GĦODDA TAL-MASTRUDAXXA, BENNEJJA u
NIES TAS-SNAJJA’ OĦRA
Fl-1956, Captain Paul Bugeja ppublika ktieb jismu, Kif Titkellem bl’Ingliż – Dizzjunarju Malti-Ingliż. Dan il-ktieb kien intenzjonat biex dawk l-eluf ta’ Maltin li dak iż-żmien kienu qed jemigraw kull sena lejn il-kontinenti u l-pajjiżi Anglo-Sassoni, jitgħallmu xi frażijiet u kliem ieħor utli bl-Ingliż, kemm ikampaw. L-iskop tal-ktieb hu evidenti għaliex fil-bidu hemm introduzzjoni żgħira minn John F. Axisa, M.B.E. li kien id-Direttur tal-Emigrazzjoni.
Fost affarijiet oħra, il-ktieb jinkludi kapitlu ntitolat, ‘Arti, Snajja u Għodod’. F’dan il-kapitlu hemm lista ta’ aktar minn 300 terminu relatat mal-għodda u s-snajja, biex il-Maltin ikunu jafu xi jfissru bl-Ingliż għal meta jsibu x-xogħol barra minn Malta relatat mas-snajja tagħhom. Inħoss li dan id-dizzjunarju hu ta’ ċertu valur għaliex qed jiġbor termini u tifsir tal-għodda l-aktar komuni li kienu jintużaw sa ftit qabel ma bdew jidħlu l-għodda u l-magni tal-elettriku minflokhom.
Minn din il-lista ġbart mal-60 terminu u qiegħed nippreżentahom hawn. Xi wħud huma magħrufa sew biss oħrajn huma inqas magħrufa. Billi t-tifsiriet bl-Ingliż li jagħti Bugeja huma magħmula minn kelma jew tnejn fejn kien hemm bżonn fittixt fil-Miklem ta’ Erin Serracino Inglott, fil-Maltese-English Dictionary ta’ Aquilina u fit-Termini Nawtiċi ta’ Joseph Caruana. Kultant sibt sorsi oħra wkoll.
Għal spjega aktar wiesgħa ta’ xi wħud mit-termini ser tara ħolqa elettronika li meta tafasha tidħol fuq il-paġna f’din il-website stess fejn issib aktar informazzjoni.
———
BERRINA Biċċa għodda żgħira, qisha splengun irqiq kultant lixx kultant garigor, li biha wieħed jista’ jgħawwar l-injam fil-fond biex jagħmel toqba irqieqa; anki biex fiha jidħol vit. Ing. gimlet.
BUQRAJQ Tip ta’ skalpell li tintuża biex jitqaċċat ir-ras tar-rivits. Ing. rod shearing chisel.
BUVETT Għodda li biha l-mastrudaxxa jnaqqax il-ġenb tal-għuda biex jagħmel kanal irqajjaq li fih jirċievi injama oħra, b’mod preċiż. Naraw dan it-tip ta’ xogħol fil-ġenb tal-bibien jew tat-twieqi, kif ukoll f’xogħol dekorattiv fl-għamara. Ing. grooving plane.
BOQXIEX Tip ta’ ċana irqieqa li tintuża mill-mastrudaxxa jew mill-bennej biex jagħti forma lix-xifer tal-oġġett b’mod li jġibu diajoganali bejn iż-żweġ uċuħ tat-tavla, jew inkella imdeffes aktar ’l ġewwa mill-bqija tax-xifer. Ing. spoke shave.
BUQRAJQ Tip ta’ skalpell li jħaffer u jqalfat fil-fond tal-kanal fix-xogħol tal-injam. Ing. shearing chisel.
ĊANA Għodda li biha tinċana (tillixxa) u tnaddaf l-injama minn kull impuritajiet bħal xulliel u skaldi. Bugeja jagħti tnax-il terminu ta’ ċwani differenti. Ing. plane. Ara: VARLOPPA.


ĊUPLAJS Għodda magħmula biex tiddritta s-snien tas-serrieq. Mit-Tal. acciappa lizzi. Ing. saw set.
