Ara wkoll:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Malta u Għawdex huma miżgħuda b’ismijiet imlewna ta’ lokalitajiet li bosta drabi jagħtu ħjiel dwar il-karatteristika jew l-oriġini u l-istorja tal-post. Hekk biex nagħtu żewġ eżempji ħfief, nifhmu mill-ewwel li l-Mellieħa hi suppost imsemmija hekk għax x’imkien fil-qrib tagħha kien jinħadem il-melħ. L-istess għandna nifhmu li f’Ħaż-Żebbuġ u f’Birżebbuġa kienu jitkabbru s-siġar taż-żebbuġ u li x’aktarx hemm kien jintgħasar iż-żejt taż-żebbuġ.
Insibu ismijiet ta’ lokalitajiet li huma marbuta ma’ kunjomijiet ta’ familji, bħal pereżempju Ħal Balzan, Ħal Lija jew Ħ’Attard. Dan jindika li oriġinarjament kienu jgħixu f’dawn l-inħawi familji b’dan l-isem li kellhom l-irziezet tagħhom miġbura qrib xulxin. Fil-qrib jew bejn dawn l-irziezet kien ikun hemm il-misraħ (pl. msieraħ) li fl-antik kien il-post komuni fejn dawn il-familji kienu jitilqu l-bhejjem tagħhom. Biż-żmien il-kelma misraħ bdiet tfisser, il-pjazza tar-raħal.
Hemm imbagħad imkejjen fejn isimhom hu marbut ma’ xi kappella, bħal pereżempju, Santa Luċija, jew il-Pietà. Hemm ukoll akkwati u rqajgħa oħra li huma magħrufa għal xi karatteristiċi mhux daqstant ċari u għaldaqstant isimhom jixraqlu li jkun investigat aktar fid-dettall.
Insomma, l-istudju tal-ismijiet tal-lokalitajiet – magħruf bħala toponomastika – hu interessanti ħafna. Hawn, jien qiegħed nagħti ftit eżempji ta’xi ismijiet ta’ lokalitajiet li xi wħud minnhom huma diġà magħrufa, oħrajn mhux daqsant. Dawn l-ismijiet jindikaw diversi affarijiet relatati mal-lokalità li msemijin għaliha. Il-lista li mhiex kompluta hi mibnija u mqassma skont ċerti kategoriji.
Rħula bil-prefiss Ħal (diminuttiv ta’ raħal)
Dawn huma fost l-eqdem lokalitajiet f’Malta. Skont il-ktieb Placenames of the Maltese Islands – 1300 – 1800, ta’ Godfrey Wettinger, insibu daqs 95 ismijiet ta’ lokalitajiet li għandhom jew kellhom dan il-prefiss. Fost dawn għadhom jeżistu mat-tużżana minnhom, bħal:
Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħal Għaxaq, Ħal Lija, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Għargħur, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Ħal Qormi, Ħad-Dingli, u Ħal Far.
Ma’ dawn inżidu ismijiet ta’ akkwati oħra li jindikaw rħula li llum jew għebu jew inkella ġew integrati mar-raħal jew belt l-aktar qrib tagħhom. Eżempju ta’ dawn insemmu, Ħal Millieri ((ħdejn l-Imqabba, Ħal Lew, (ħdejn il-Qrendi), Ħal Bordi (ħdejn il-Mosta), Ħal-Muxi, (lejn Ħaż-Żebbuġ), Ħal Saflieni, ( ‘l isfel mir-Raħal Ġdid).
Interessanti li bosta minn dawn l-ismijiet kienu u għadhom kunjomijiet komuni. Fl-antik dawn kienu anki rreġgistrati fil-kotba notarili bħala Casal. Hekk għadna nsibu Casal Paola u Casal Fornaro. Huwa wkoll sinjifikanti li f’Għawdex ma hemm l-ebda raħal b’dan il-prefiss. Dan ifisser li l-irħula Għawdxin huma inqas antiki minn dawk Maltin li għandhom il-prefiss Ħal. Hekk naħsbu li ż-Żebbuġ ta’ Għawdex ma jmurx lura fiż-żmien daqs Ħaż-Żebbuġ f’Malta.
Ismijiet Għarbin
Bosta mill-irħula u l-ibliet tal-gżejjer Maltin għandhom isimhom ġej mill-Għarbi. Dawn ukoll huma fost l-eqdem lokalitajiet. Fost dawn insibu:
Ir-Rabat (ta’ Malta u ta’ Għawdex).
L-Imdina – (L-Għawdxin, anki ċ-Ċittadella għad hemm min jgħidilha l-Imdina).
L-Għarb – (li jfisser, Il-Punent). Fil-fatt dan ir-raħal jinsab fl-aktar parti tal-Punent ta’ Għawdex.
L-Imqabba – Isem li x’aktarx ġej mill-kelma Għarbija, kubba, bħal koppla, jew tumbata.
L-Imsida – post tas-sajd.
In-Naxxar – x’aktarx laqam ta’ xi ħadd li xogħolu kien li jisserra jew jaqta’ l-ġebel – l-istess bħal, Munxar.
Bormla – x’aktarx tfisser Bir Mula, il-wesgħa fejn jirgħu il-merħliet (bur: Ing. meadow) (mula, sinjur, bħal meta ngħidu, mulejja – is-sinjur tiegħi).
Mġarr – Post fejn issib il-miġra, jew in-nixxiegħa tal-ilma.
