ara wkoll:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Mal-iffirmar tal-kapitulazzjoni tal-Franċiżi, fil-5 ta’ Settembru tal-1800, bejn il-Ġeneral Pigot u l-Kaptan George Martin, għan-naħa tal-Ingliżi, u l-Ġeneral Vaubois u l-Ammiral Villeneuve, għan-naħa tal-Franċiżi, il-bandiera Ingliża ttelgħet fuq Bieb il-Bombi, il-Furjana.
Il-mexxejja Maltin li kienu ħaduha kontra l-Franċiżi waqt l-Imblokk, xtaqu li l-Ingliżi jibqgħu hawn għaliex dawn setgħu joffru lill-gżejjer Maltin l-protezzjoni tagħhom biex b’hekk, la l-Ordni, la l-Franċiżi u lanqas ir-Re Burboniku ta’ Napli ma jieħdu l-Malta taħt idejhom. Dawn il-Maltin fittxew l-istabilità u s-serħan il-moħħ li setgħu jgawdu taħt il-monarkija Ingliża. Din ix-xewqa l-Maltin stqarrewha fid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet li għamlu fis-sena 1802.
Il-politiċi u l-militar Ingliżi bdew jirrealizzaw kemm Malta kienet ta’ importanza strateġika għalihom minħabba l-qagħda ġeografika tagħha, fi żmien meta l-Inglilterra kienet għadha fi gwerra twila kontra Franza, u riedet tipproteġi l-interessi tagħha fil-Mediterran. L-Ingliżi bdew jużaw il-Malta anki fil-kummerċ tagħhom. Dan il-kummerċ tant żdied, li biex nagħti eżempju, fis-sena 1812 daħlu mat-3000 bastiment fil-portijiet Maltin. Finalment, fit-Trattat ta’ Pariġi tal-1814, l-Ingilterra ddikkjarat formalment li se żżomm lil Malta biex tamministraha bħala ‘Crown Colony’. B’hekk bdiet epoka ġdida, fejn issa l-Maltin saru sudditi Ingliżi.
F’Malta baqgħu stazzjonati eluf ta’ suldati ta’ diversi riġmenti, u magħhom bosta uffiċjali amministrattivi. Ma’ dawn kien hemm eluf ta’ baħrin ġejjin u sejrin. Apparti minn hekk, inħoloq reġiment Malti fi ħdan l-armata Ingliża. Bosta Maltin bdew jagħmlu kull tip ta’ xogħol għal-militar u għal-flotta Ingliża. Konsegwentament, l-artiġjana, l-aktar dawk tal-Kottonera u l-Belt Valletta, bdew igawdu minn xogħol u dħul kummerċjali qawwi. Biss xorta waħda kien hawn ħafna foqra fit-toroq, anzi aktar minn qatt qabel.
Kontra dak li għamlu l-Franċiżi qabilhom, l-Ingliżi dejjem ippruvaw iżommu r-relazzjonijiet tajba mal-Maltin, l-aktar billi nħabbu kemm felħu mal-Isqof ta’ Malta. Kienu jafu li dan kien mhux biss il-mexxej spiritwali tal-Maltin, maħbub mill-poplu Malti kollu, iżda kien l-aktar persuna influenti li kien jikkmanda il-ħsieb u l-aġir tal-poplu kollu.
Biss, mhux kulħadd kien kuntent kif Malta kienet amministrata. Bosta kienu dawk il-Maltin li xtaqu li waqt li Malta tibqa’ kolonja Ingliża, il-Maltin kellu jkollhom ir-rappreżentati tagħhom biex jissuġġerixxu ħsibijiethom lill-Gvernatur kif imexxi l-affarijiet interni bl-aħjar mod. Fis-snin għoxrin tas-seklu dsatax George Mitrovich, neguzjant, u Camillo Sciberras, iben tal-familja nobbli Sciberras Testaferrata, ħolqu l-Comitato Generale Maltese bl-iskop li dan jistinka biex il-Maltin ikollhom sehem fl-amministrazzjoni pubblika.
Fl-aħħar, fis-sena 1835, intbagħtet kummissjoni minn Londra biex tistudja l-qagħda ġenerali tal-Maltin, u fl-1836 intlaħaq ftehim biex ikun maħtur grupp ta’ nies prominenti, li seta’ li jirrappreżenta l-interessi tal-Maltin mal-Gvernatur Ingliż.
Fl-1849, wara ħafna battibekki, inħolqot kostituzzjoni, fejn il-kunsill amministrattiv seta’ wkoll jipproponi u jivvota liġijiet u proġetti ġodda. Fost dan il-kunsill ta’ tmintax, bosta minnhom Maltin, kien hemm tmien rappreżentanti eletti minn sezzjoni żgħira tal-poplu, li kienet tlaħħaq mal-4,000 ruħ. Dawk eletti kienu mill-qasam tal-kummerċ, in-nobbiltà, mill-kleru u nies prominenti oħra li kellhom il-proprjetà. L-oħrajn kienu magħżula mill-Gvernatur innifsu, u fost dawn kien hemm il-Kap Kmandat tal-forżi armati Ingliżi f’Malta.