ĠEBBIEDA 1. Għodda li l-bajjad jew il-kaħħal juża biex jaqla’ t-tikħil żejjed li jibqa’ fil-katusi. 2. Pala b’lasta twila li l-furnar juża biex joħroġ il-ħobż mill-forn; tiranta. Ara: Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, It-Tieni Ktieb ta’ Ġużi Gatt.
GWARDAMAN Speċi ta’ ingwanta tal-ġild oħxon li biha tipproteġi lill-ħajjat minn xi tingiża tal-IMSELLA meta dan jkun qed iħit il-kanvas eċċ. Ara wkoll: VELIER.
GOLJA / GULJA 1. Għodda tat-titqib, bħal timplor iżda ikbar. Bugeja jagħti għaxar tipi ta’ golji. 2. Il-biċċa tal-ħadid li titqiegħed ġor-rebekkin jew it-trapan biex tħaffer l-oġġett l-aktar tal-ġebel. Il-gulja tinbidel skont id-daqs tat-toqba li trid titħaffer. Ara: REBEKKIN. Etim. Tal. aguglia li tfisser labra. Ing. bit. gimlet bit, jew auger bit.
INVELL Ismu miegħu – bħal lasta żgħira (daqs pied) jew ta’ aktar tul li jkun fiha likwidu ġo ħġieġa b’boċċa tal-arja ġo fiha. L-invell jintuża biex il-mastrudaxxa jew il-bennej jaċċerta ruħu li l-livell kif ikun mqiegħed l-oġġett ikun tajjeb – wieqaf dritt – jew mimdun orizzontali preċiż. Biex ikun ċert minn dan wieħed irid jara li l-boċċa tal-arja fl-invell qiegħda fin-nofs. Ing. spirit level jew plumb rule.
KAZZOLA Biċċa għodda sempliċi iżda utli għall-bajjad / kaħħal għax biha jmexxi u jinfilsa s-siment fejn hu meħtieġ, apparti li jista’ wkoll iħawwad it-taħlita tas-siment eċċ qabel ma jibda jkaħħal. Bugeja isemmi tmien tipi ta’ kzazel li bihom wieħed jista’ jkaħħal f’xogħolijiet differenti.
KELB Għodda li biha ċ-ċumbar (terminu li jagħti Bugeja għal plumber) ikun jista’ jaħkem il-pajp, skorfini u oġġetti oħra biex jissikka jew iħoll minn posthom kif hemm bħonn. Ing. adjustable spanner.
KARTA TAL-IXKATLAR Tintuża biex tnaddaf l-injama / il-ġebla minn impuritajiet bħal żebgħa qadima, xliel u skaldi, eċċ. Dan ix-xogħol isir qabel ma tingħata l-ewwel passata taż-żebgħa. Magħrufa ukoll bħala XKATLU għaliex qabel din kienet tkun magħmula mill-qoxra mnixxfa tal-ħuta li bil-Malti msejħa hekk Ing. angle fish. Is. xj. Squatina angelus. Ing. sand paper.
KARTABUN Skwerra li tintuża mill-mastrudaxxi u l-bennejja biex jimmarkaw l-angoli akuti bi preċiżjoni fuq xogħol tal-injam jew tal-ġebel. B’hekk ix-xogħol ta’ inċanar u l-minċotti eċċ., joħroġ preċiż. Ngħidu: ‘Il-ħaġa daħlet qisha kartabun’ – jiġ., l-oġġett qabel preċiż mal-post li kien imqiegħed fih. Fl-antik lill-Mażuni kienu jgħidulhom, ‘bil-kumpass u l-kartabun’. Sqal. cartabboni.
KUNJARD Biċċa injama kbira li tintuża mill-ħaddiema tal-barrieri biex jaqsmu l-blat. Il-kunjard jitqiegħed fil-qasma tal-blata ta’ ċertu kobor li tkun mifruda bit-tismir tal-ispnajjar. Sqal. cugnu, strumento tagliente da un capo e grosso dall’altro a piramide che percosso ha forza di penetrare e fendere. Sors etim: Nuovo Dizzionario Siciliano – Italiano, Vincenzo Mortillaro, 1838.
