi oħra, fejn ma hemmx baħar, bħal fil-muntanji tal-Bavarja u l-Awstrija, il-melħ hu estratt mill-minjieri, bħal ma naraw fl-inħawi ta’ Salzburg, (l-isem jindika fih innifsu li hawn jeżsistu minjieri tal-melħ). Fil-każ ta’ Malta, l-isem Mellieħa wkoll jindika li hawn kien jinħadem il-melħ għal mijiet ta’ snin.

Il-melħ, qabel aktar mil-lum, jintuża biex jippreżerva kwantitajiet u kwalitajiet kbar ta’ ikel, kemm jekk laħam kif ukoll ħut. Il-melħ kien ukoll jintuża għal bosta skopijiet oħra, fosthom għal proċess tal-ġild tal-annimali, għax jekk dan ma jsirx mill-aktar fis hekk kif jinqatel l-annimal, il-ġilda tipputrifika u tmur. Dan biex ma nsemmux l-użu mediċinali li l-melħ kellu u għad għandu għal kura u s-saħħa tal-bniedem. Iżda hekk kif ġiet ivvintata r-refrigirator l-użu beda jonqos drastikament għax issa kien hemm metodu ġdid kif tippriżervakull oġġett organiku b’mod aktar effikaċi.

Il-melħ jista’ jkun ta’ kwalità fina u rqieqa, tajjeb biex jintuża immedjatament waqt l-ikel, inkella oħxon, tajjeb għall-preparament tal-ikel fil-borma, jew għall-preservazzjoni tal-ikel għal bosta xhur jekk mhux snin. Skont studji li saru minn The Salt Institute of the Hague, nafu li hemm mal-erbatax-il elf użu differenti għal melħ, f’diversi oqsma tal-ħajja. (Polyn Dingli – 2001).

L-istorja tal-produzzjoni tal-melħ ta’ Malta

 Kemm qabel, kif ukoll fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, is-salini mferrxa fuq it-tliet gżejjer jissemmew bosta drabi, daqqa f’dokument, daqqa f’ieħor. Wieħed mill-eqdem dokumenti li jsemmu is-salini tal-Mellieħa hu il-portulan (gwida tan-navigazzjoni għal baħħara) li kien ippubblikat f’Venezja fis-seklu ħmistax. Dan jgħid hekk: ‘[…] la ponta de Malta che é de ver Comin nome Ponta de Milach [Mellieħa], e là si è Saline infra terra mia [miglia] II […]’ (Arnold Cassola, 2011).

 F’wieħed mill-affreski li Mattia Perez d’Aleccio pinġa fis-sala l-kbira tal-Palazz tal-Gran Mastri fl-1575, hemm mappa ta’ Malta li turi l-iżbark tat-truppi Torok fil-bidu tal-Assedju l-Kbir tal-1565. F’din il-mappa jidhru żewġ salini fil-Majjistral tal-gżira. Fl-istess dettall tal-mappa dawn ingħataw isem, le Saline Nuove, u le Saline Vecchie. Tal-ewwel huma s-salini li hemm fil-bajja ta’ Burmarrad, (illum magħrufa sempliċiment bħala ‘is-Salini’), u tat-tieni, l-isem u mmarkat fuq il-post ’il ġewwa mir-ramla, tal-bajja tal-Għadira, bħal li kieku jinsabu fir-roqgħa mistagħdra li llum tagħmel parti mir-riserva naturali tal-għasafar. Fl-istess dettal tal-mappa, il-bajja tal-Mellieħa hi msejħa bħala, Porto delle Saline Vecchie.

