Ikklikkja fuq waħda minn dawn l-ittri biex tidħol fil-paġni tal-Enċikopedija KliemuStorja …
A* B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Il-produzzjoni tal-inbid tmur lura sa żminijiet antiki, possibiliment anki sal-preistorja. Din l-attività agrikola tissemma anki diversi drabi kemm fit-Testment l-Antik kif ukoll fit-Testment il-Ġdid.
F’Malta, il-vitikultura, jiġifieri t-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni tal-inbid tmur lura mijiet, jekk mhux eluf tas-snin. Nafu li fi żmien ir-Rumani, f’Malta kienet impurtata kwantità kbira ta’ nbejjed. Dan u evidenti għax kemm-il darba instabu anfori magħmula apposta biex fihom jinġarr u jinħażen l-inbid. Żgur li l-bdiewa Maltin tħajru li jipproduċu l-inbejjed tagħhom, simili għal dak li kien qiegħed jiġi impurtat. Jista’ jkun li l-magħsar taż-żejt li instabu f’siti arkeoloġiċi f’Malta u Għawdex kienu jintużaw ukoll bħala magħsar għall-għeneb biex isir l-ipproċessar tal-inbid. Intant, jaħsbu li s-sejba ta’ linji maqtugħa fil-blat fis-sit arkeoloġiku Ruman, fl-iskola taż-Żejtun, tindika li dawn kienu magħmula għat-tkabbir tad-dwieli. Dawk midħla sew tal-istorja jaħsbu li l-produzzjoni tal-inbid baqa’ għaddej sa mijiet ta’ snin wara li l-Imperu Ruman majna u floku daħlet f’Malta l-influwenza tal-ħakkiema Biżantini.
L-inbid għandu sens ‘kważi-reliġjuż’ minħabba l-fatt li jissemma fil-Miraklu ta’ Kana u fil-Vanġelu, fl-Aħħar Ċena, meta Kristu ħeġġeġ lill-Appostli, ‘ħudu u ixorbu għax dan huwa demmi’. Fil-quddiesa dan l-episodju niftakru fih waqt l-offertorju u t-tqarbin.
Għandna nassumu li meta Malta kienet maħkuma mill-Għarab il-vitikultura waqfet minħabba t-twemmin Musulman li ma jippermettix il-konsum tal-inbid. Biss, meta fis-sekli ta’ wara, Malta kienet reġgħet saret Nisranija u bosta nazzjonijiet Ewropej bdew jakmu ’l-Malta, tal-vitikultura reġħet bdiet dieħla fostna.
Matul is-sekli l-inbid kien dejjem apprezzat mhux biss għat-togħma bnina u qawwija tiegħu, iżda anki għax kienu jemmnu li dan sata’ jiswA ta’ ġid għas-saħħa, aktar mix-xorb. Bosta kienu jemmnu li l-inbid kellu anki nutrijenti li jfejqu. Ovid Doublet, is-segretarju tal-Gran Mastru Hompesch, fil-kitba tiegħu dwar ħajtu fi żmien l-aħħar snin tal-Ordni f’Malta, jgħid illi meta kien marid, kien hemm min, meta mar jarah, ġablu l-inbid. Mhux ta’ b’xejn mela li l-qawl Malti jgħid, ‘l-inbid hu l-ħalib tax-xjuħ’. Hekk kif il-ħalib hu tajjeb għat-trabi, daqstant ieħor l-inbid hu ta’ ġid għal min hu nieqes minn saħħtu.
Matul is-sekli, il-kultivazzjoni tad-dwieli f’Malta dejjem baqgħet waħda baxxa għax ħafna mill-art kienet meħuda biex jitkabbar il-qoton u prodotti oħra agrikoli. Minflok, kien impurtat ħafna nbid minn Sqallija, l-aktar minn Sirakuża u Vittoria. Nistgħu ngħidu li din l-importazzjoni baqgħet kostanti sal-aħħar tas-seklu dsatax u bidu tas-seklu għoxirn. Sal-ewwel snin tas-seklu tmintax l-inbejjed minn Sqallija kienu impurtati minn negozjanti individwali, li kienu jimpurtaw anki ikel minn Sqallija. Imbagħad fl-1723 inħolqot assoċjazzjoni ta’ bosta kummerċjanti li bejniethom kienu jaħtru rappreżentati biex imorru Sqallija u jagħmlu x-xiri tal-inbid f’isimhom biex b’hekk l-l-ispejjeż individwali jonqsu.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Fil-bidu ta’ żmien l-Ingliżi f’Malta, il-vitikultura kienet fjakka għall-aħħar. Dominique Miége, il-Konslu Franċiż residenti f’Malta, fil-ktieb tiegħu L’Histoire de Malte (1841), jgħid illi fi żmienu l-bdiewa Maltin kienu jafu ftit li xejn dwar it-tkabbir u l-proċess li jwassal għal produzzjoni tal-inbid. Hu jgħid ukoll illi l-inbejjed kienu jiġu impurtati minn Sqallija, anki għax dawn kienu ta’ kwalità superjuri mill-ftit li kien jinħadem f’Maltin.