Ara aktar artikli dwar l-istorja, il-kultura u kliem antik Malti: http://www.kliemustorja.com
LAMA Xafra mdaħħla ġo manku li norm. kienu jużaw il-barbiera biex iqaxxru l-leħja. Ix-xafra ta’ mus tal-leħja. Etim. Tal. lama.
LEXXUNA (pl. ilxiexen) 1. Tip ta’ mannara. 2. Għodda li taqta’, f’forma ta’ qaws, li tintuża mill-mastrudaxxa biex iqatta bi ftit l-injam li jkun qed jaħdem fuqu. Etim. Sqal. l+asciuni.
LIMA Ħadida irqieqa li tista’ tkun ta’ kobor differenti li biha wieħed iwitti il-wiċċ fix-xogħol tal-injam u jekk hemm iraqqaq b’mod minimu l-injama f’xi postijiet fejn hemm bżonn. Il-lima hi bħar-RASPA biss bi dras irqaq u tista’ tintuża kemm fuq l-injam kif ukoll fuq il-ħadid skont il-ħxuna u t-tip ta’ dras li jkollha. Bugeja jsemmi seba’ kwalitajiet ta’ limi.
MANILJA Tip ta’ spaner. Ing. Spanner , wrench, screw key. Ara: KELB.
MANQAX Skalpell / furmatur żgħir li l-iskultur jonqox bih. Ing. small chisel.
MANWELLA 1. Għodda tal-ħadid li tintuża biex tillieva l-blat jew il-ġebel fil-barrieri. 2. Bħal zokk twil li bih is-sajjieda jaqbdu l-ħut il-kbir. 3. Għodda li tgħin lin-nies tal-baħar itellgħu d-dgħajsa l-art. 4. Maqbad tat-tmun. LAĊĊ. Etim. Sq. manuedda, Tal. manovella. Ara: MRADD.
MARKAPUNT Għodda tal-iskarpan li tintuża biex timmarka fejn għandhom isiru l-punti tal-ħjata fiż-żarbun. Etim. Tal. marcapunto.
MARKATUR Għodda bil-ponta li biha wieħed jimmarka sinjal fuq ix-xogħol tal-injam jew tal-ġebel. Ing. scriber.
MASKLU Għodda li biha wieħed jinċana t-truf li jkunu ġejjin għat-tond. Ing. round plane jew moulding plane.
MASTRA Tip ta’ morsa li sserraħ fuq trepied. Din tintuża l-aktar biex torbot u żżomm sod il-pajpijiet fil-morsa waqt li dawn jinqatgħu u jinħadmu il-kamini tagħhom fit-truf tal-kanen.
MAZZOLA Martell kbir li jintuża mill-mastrudaxxi biex jinvellaw ix-xogħol. Hemm ukoll, mazzola tal-irkantatur. Ing. wooden mallet.
MAZZUGA 1. Speċi ta’ mazza tal-injam, bir-ras forma ta’ ċilindru li tintuża biex biha il-mastrudaxxa jagħti daqqiet fuq l-oġġett ħalli jwittih. 2. Injama ħoxna li tintuża mis-sajjieda biex joqtlu / jistordu l-ħut meta dan jinqabad fix-xibka. Mazzapik. Ing. wooden mallet.
MEJLAQ 1. (pl. mwielaq). Ġebla żgħira b’saħħitha li tintuża biex magħha wieħed isinn ix-xfafar tas-sikkina, tal-iskalpell, taċ-ċana, jew għodda oħra tal-mastrudaxxa. 2. Biċċa ġilda ħoxna u twila li kienet tintuża l-aktar mill-barbiera biex isinnu l-mus tal-leħja.
MINĊUTTIERA Għodda li biha l-mastrudaxxa jagħmel il-minċotti. Ing. dove-tailer.
MINFAĦ L-apparat li juża l-ħaddied biex jonfoħ b’saħħa l-arja fin-nar tal-forġa ħalli jkun jista’ jżid il-qawwa u s-sħana tan-nar. Ing. bellows.