AFFRESK 1575MG_3861 - Copy

Minn bandu li kien ippubblikat f’isem il-Gran Mastru Vilhena f’Ġunju tal-1725, nafu li l-melħ li kien jinħadem fin-naħa tal-majjistral ta’ Malta kien jinġarr fuq id-dgħajjes fil-Port il-Kbir biex jinbiegħ fl-ibliet ta’ madwar il-port. L-istess bandu kien jordna li l-barklori tad-dgħajjes jew is-sajjieda biex ma jinżlux l-art fejn ‘il-gżira tal-Għallis’ mingħajr permess. Mid-dehra, minn hawn kien qed jinsteraq il-melħ mis-salini ta’ ċertu Paolo Aquilina gabellotto’, minn Birkirkara. (Bando Junii 1725, Manusc. 429, Malta National Library).

Il-konslu residenti Franċiż f’Malta, Dominique Miège (1841), jikkwota statistika li tagħti bosta informazzjoni dwar il-produzzjoni tal-melħ fi żmienu. Miège jgħid li l-akbar salini kienu dawk ta’ ‘Benhorat’ [Burmarrad], ta’ Marsaxlokk, (227 m x 185 metri) u tal-Mellieħa (140 m x 116 m). Waqt li tal-ewwel u tat-tielet kienu proprjetà tal-gvern, dawk ta’ Marsaxlokk kienu ta’ xi ħadd privat. Dawn u oħrajn kienu jipproduċu b’kollox mal-34,000 salma (10.78 miljun kilogramm) melħ fis-sena. Minnhom daqs 4,000 salma biss kienu jkunu għal konsum lokali, waqt li 30,000 salma kienet tkun esportata. Il-bejgħ totali kien jammonta mas-70,000 skud. Kull salma melħ (317 kg) kienet tinbiegħ 4 skudi. * Sfortunatament Miège ma jgħidx fejn kienet esportata l-maġġorparti tal-melħ. Biss minn sors ieħor nafu li fis-seklu tmintax u l-bidu tas-seklu dsatax kultant dan il-melħ kien anki jkun esportat lejn il-pajjiżi Baltiċi. Jista’ jkun ukoll li apparti li waqt li dan kien jinġarr biex jinbiegħ f’dawn il-pajjiżi, il-bastimenti li jkunu ħattew l-merkanzija tagħhom fil-Mediterran, kienu jużaw il-melħ bħala saborra (Ing. ballast) Michela D’Angelo 2018).

Is-Salini f’Burmarrad

Salina tks to Salina Nature Park IMG_1582
Ħajr għar-ritratt: Salini Nature Park

Is-salini ta’ Burmarrad huma l-akbar salini li hawn f’Malta. Dawn kienu mibnija apposta fis-seklu sittax mill-Ordni ta’ San Ġwann. Flok imħaffrin fil-blat bħas-salini l-oħra, dawn jikkonsistu minn bosta ħwat kbar magħmula minn ħitan baxxi li jimlew il-ġewwieni tal-bajja u jaqsmuha fi kwantità ta’ vaski mdaqqsa mimlija bl-ilma baħar. Dawn il-baċini jinfirxu fuq medda ta’ 5,220 metru kwadru (P. Dingli, 2001). Minnhom hemm tlieta u tletin għadira, 23 minnhom magħrufa bħala ‘tal-misħun’, u għaxra oħra tal-melħ, tal-aħħar maqsuma b’biċċiet iżgħar u baxxi (Paul P. Borg, 2000). Kien hemm żmien meta dawn is-salini kienu jipproduċu b’kollox, mal-2000 tunellata melħ fis-sena. **  Il-barrakki, jiġifieri, il-kmamar tal-injam fejn kien jinħażen il-melħ, saru fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1601 – 1622), u baqgħu jintużaw sas-snin tmenin tas-seklu għoxrin.

Il-proċess tal-produzzjoni tal-melħ

Ħlief għas-salini ta’ Burmarrad, is-salini fil-gżejjer Maltin huma kollha mħaffra fil-blat tal-franka. Dawn huma mifruxa fuq it-tliet gżejjer, fejn il-blat hu baxx, biss, kemxejn ogħla minn wiċċ il-baħar. Issibhom normalment f’ġemgħat ta’ ħwat ta’ ftit ċentimentri fond u ta’ forma kwadra, jew irregolari. Il-wisa’ tagħhom hu ġeneralment bejn 1.5 u 2.5 metri kwadri. F’dan l-ispazju u fond ċkejken, il-melħ jikkristalizza u jinxef fi ftit jiem.

