Ritwali u użanzi marbuta mal-Mewt u l-Vistu
Fit-2 ta’ Novembru infakkru Jum il-Mejtin, jew kif kien magħruf aħjar, l-Għid tal-Erwieħ. Sa ftit snin ilu, f’dak il-jum kien hemm obbligu tal-kuxjenza li dakinhar nisimgħu tliet quddisiet flok waħda. Imbagħad matul ix-xahar kollu kien mistenni li kulħadd jitfakar fil-mejtin u li nżuru l-oqbra ta’ dawk l-għeżież li mietu qabilna.
Mill-eqdem żminijiet, ir-ritwali relatati mal-mewt, id-dfin, u l-vistu ta’ xi ħadd qarib, dejjem ingħataw l-aktar attenzjoni. Il-mewt hi l-aħħar u l-akbar avveniment tal-ħajja tal-bniedem u li jnissel fina dieqa li b’xi mod jew ieħor irridu nesprimuha minn qalbna, mhux biss waħidna iżda anki ma’ ta’ madwarna. Ir-riti tal-agunija, id-dfin u l-vistu ta’ wara l-mewt, jirriflettu l-emozzjonijiet personali kif ukoll id-drawwiet kollettivi li bosta drabi huma imposti mis-soċjetà fuq ħajjitna.
Il-kelma vistu ġejja mit-Taljan, vistoso, li tfisser, appariscente, che richiama esageratamente l’attenzione. Sqal. vistutu, coperto di vestimenta. Kelma oħra li nużaw flok vistu, u li wkoll ġejja mit-Taljan hi luttu, kelma mill-mill-Latin luctus / lugere, jiġifieri, beka.
Hawn ser naraw x’kienu xi wħud mir-ritwali u s-simboliżmi tad-dfin u l-vistu matul is-sekli f’Malta.
X’nafu mill-arkeoloġija ta’ Malta
Mis-sejbiet tal-oqbra, kemm dawk preistoriċi kif ukoll dawk ta’ żmien Puniku, Ruman u Għarbi juru li l-bniedem minn dejjem kien jagħti importanza kbira lid-dfin, l-ewwel nett, għax ir-riti kienu neċessarji biex dak li jmut jintwera l-ġieħ mistħoqq, kif ukoll biex ikun assigurat li dan ikun moqdi fil-ħajja l-oħra. Mhux biss hekk, imma kien ikun hemm ukoll ċertu biża’ li jekk il-qraba tal-mejjet ma jsegwux ir-ritwali stabbiliti, il-mejjet jista’ b’xi mod jieħu għalih u b’mod sopranaturali jppattiha lil dawn l-istess qraba.
Dfin fi żmien it-tempji megalitiċi
Fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni kif ukoll fiċ-Ċirku tax-Xagħra, Għawdex, mal-għadam tal-mejtin instabu bosta oġġetti li jindikaw it-twemmin fir-rinkarnazzjoni min-nies li bnew it-Tempji Megalitiċi. F’dawn iċ-ċimiterji preistoriċi, l-għadam tal-mejtin kien jinġabar u jindifen kulħadd komunalment, bħal f’KANNIERJA (Etim., carniera, post fejn tidfen il-ġisem bil-laħam tiegħu b’kollox).
Żmien il-Feniċi u Ruman
Fi żmien il-Feniċji u l-Perijodu Puniku, insibu kitbiet li juru kemm kienu jemmnu fil-ħajja ta’ wara l-mewt. Ta’ importanza kbira hu l-AMULETT li nstab f’qabar fir-Rabat, lejn tal-Virtù, li fih instabet talba miktuba fuq werqa tal-papiru. F’din it-talba, il-qraba tal-mejjet qed iħeġġu lil Isis, alla Eġizzjan li l-Feniċi kienu jemmnu fiha, biex din tipproteġi l-mejjet u tħarsu mill-ispirti ħżiena.
Madwar Malta u Għawdex kollha, iżda l-aktar fir-Rabat, instabu bosta katakombi li kienu mħaffra kemm mill-pagani, mill-Lhud u mill-Insara. Fil-katakombi Insara insibu l-mejda skolpita fil-blat, magħrufa bħala agape, (Etim. Griega li tfisser imħabba fraterna). Ara r-ritratt ta’ fuq tal-paġna. Skont l-interpretazzjoni tal-istudjużi, kienet tintuża biex fuqha ssir ikla mill-qraba tal-mejjet bħala turija ta’ rispett lejh. Ma nafux jekk dan ir-ritwal kienx isir waqt id-difna jew inkella bosta żmien wara d-difna.
Matul is-sekli, l-Insara dejjem emmnu li meta mmutu, ir-ruħ flok tmur l-Infern jew dritt il-ġenna tista’ tmur il-Purgatorju u tibqa’ hemm għal xi żmien sakemm tippurifika ruħha minn kull l-iċken dnub. Għaldaqstant jinħtieġ li jsir it-talb u l-quddies biex ir-ruħ teħles miż-żmien preskritt fit-tul fil-Purgatorju, u titla’ malajr il-Ġenna.
Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann
Ir-riti reliġjużi relatati mall-mewt, id-dfin u l-vistu, żdiedu matul is-sekli. Il-vjatku kien wieħed minn dawn il-manifestazzjonijiet fejn il-qassis kien ikun akkumpanjat minn abbatini u xi fratelli biex il-qassis imur jagħti l-aħħar sagramenti, imsejħa tal-griżma tal-morda. Sa nofs is-seklu għoxrin, kont għadek tara l-vjatku għaddej fit-toroq b’ċerta pompożità, ġej u sejjer mill-knisja għal għand il-moribond, biex il-qassis, iqarar, iqarben u jfarraġ lill-marid. Mhux talli hekk, meta xi ħadd ikun wasal fit-tarf ta’ ħajtu, mill-knisja ta’ fejn jgħix il-parruċċan, kienu anki jdoqqu l-qniepen b’moti ta’ dwejjaq, biex ir-raħal kollu jkun jaf li l-marid wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Dawn il-moti kienu magħrufa bħala tat-TRAPASSJONI.