MOLA Għodda bħal ħaġra jew rota tonda li ddur biex wieħed isinn magħha l-għodod li jaqtgħu, bħal furmaturi jew għodda oħra bix-xafra. Illum, il-mola taħdem bl-elettriku, biss qabel din kienet titħaddem billi wieħed idawwar l-iMRADD tar-rota b’idu.
MSELLA Labra tal-ħjata aktar kbira min-normal, li fiha tieħu ħajt oħxon. Din tintuża mill-VELIER biex iħit il-kanvas tal-qala’ jew biex jgħaqqad il-qala’ maċ-ċimi. L-imsella tintuża wkoll biex jinħietu jew jgħalqu l-ixkejjer minn fuq, jew biex iħitu drapp oħxon ieħor. Sors: V.B. 1900.
MTERQA Għodda tal-ħadid li tintuża fil-barrieri biex tgħin tinqala’ l-blata jew il-ġebla minn posta.
MUNXAR 1. Serrieq qisu sega mwaħħla fi frejm li tista’ tkun ta’ daqs differenti. Dan jintuża għal xogħol li jrid jinqata’ fit-tond. 2. MUNXAR TAŻ-ŻEWĠ Dan hu ikbar u jissejjaħ hekk għax dan iżommuh tnejn minn nies biex jaqtgħu fit-tond.
PAPPAGALL Għodda li biha wieħed jista’ jaqla’ l-imsiemer li jkunu diffiċli li taqla’ bit-tnalja.
PINTLOR Ara: TIMPLOR.
Għal aktar informazzjoni dwar kliem antik Malti ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2019/02/26/test/
PUNTELL 1. Biċċa għodda żgħira tal-ħadid forma ta’ sigarru li ġej għall-ponta. Dan jintuża mill-buttar biex itaqqab fl-iebes. 2. Biċċa metall li titwaħħal f’toqba fid-drapp biex dan ma jiżżarradx. Ing. punch.
QADUMA Kelma oħra għal ‘mannara’. M.A.V. (1828) jagħti dan il-qawl: Il-munxar (is-serrieq) għani u l-qaduma ħali. – jiġ., meta l-injam jinqata’ bis-serrieq isir xogħol tajjeb u bir-reqqa, u għaldaqstant għali fi prezzu, waqt li t-tqattiegħ bil-mannara jġib ħafna ħela għax mhuwiex xogħol ta’ eżattezza bħal meta jsir bis-serrieq.
RASPA Għodda tal-ħadid, bħal lima, biss bid-drass eħrex, użata mill-mastrudaxxa jew mill-bennej biex jillixxja t-trufijiet tal-injam jew il-ġebel wara li jkun ħadem fuq l-oġġett bl-iskalpell. (Ing. rasp jew file). Jgħidulha hekk għax fl-antik kienu jużaw il-ġild ta’ ħuta magħrufa bl-istess isem, għax din għandha qoxra ħoxna. Ing. oilfish Is. xj. Ruvettus pretiosus.
RAXKA Tip ta’ għodda li tintuża minn mill-ħaddiema tal-kostruzzjoni biex biha joborxu u jillixxaw ċ-ċnagen. Din tkun injama forma ta’ ċana li tinħakem mill-idejn u li fil-qiegħ tagħha jkollha xfafar li jkunu ppożizzjonati forma ta’ żigużajg.

RAXKETTA Tip ta’sikkina li tintuża biex tobrox biha. Ing. scraper.
REBEKKIN / BERBEKKIN Għodda li tintuża biex ittaqqab fil-fond skont il-bżonn fl-injam jew fil-ġebel l-aktar biex tidħol kavilja u imbagħad jitwaħħal xi musmar, granpun jew vit. Jeżisti rebekkin tal-krikk (ratchet brace) u rebekkin Amerikan (hand drill). Din l-għodda kienet utli sakemm kien ivvintat r-rebekkin tal-elettriku (electric drill). Fir-rebekkin tiddaħħal il-berrina / gulja (Ing. bit) biex iddur b’saħħa biex ittaqqab it-toqba. Etim. Tal. ripicchinu. Sq. ribbichina – sorta di strumento a corde.