Is-salini jinqasmu f’diversi kategoriji, jew aħjar gradi, u l-ilma baħar jitqassam fihom skont l-istadju ta’ tinxif li jkun għaddej minnu. L-aktar qrib il-baħar mis-salini hemm speċi ta’ ġibjun (ġieli jgħidulu vaska), li jimtela’ kemm b’mod naturali bil-mewġ tal-baħar f’jiem ta’ maltemp xitwi, kif ukoll bi bramel (qabel kien jittella’ bil-grabja u t-tarjola – illum l-ilma jittella’ bil-pompi).

salt pans IMG_8353

Il-proċess tal-produzzjoni tal-melħ tibda f’Mejju, bil-ġbir tal-ilma fl-ewwel vaska. Imbagħad wara xi jiem dan l-ilma jinqaleb fil-ġibjun tal-misħun li jkun ippożizzjonat aktar fl-għoli biex ma jilħqux il-mewġ tal-baħar, u b’hekk l-ilma ta’ ġo fih jisħon u l-melħ jibda jikkristalizza bil-mod il-mod. Dan ix-xogħol jibda f’Mejju biex ikun evitat li tagħmel ix-xita, għax jekk dan jiġri u l-ilma salmastru tal-ġibjun jitħallat mal-ilma tax-xita, is-salinità tonqos u l-melħ qatt ma jimmatura kif suppost. Jekk jiġri dan, il-proċess irid jibda mill-ġdid.

Hekk kif l-ilma jsir aktar immellaħ dan jibda jitqassam minn dan il-ġibjun minn ġo kanali (xi wħud jgħidulhom gufuni) għall-għadajjar iżgħar (jidgħulom skandlori) biex il-melħ jibda jinxef sew mill-ilma baħar. Billi l-għadajjar huma fondi biss daqs pulzier jew kemm kemm aktar, u billi l-blat stess jisħon fil-jiem twal u sħan tas-sajf, dan il-proċess jitħaffef sew u l-melħ kapaċi jinxef f’temp ta’ ħamest ijiem. Naturalment, is-salini l-kbar bħal dawk ta’ Burmarrad jieħdu ħafna aktar, minn 15-il jum sa xahar sħiħ.

Salina tks to Salina Nature Park 00168
Ħajr għar-ritratt: Salini Nature Park

Dan il-proċess jimxi bil-mod, jew jitħaffef, mhux biss bis-sħana, iżda wkoll skont id-direzzjoni tar-riħ. L-aħjar riħ hu dak li jkun ġej mill-Punent jew mill-Majjistral. Ir-riħ mit-Tramuntana li hu aktar rari għandu tendenza li jagħmel il-melħ irqaq aktar minn irjieħ oħrajn. Fejn ir-riħ ma jwassalx imbagħad hemm l-għeriebel (plural ta’ għarbiel), biex il-melħ fin ikun isseparat mill-melħ oħxon. L-irjieħ tan-Nofsinhar ifixklu l-proċess u jħallu l-melħ imdennes. Normalment,  il-ġbir tal-melħ jibda għal Lulju. Sa Settembru, ix-xogħol irid ikun komplut qabel ma tagħmel l-ewwel xita. Sid is-salini u dawk impjegati miegħu,  jinżlu bl-ixkupi u l-bramel u jibdew jikinsu l-melħ f’għaram (plural ta’ għorma – munzell forma ta’ kown). Mal-jum, il-melħ ikun inġabar u dan jittieħed ġo kmamar biex ikun merfuh hemm sakemm jiġi biex jinbiegħ. Fil-każ tas-salini li hemm ix-Xwejni, Marsalforn, dan il-melħ jintrefa’ fi kmamar imħaffra fil-blat tal-madwar.