In-newwieħa
Sas-seklu tmintax, wieħed mill-manifestazzjonijiet fid-deher ta’ dwejjaq u disprament fil-funeral kien l-akkumpanjament min-newwieħa. Dawn isemmigħhom Gian Piet Franġisk Agius de Soldanis (1712 – 1770) fid-Damma, id-dizzjunarju li kien ġabar biss qatt ma ppublika. In-newwieħa, kienu nisa, li kienu mqabbda biex jakkumpanjaw għall-effett aktar b’saħħtu ta’ dwejjaq waqt il-funeral. Louis de Boisgelin, Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann, fil-ktieb tiegħu, Ancient and Modern Malta (1805), jgħid li dawn kienu jkunu tnejn, u apparti l-biki tagħhom waqt il-funeral, kienu wkoll iqattgħu xagħarhom u jitfgħuh fuq it-tebut. Louis de Boisgelin, jgħid, ukoll illi fi żmienu, meta xi ħadd imut, ir-raġel kien obbligat jibqa’ ġewwa d-dar sa sebat ijiem wara l-mewt, waqt li l-mara meta jmutilha r-raġel kienet obbligata li tibqa’ maqfula d-dar sa 40 jum.
L-għaża
De Soldanis (1715 – 1770) issemmi wkoll illi fi żmienu kien għad hawn it-tradizzjoni li meta jmut xi ħadd, il-qraba tiegħu ma kinux jistgħu jsajru ikel fuq in-nar f’darhom għall-ewwel tlett ijiem. Minflok il-ġirien u qrabathom kienu jġibulhom l-ikel lest apposta. Dan x’aktarx kien ikun ross jew ikel ieħor, magħruf b’terminu ġenerali bħala, l-GĦAŻA. Intant De Soldanis, jispjega wkoll kelma oħra simili, għażwa, u jgħid li din x’aktarx ġejja mill-istess kelma, biss kienet tfisser, cosa luttuosa, cosa che annunzia melancolia. Intant kienu jitħejjaw ukoll il-’ftiet tal-għaża’. Dawn kienu jkunu biċċiet tal-ħobż midluka biż-żejt, tewm u tursin li kienu jittieklu mill-qraba tal-mejjet.
Żminijiet aktar riċenti
L-għażwa baqgħet tkun osservata anki sal-ewwel għexieren tas-seklu għoxrin. Fil-ktieb, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, Guido Lanfranco jittratta dan is-suġġett li dwaru ġabar ħafna informazzjoni mis-semmiegħa fuq ir-radju. Insibu li ħafna irrakkuntawlu li sa ftit ġenerazzjonijiet ilu, il-qraba tal-mejjet, bħala luttu u b’rispett lejn il-mejjet, kienu jaqilbu l-kzazel u l-borom wiċċhom ’l isfel u ma jsir l-ebda ikel imsajjar bin-nar għal tlett ijiem. Minflok kienu jieklu ikel li jġibulhom qrabathom. Sa ftit żmien ilu, il-familjari tal-mejjet kienu wkoll jibqgħu ġewwa sa tlett ijiem.
Tul tal-vistu fl-ilbies
Sa ftit snin ilu, il-qraba tal-mejjet kienu obbligati li jilbsu l-iswed, in-nisa għal xi sentejn. L-ilbies iswed kien u għadu mod espressiv li juri li dak li jkun għaddej f’perijodu ta’ vistu. Aktar riċenti dan it-tip ta’ vistu llaxka u l-ilbies beda issa jew jitħallat bi ftit kuluri oħra fl-ilbies, jew ġie sempliċiment injorat għal kollox. Fi żminijiet aktar riċenti, l-irġiel kienu jilbsu ingravata sewda jew inkella il-MUSTAXIJA (faxxa sewda) imdawrha ma’ dirgħajhom. Flok il-mustaxija, meta l-kpiepel kienu popolari, l-irġiel setgħu jilbsu wkoll il-krip (crêpe), faxxa sewda madwar il-kappell. Illum għad hawn min jilbes minnflok, buttuna sewda mal-pavru.
Ritwali u simboli oħra tal-vistu
Ara aktar suġġetti relatati: TUBRU – KATAFALK – CAPPELLA ARDENTE – ĠONTA TAL-MEJTIN – MORTORJU –MAQBAR – TOMBA.
Martin Morana
Novembru, 11, 2021.
—-
Bibliografija
Agius Sultana (De Soldanis), Damma Tal Kliem kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghauxin. L-Akkademja Tal-Malti et al. 2016.
Cassar Pullicino Joseph, A Study in Maltese Folklore. Malta University Press. Ara:
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN.2004.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja ta’ Malta. Wise Owl Publication. 2005.
Zarb Tarcisio, Folklore of an Island – Maltese Threshold Customs. Publishers Enterprises Ltd. 1998.
Attard Christian, ‘Death’, Treasures of Malta. No 71 Easter 2018.
‘Funeral rites’ Times of Malta November 2, 1994.
Sciberras Sandro, Rituals for the sick Sacra Militia, Issue no 4, 2005.
* * *
Aktar pubblikazzjonijiet mill-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/