RIEGLA ĊOMB Magħrufa wkoll bħala ċomba tal-bennej, spaga li jkollha bħal boċċa taċ-ċomb fit-tarf tagħha biex il-bennej jitlaqa’ minn fuq il-binja għal isfel biex jaċerta ruħu li x-xogħol tal-binja tiela’ dejjem għad-dritt. Ing. plumb rule.
SALDATUR Bħal martell irqajjaq li jintuża mill-landier biex isewwi oġġetti tal-metall, eż., ħadid, landa, żingu u oġġetti simili. Dan isir billi l-landier l-ewwel isaħħan u jddewweb il-materjal magħmul minn taħlita ta’ metalli. Imbagħad, dan jiċċappas mal-ponta tal-martell (dan hu magħmul minn-virga rqiqa) u jitwaħħal mal-oġġett fejn ikun hemm bżonn. Bil-mod il-mod il-metall maħlul jimla t-toqba jew jagħmel ġonta kif meħtieġ. Ara: LANDIER.
SEGA Bħal serrieq b’xafra u snin żgħar li jkollha frejm tal-ħadid. B’xi mod tista’ tixxebbah mal-MUNXAR. Is-sega tintuża l-aktar għal qtugħ tal-ħadid, bħal pajpijiet jew oġġetti mhux goffi.


SERRIEQ Paul Bugeja jagħti lista ta’ għaxar kwalijiet ta’ srieraq, fosthom, is-serrieq għad-dritt (Ing. rip saw) is-serrieq tad-dahar (Ing. back saw), is- is-serrieq tal-ARKETT (Ing. fret saw) u s-serrieq ta’ San Ġużepp (Ing. bow saw) fost oħrajn. Sors ewlieni: Kif Titkellem bl-Ingliż – Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta’ Capt. Paul Bugeja. 1956.



SGORBJA / ŻGORBJA Skalpell li l-ġnub u l-ponta tiegħu ikunu milwijin forma ta’ nofs qamar. Dan jintuża mill-mastrudaxxa fix-xogħol tal-intall u l-isgoxx. Etim. Tal. sguscio. Ing. gouge. Ara: SKANALATURA.
SIKKINA TAL-ISTOKK Sikkina li ma taqtax biss tintuża bħal biex wieħed ikun jista’ jqalfat u jimla bl-istokk ix-xquq fl-injam. Ing. putty knife.
SINGATUR Għodda li tintuża mill-mastrudaxxa biex biha jonqox u jimmarka linja fl-injama li jkun qed jaħdem, normalment jew biex jillixxaha jew biex jaqtagħha. Fl-injama tas-singatur ikun hemm speċi ta’ musmar żgħir li jintgħafas mal-injam biex jimmarka b’ċertu fond il-linja minn fejn wieħed irid jaqta’ jew inkella sa fejn wieħed irid jinċana. Il-musmar ikun mċaqlaq għal ħxuna li jkun hemm bżonn ’il quddiem jew lura sakemm tinstab il-miżura eżatta sal-inqas millimetru. Imbagħad il-mastrudaxxa jissikka s-singatur minn speċi ta’ vit-farfett tal-injam biex il-musmar iżomm sod, u jigref l-injama bil-musmar f’linja fit-tul. Ing. mortice / marking gauge.
SKAJRI Għodda tal-bennej u tal-mastrudaxxa li tintuża bħal KARTABUN, biss din l-għodda hi ikbar. Ing. Bugeja jittraduċi dan it-terminu bl-Ing. bħala trysquare biss it-terminu proprja hu try square.
SKRUN Biċċa għodda forma tal-ittra C jew G, u li fit-tarf tagħha jkollha skrun żgħir li jitla’ u jinżel qisu vit, biex jissikka u jorbot żewġ twavel jew injam ieħor flimkien bħal morsa. Ing. clamp.
SKWERRA Bugeja jiddeskrivi ħames kwalitajiet ta’ skwerrer. Ing. square. Ara: KARTABUN.