Matul is-seklu dsatax u s-seklu għoxrin l-importazzjoni tal-inbid żdiedet. Kien hawn xi familji li kienu f’dan il-mistier, fosthom, il-familja Dacoutros (1892), li oriġinarjmant kienet mill-Greċja, minn fejn kien ikun impurtat ħafna inbid. Kien hawn il-familja Coleiro minn Ħal Qormi, u l-familja Vella. Delicata li kienet ilha tipproduċi xi nbejjed sa mill-1907, imbagħad bdiet timporta l-inbejjed minn barra u kibret fl-istatura tagħha. Ma’ dawn fis-sena 1919 żdiedet il-familja Cassar li ħolqot il-kumpanija tagħha tal-Marsovin. L-isem jindika li din il-familja bdiet topera mill-Marsa u b’hekk inħoloq l-isem Marsovin.
Fil-ħamsinijiet bdejna nitkellmu dwar l-kwalità tal-għenba lokali. Kien hawn il-kwalità magħrufa bħala ‘Ġellewża’ u l-’Girgentina’. Biss il-kwalità ta’ dawn l-ispeċi ma fihiex il-livell ta’ alkoħol meħtieġ biex toħroġ inbid tajjeb u ta’ kwalità mingħajr ma jiżdidilha ħafna zokkor u kimika.
Hekk kif it-turiżmu kiber, kiber ukoll il-konsum tal-inbid f’Malta. Fis-snin sebgħin, il-kumpaniji li kienu jimpurtaw l-inbejjed, issa bdew jinteressaw ruħhom fil-produzzjoni tal-inbejjed lokali. Biss, minħabba li t-tkabbir tad-dwieli kien għadu ftit li xejn, dawn bilfors kellhom jimpurtaw l-għeneb mill-Italja f’konteninturi rrefriġirati, imbagħad jinħadem f’inbejjed lokali fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa. Issa bdew deħlin l-ispeċi ta’ għeneb barranin, bħal Cabernet Sauvignon, Siraz, Merlot, Chardonnay u oħrajn.
Fl-aħħar tat-tmeninijiet dawn l-istess produtturi bdew ifittxu u jħeġġu ’l-bdiewa Maltin biex ikabbru d-dwieli bi kwantità akbar biex imbagħad jixtru u jipproċċessaw l-għeneb huma. Fis-snin disgħin, meta Malta bdiet tħejji biex tidħol fl-Unjoni Ewropea, ridna wkoll naddattaw il-produzzjoni tal-inbejjed fuq dawk ir-regoli stabbiliti mill-Unjoni, biex il-konsumatur ikun jista’ jaċċerta ruħu b’inbejjed lokali ġenwini.
Illum hawn diversi kwalitajiet ta’ nbejjed iċċertifikati DOC (Documentazione d’Origine Controllata) li jaċċertaw kwalità ta’ nbejjed omoġenji u superjuri. Biss, il-kwantità ta’ dwieli li jitkabbru fil-pajjiż ma jistgħu qatt jagħtuna l-ammont meħtieġ biex Malta tkun tista’ tesporta. L-inbejjed li huma ta’ oriġini lokali huma kollha ikkunsmati Malta mhux biss mill-Maltin iżda wkoll mill-barranin li jżuruna.
Illum meta wieħed jixrob tazza nbid fil-kumpanija ta’ oħrajn, jerfa’ t-tazza u jgħid, ‘cheers!’ jew ‘bis-saħħa tiegħek!’ Interessanti li Mikiel Anton Vassalli fil-Lexicon, (1796), jinkludi l-kelma, ‘Toxx!’ kelma li ġejja mill-Franċiż, toucher, li tfisser tħabbat, bħal meta fl-antik il-Maltin kienu jgħidu, ‘Ejja nħabbtuhom!’ b’riferenza għat-tazzi tal-inbid.
Martin Morana
7 ta’ Marzu, 2020
Sorsi bibliografiċi:
Ara: Bonanno Anthony, ‘Wine Pressing in Antiquity’, Melita Historica, Vol. X 2008.
Cassar Carmel, Society, Culture and identity in Early Modern Malta, pp. 77-78.
Debono John, ‘The Wine Trade of Malta’, in the 18th century, Melita Historica, Vol. IX, 1984.
Tabone Michael, Introduction to Maltese Wines (essay, 1999).
Wickman Victor, ‘The Wine-Shipping of Malta and Gozo’, Treasures of Malta, Vol. IX no 3.
‘Investing in Maltese Viticulture’, Malta Economic Update, August 1995, pp. 22-23. (No Author mentioned).
Martin Morana
7 ta’ Marzu, 2020
Aqra artikli oħra billi tikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/blog/
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
1 Comment