Il-melħ Illum u fil-futur

Fost is-salini li kienu mħaffra fil-blat insibu dawk ta’ Għawdex, bħal tal-Qala, Xatt l-Aħmar, Dwejra, Ras il-Ħobz u x-Xlendi. F’Malta insibu is-salini fil-ponta taż-Żonqor f’Marsaskala u n-naħa l-oħra tal-istess bajja, żona magħrufa bħala Tas-Siberja, San Pawl il-Baħar / Buġibba, Delimara, ix-Xgħajra, Xrobb l-Għaġin, u Birżebbuġa fost ħafna oħrajn. Anki fuq Kemmuna għad hemm ukoll xi salini.

IMG_7159 (2)

Minn dawn kollha, ħlief għal tnejn minnhom, ma għadhomx jinħadmu. Iż-żewġ salini li għadhom jinħadmu b’mod produttiv u kummerċjali, huma dawk Tax-Xwejni, qrib Marsalforn u dawk taż-Żonqor, Wied il-Għajn. Jekk kollox imur sew, dalwaqt ikollna it-tielet ġemgħa ta’ salini produttivi, dawk ta’ Burmarrad fil-bajja tas-Salina, li tieħu ħsiebhom Birdlife Malta. Irrid ngħid, li waqt li qed nikteb dan, il-melħ li tkabbar u nġabar fis-Salini Nature Park għall-ewwel darba din is-sena ġie eżaminat fil-laboratorju għall-kwalitajiet tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam istandard bħala prodott li jista’ jkun ikkunsmat, u nstab li hu ta’ kwalità tajba.

* Dak iż-żmien skud kien jiswa daqs il-paga ta’ jum xogħol ta’ naġġar. Bennej imbagħad kien jaqla’ żewġ skudi. (Sors: P.P. Castagna (1860).

** Skont Miège, is-salini tal-Mellieha u dawk ta’ Burmarrad f’daqqa kienu jipproduċu 20,000 salma (x 317 kg = Kg 6,340,000).

Martin Morana

13 ta’ Jannar 2022

Sorsi ta' informazzjoni 

(Bando Junii 1725, Manusc. 429, Malta National Library).

Borg Paul P., Snajja’ u Xogħol il-Maltin. PEG. 2000.

Cassola Arnold, Malta - People, Toponomy, Language, (4th Century B.C. - 1600). The Farsons Foundation. 2011.

Clarke E.V. / Agius Vadala Maurice, Salt Pans in Malta - History Structure 
Operation.The state Veterinary Journal (U.K. September 1951. Vol VI. No. 18.

D’Angelo Michela, ‘Malta and the Baltic connection: Ships, Masters and goods
passing passing through the Straits of the Sound - 1743 - 1856’. The Port of
Malta. (Ed. Vassallo Carmel & Mercieca Simon). Progress Press. 2018.

Dingli Polyn, ‘Salini: Salt Pans of the Maltese Islands’. Vigilio. October 
2001. No 20.  Gambin Kenneth & Buttigieg Noel, Storja tal-Kultura ta’ L-Ikel f’Malta. PIN. 2003. Mallia Manuel, ‘Salina produces salt again’. Birdlifemalta, August 31, 2021. https://birdlifemalta.org/2021/08/salina-produces-salt-again/ (https://birdlifemalta.org/)
Salina Nature Reserve
Miegè Dominique, L’Histoire de Malte. N.J. Gregoir, V. Wguters et Co. Brussels
(1841). https://medwet.org/2017/12/mediterranean-salinas-xwejni-malta/ https://medsnail.gozoregion.eu/2021/03/25/video-about-salt-production-in-gozo/

Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Ġabra ta' kliem ħafna minnu antik u minsi kif ukoll aneddoti mill-istorja 
ta' Malta ...ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-
tal-istess-awtur/

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s