SPNAR (pl. spnajjar) Ħadida qisha musmar oħxon jew skalpell kbir li n-naġġara kienu jużaw fil-barrieri billi jsammruha fil-blat biex jaqsmu u jillivaw biha. Il-ħofra fejn jitqiegħed l-ispnar tissejjaħ PETT, jew KINNIERA. Qabel ma l-ispnar jitqiegħed fil-ħofra l-ewwel jitqiegħdu ċ-ĊAPEP jew il-landi li huma ħadidiet ċatti biex l-ispnar ma jeħilx max-xaqq fil-blat. L-ispnajjar jiġu msammrin bil-mazza biex il-blat jinqata’ skont it-trinek li jkunu ġa mħaffra u ppreparati. Sors: Anton F. Attard.
TAĊĊ Musmar qsajjar ħafna li jintuża biex jissammru oġġetti ta’ ċertu ċokon, eż., il-qiegħ / il-pett taż-żarbun mal-bqija, jew drapp tal-kanvas mal-injam. Sqal. taccia – chiodo (Etim. Kastilljan: tacha).
TAVLA TAL-ĦOĠOR Tavla li l-ħajjat iqiegħed fuq ħoġru biex jitqiegħdu għodda żgħar meħtieġa waqt xogħlu. Ing. tailors’ board.
TIMPLOR / PINTLOR Ħadida rqieqa mwaħħla f’manku minn fejn wieħed ikun jista’ jaqbadha u jagħfas biha ’l isfel biex itaqqab l-injam, biex jagħmel ħofra rqieqa bi preparament biex fiha mbagħad iddeffes xi vit jew isammar musmar. Ing. bradawl. Etim. Sq. puntarolu.
TNALJETTA Bħal tnalja biss ħafna aktar iżgħar u li tintuża biex wieħed ikun jista’ jilwi jew jaqta’ xi wajr irqieq. Ing. pliers.
TRAPAN Il-biċċa ħadida li ttaqqab biha li titwaħħal mar-rebekkin. Bħal golja. Biss il-kelma tintuża kultant biex wieħed jirriferi għall-GULJA. Ing. brace bit.
Għal aktar informazzjoni dwar kliem antik Malti ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2019/02/26/test/
VARLOPPA Ċana kbira tal-injam li tintuża mill-mastrudaxxa biex jinċana l-injam ta’ ċertu tul u wisa’. Varloppa ta’ daqs iżgħar daqs in-nofs tissejjaħ MEZZA. L-oriġ. ta’ dan l-isem ġej mill-Kalabriż: livare iruppa – M. tneħħi l-ingroppi. Sors etim: E.S.I.
XIFA Labra ħoxna bil-ponta li juża l-iskarpan biex iħit il-ġlud. Spiss ikollha l-ponta tal-labra mqammra (mgħawġa). Ing. awl.
XKATLU Tip ta’ kelb il-baħar li jgħix fil-Mediterran, l-aktar fil-qiegħ fejn hemm ir-ramel. Is. xj. Squatina angelus. Il-qoxra ta’ din il-ħuta hi ħoxna u tobrox, u għaldaqstant kienet tintuża mill-mastrudaxxa biex jobrox u jqaxxar il-wiċċ tal-għamara miż-żebgħa l-qadima. Sqal. Scatulu. Ing. Angel shark jew angelfish. Ara KARTA TAL-IXKATLAR.
ŻARBUNA Ħadida ffurmata b’mod li l-wiċċ tagħha jkun jista’ jżomm żarbuna biex l-iskarpan jaħdem fuqha. Ing. shoe last.
Artiklu ieħor relatat li tista’ taqra fuq din il-website: ‘Kulħadd għal xogħlu’. ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2020/12/10/kulhadd-ghal-xoghlu/
Martin Morana
25.06.2021
Ħajr lil Joseph Abela u l-Ġużi Gatt.
Dwar pubblikazzjonijiet tal-istess awtur ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Interessanti ħafna, grazzi.
LikeLiked by 1 person