Intant, Il-kummerċ f’Malta baqa’ jgawdi biss, kemm-il darba l-Gran Brittanja kienet tibgħat il-flotta tagħha fil-Mediterran f’manuvri militari u navali. L-aktar meta l-Ingilterra kien jinħtiġilha tintervjeni bil-qawwiet tagħha. F’każ bħal dan, kienu jiżbarkaw f’Malta eluf ta’ suldati u baħrin li kienu jiġġeneraw kummerċ kbir. Eżempju ta’ dan, insemmu meta l-Ingliżi kienu qed jiġġieldu fil-Krimea (1854 – 1856).
Fis-sena 1869, infetaħ il-Kanal tas-Swejz, u dan kabbar it-traffiku tal-bastimenti fil-Mediterran. Issa kien hemm aktar ħtieġa li l-bastimenti Ingliżi jgħaddu mill-Mediterran u jieqfu Malta, aktar u aktar meta bosta bastimenti kienu kienu bdew jaħdmu bil-faħam. Minn Malta dawn setgħu jgħabbu l-faħam biex ikomplu fi triqithom lejn id-destinazzjoni aktar il-bogħod. Bis-saħħa tal-ftuħ tal-Kanal tas-Swejz, fl-1880 it-tunnellaġġ tal-vapuri li daħlu f’Malta kien żdied għal madwar 5 miljuni minn 1.5 miljun fl-1865. Dan it-tunnellaġġ kien isarraf ’il fuq minn 2000 bastiment tal-qlugħ u 3000 vapur li jaħdem bl-istim.
Fl-1877 waslet kummissjoni oħra biex tistudja l-qagħda ġenerali fil-pajjiż. Din il-kummissjoni studjat l-aktar il-problemi amministrattivi u dawk tal-edukazzjoni tal-Maltin u tat ħafna rakkomandazzjonijiet. Fost affarijiet oħra, din il-kummissjoni saħqet li wieħed mill-aħjar modi li l-Maltin setgħu jimmeljoraw l-għajxin tagħhom kien billi titjieb is-sistema tal-edukattiva. Biex dan iseħħ kien jeħtieġ li l-Ingliż jingħata l-prominenza li kien jistħoqqlu, l-aktar fl-iskejjel elementari, u t-Taljan ikun mgħallem bħala lingwa sekondarja. Dan kien argument validu minħabba li issa, ħafna bdew jaħdmu mas-servizzi Ingliżi. Biss din ir-rekomandazzjoni sabet oppożizzjoni kbira minn bosta membri tal-Kunsill Leġislattiv. Qam disgwid kbir u l-kunsilliera malajr inqasmu f’żewġ fazzjonijiet, dawk favur u dawk kontra dawn il-proposti. Dik il-fazzjoni li kienet favur ir-riformi ssuġġeriti mill-Kummissjoni bdew jissejħu r-‘Reformisti’. Dawn kienu mmexxija minn Sigisimondo Savona. Dawk li kienu kontra r-riformi proposti kienu jissejħu ‘Anti-reformisti’, immexxija minn Fortunato Mizzi.
Wara li nbidlet il-kostituzzjoni fl-1887, il-kunsill kien magħmul minn politiċi li issa kienu eletti minn elettorat aktar estensiv. Din il-kostituzzjoni kienet ikkunsidrata bħala wisq aktar demokratika u rappreżentattiva minn dawk ta’ qabel. Naturalment xorta waħda l-Gvernatur kellu d-dritt tal-aħħar kelma, kemm-il darba il-vot tal-membri ma kienx ikun aċċettabli għar-Renju Unit. Din il-kostituzzjoni baqgħet isservi bħala bażi li biha l-Kunsill ħadem għal ħafna snin. Biss mat-tmiem tas-seklu dawn il-kunsilliera kienu mifrudin l-aktar fil-kwistonji tal-lingwa. Il-pika bejn iż-żewġ fazzjonijiet kibret tant li issa inħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Gvernatur beda jgħaddi liġijiet kif kien jara hu.
Kienet il-kwistjoni tal-lingwa u l-vot tal-fondi għal-edukazzjoni fl-1903 li ġiegħel il-Gvernatur, Sir Charles Mansfield Clarke u lis-Segretarju tal-Kolonji, Joe Chamberlain, li jissospendu l-kostituzzjoni u jintroduċu oħra bl-istess forma li kienet teżisti qabel, jiġifieri dik tal-1849. F’din is-sitwazzjoni bosta mill-politiċi Maltin ma riedux jagħmlu parti mill-Kunsill Amministrattiv b’turija ta’ protesta, u b’hekk il-Gvernatur kellu miegħu biss politiċi magħżula minnu. Dan l-istat ta’ fatt baqa’ sal-1921, fejn wara bosta negozjati u inkwiet, (l-inċident tas-Sette Giugno), fl-aħħar Malta ngħatat kostituzzjoni ġdida u nħoloq l-ewwel gvern awtonomu Malti.
**********