Ara wkoll:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Il-gżejjer Maltin ilhom abitati għal dawn l-aħħar 7,000 sena, li minnhom l-ewwel 4,300 ma pproduċew l-ebda dokumentazzjoni bil-kitba li setgħet tiżvela b’mod konkret l-istorja ta’ żmienhom. Kien biss fl-aħħar 2,700 sena li l-istorja tissaħħaħ b’kitbiet f’diversi forom li jgħinuna nifhmu aħjar dak li seta’ ġara f’pajjiżna u l-madwar. Minkejja din id-dokumentazzjoni bil-kitba l-istoriċi dejjem jiflu bir-reqqa u b’suspett biex jiżguraw li l-informazzjoni hi vera u ta’ min jafdaha.
L-iskavi u l-istudji jgħinuna nifhmu l-kulturi ta’ nies li għexu qabilna, kemm jekk fil-preistorja kif ukoll f’perijodi aktar riċenti. Kemm il-fdalijiet fl-iskavi arkeoloġiċi kif ukoll l-iskrizzjonijiet nfushom fuq l-binjiet u l-oqbra jgħinuna niskopru u nikkonfermaw il-ħsibijiet u t-twemmin ta’ dan in-nies.
Hemm perijodi li għadna ma nafux biżżejjed fuqhom, fosthom, żmien il-Feniċi, Kartaġiniżi, Rumani u Biżantini, kif ukoll dawk ta’ żmien il-Medjuevu Tardiv. Dawn il-perijodi għadhom mhuma ċari xejn għal min irid jiskopri l-verità dwar dak li ġara fi żminijiet antiki. Kif tista’ tikkonferma dak li ġara min-nofs tużżana dokumenti ta’ ftit kliem, aktar u aktar meta dawn lanqas biss ma nkitbu fiż- żmien meta seħħ il-fatt?
F’Malta, l-Għarab ħallew ftit li xejn bħala kitba u inqas u inqas siti arkeoloġiċi. Biss dawn in-nies tal-Afrika ta’ Fuq li ħakmu lil Malta minn Sqallija, mis-sena 870 ’l quddiem influwenzaw l-abitanti tal-gżejjer Maltin kemm fi żmienhom kif ukoll fis-sekli suċċessivi. Kien f’dan iż-żmien li l-ilsien Malti, li nafu llum, beda jieħu x-xeħta tiegħu. Meta wieħed jifli l-kliem Malti li ġej mill-Għarbi wieħed jinduna kemm dawk ta’ qabilna assorbew mill-kultura Għarbija-Islamika. Tant hu hekk illi meta reġa’ stabbilixxa ruħu sew il-Kristjaneżmu fis-seklu tlettax u erbatax, kliem bħal ‘Alla’, ‘Ramadan’ u ‘l-Għid il-Kbir’, baqgħu japplikaw għat-twemin u r-rit Nisrani. Waqt li l-amministraturi, il-gwerriera u negozjanti barranin bdew jistabbilixxu ruħhom, il-Maltin baqgħu jżommu id-drawwiet tagħhom u jitkellmu l-ilsien semitiku, anki jekk dan bil-mod il-mod tħallat mat-Taljan u l-Isqalli.
Mas-sekli, il-kummerċ ma’ Sqallija u l-Ewropa żdied u l-Maltin tħalltu ħafna aktar mal-Isqallin, l-Ispanjoli u it-Taljani, jekk mhux ma’ oħrajn ukoll. L-edukazzjoni, it-twemmin reliġjuż, il-kummerċ u l-użanzi Ewropej kibru, waqt li Malta kienet amministrata b’mod fewdali minn serje ta’ nobbli li kienu bbażati fi Sqallija. Kien b’din is-sistema fewdali li Malta ngħatat lill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530. Biss, appena waslu l-Kavallieri ta’ Rodi f’Malta, dawn komplew jamministraw lil Malta bħallikieku din kienet art fewdali fdata lilhom.
L-Ingliżi kien influenti ħafna biex sawru lil-poplu Malti f’soċjetà moderna u demokratika. Bil-mod il-mod l-ilsien Ingliż beda dieħel aktar bħala lingwa tal-amministrazzjoni, waqt li t-Taljan li wkoll influenza l-ilsien Malti matul is-sekli, issa beda jitlef il-pożizzjoni tiegħu bħala l-ilsien tat-tagħlim. Hekk kif intefgħu l-ewwel bombi fuq Malta fl-10 ta’ Ġunju tal-1940, is-simpatija tal-Maltin lejn il-kultura Taljana għebet. Flokha kompliet żdiedet is-simpatija lejn il-kultura Ingliża.
L-ilsien Ingliż kabbar il-friegħi tiegħu wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ironikament, fi żmien meta l-Ingliżi bdew bil-mod il-mod jitilfu l-interess f’Malta bħala kolonja. Fis-snin ħamsin u sittin, bosta kienu l-Maltin li riedu jitgħallmu l-Ingliż sempliċiment biex ikunu jistgħu jemigraw lejn l-Awstralja u l-Kanada. Sadanittant l-kultura Ingliża ħadet xeħta internazzjonali, aktar u aktar għax din kienet mgħejjuna mill-films u l-mużika Amerikani. B’hekk issa tista’ tgħid kulħadd beda jikteb bl-Ingliż, u bdew ukoll jidħlu espressjonijiet Ingliżi fil-lingwaġġ ta’ kuljum. Il-Maltin, allavolja b’rajhom f’idejhom, iddeċidew li l-ingliż għandu jibqa’ l-ilsien uffiċjali flimkien mal-Malti.
Illum, Malta indipendenti, hija wkoll Malta kosmopolitana, kemm minħabba l-kwantità kbira ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu hawn, kif ukoll bis-saħħa tat-turiżmu, li s-sena l-oħra ġab aktar minn 2,600,000 elf ruħ iqattgħu il-vaganzi tagħhom f’Malta. Il-mod ta’ kif jgħix u jaħseb il-Malti qiegħed jinbidel b’mod aktar mgħaġġel minn qatt qabel. Dan qiegħed iseħħ wkoll bis-saħħa tat-televiżjoni u l-internet. L-istorja turina li t-tibdil tas-soċjetà iseħħ aktar bl-iskambju tal-ideat, milli minn dak li s-soċjetà tkun ordnata tagħmel .
Martin Morana
10 ta’ April 2019