Ismijiet relatati mat-Topografija
Wied il-Għajn; Għajn Dwieli, Għajn Tuffieħa kollha jirriferu għal xi nixxiegħa tal-ilma – Gudja (il-ħotba) –id-Dukkiena, (blat imtarraġ bħal bank) – l-Imtaħleb (tip ta’ ħaxix li bl-Għarbi jew Malti antik kien jissejjaħ tuħlub) – Ġebel San Martin, Ġebel San Ġorġ (Ġebel dejjem tirreferi għal post fl-għoli – Wied Għammieq (wied fertili) – Kordin (isem ta’ bniedem, Corradino, jekk mhux qortin, li tfisser għolja li tbatti min-naħa waħda biss) – Borġ li jfisser munzell ġebel, (plural, i/braġ, pl., munzelli tal-ġebel jew giren).
Fost ħafna daħliet li kienu jservu biex il-baħħara u s-sajjieda jinżlu l-art insibu dan li ġej: il-Marsa – (li tfisser port), Marsamxett, Marsalforn, Marsaxlokk, Marsaskala. Hemm ismijiet bħal Il-Qala, ukoll daħla bħal ma hi l-Kalanka li hija daħla żgħira u dejqa, jew il-Marfa fejn id-dgħajjes jittellaw l-art.
Ismijiet ta’ lokalitajiet meħud minn Kappelli –
San Ġwann Tgħuxa (Bormla – ta’ għuxa, tfisser tat-talb tal-karità / elemosina)- Sant Antnin (Marskala) – Tas-Samra, (dedika lill-Madonna is-sewda, il-Ħamrun) – Ta’ San Ġużepp, (hekk kienet magħrufa Strada Rjali fil-Ħamrun – Il-Minsija – il-Kunċizzjoni (rħajjel li jagħti għal fuq Fomm ir-Riħ – Il-Madliena qrib il-Għargħur – Tal-Pieta’.
Akkwati fil-Belt Valletta u l-Furjana
Putirjal (Porta Reale) – l-Arċipiergu (ġabra ta’ djar fl-urban) – Id-Dui Balli (fi żmien l-Ordni msejħa, Strada Due Balle), (it-tnejn jinsabu n-naħa ta’ isfel tal-Belt) – il-Mandraġġ (in-naħa ta’ Marsamxett, fejn l-Ordni pprova jħaffer menqa għax-xwieni). Hemm ukoll il-Mandraġġ tal-Birgu – illum dawn it-tnejn saru jfissru kwalunkwe ambjent urban ikrah u skomdu fejn jgħixu l-foqra.
Il-Biskuttin – skont Temi Zammit dan l-isem ġej minn boschettino, isem mogħti lil kwantità ta’ siġar li kien ppjantati lil hinn mill-Mall, fejn illum hemm il-monument ta’ Kristu Re.
Il-Mall – Il-ġnien immsemmi għal-logħba tal-Paglio Maglio li għaliha kien inħoloq dan il-ġnien li jġib l-istess isem. Dan ħallas għalih il-Gran Mastru Lascaris, biex il-Kavallieri jilgħabu din il-logħba fih. Il Paglio Maglio kienet qisa’ crocket fejn il-lagħabi jagħti daqqiet bil-mazza twila fuq il-ballun tal-injam sakemm dan iwasslu ħdejn, u jdaħħlu minn ġo nagħla wieqfa fl-art.
Il-Kottonera
‘Il ġewwa mis-swar li nbew biex jiffortifikaw it-Tlett Ibliet hemm imkejjen li isimhom jagħti ħjiel tal- storja u l-episodji li għaddew minnhom, bħal pereżempju:
Bieb is-Sultan (id–daħla ġos-swar ħdejn is-St Edwards College) – Fejn Sabu s-Sinjur (ħdejn Couvre Port il-Birgu) – Santa Liena (id-daħla qrib il-fortifikazzjonijiet ta’ ġewwa f’ Bormla) – Santa Margarita u x-Xgħajra (bejn Bormla u l-Birgu – San Ġwann Tgħuxa, (il-kapella u l-inħawi fuq is-swar tal-Kottonera) – Fuq il-Ħawli, (art għolja qrib id-De La Salle College), id-Dawra tal-Isptar (l-isptar kien fejn illum hemm is-St Edwards) – il-Fortini, (imsemmi għal xi fortizza żgħira (?) – Fuq San Pawl (akkwati f’Bormla fejn hemm knisja żgħira ddedikata lil dan il-qaddis).
U xi ngħidu għall-isem ta’ L-Isla. Ħafna jemmnu li dan l-isem ġej minn isola – gżira. Imma ngħid jien, fejnha din l-gżira. Naħseb li hawn irridu nsibu raġuni oħra għal dan l-isem. Jien nemmen li fil-mapep kien jinkiteb l-Isla flok Penisola, għax din kienet kelma twila wisq biex tidħol mrassha fuq mappa żgħira. Jew hekk, jew inkella l-isla hi kelma li fl-antik minsi kien ifisser l-istess bħal ‘ilsien’ (tal-art maħruġa ‘l barra).
Bliet intotalati mill-Gran Mastri
Ħaż-Żabbar (Città Hompesch) – Żejtun (Città Beland) – Siġġiewi (Città Ferdinand) -Qormi (Città Pinto), Żebbuġ (Città De Rohan), Birgu (Città Vittoriosa); Bormla (Città Cospicua) – Rabat Għawdex, (Victoria).
Naturalment, hemm aktar xi tgħid dwar dan is-suġġett u ċertament kull post jew lokalità jimmeritaha titwila oħra kultant aktar profonda dwar isimha u kif dan l-isem jista’ jikxef aktar informazzjoni dwar l-oriġini tal-post.
Tista’ ssib aktar tagħrif dwar it-tifsiriet ta’ dawn il-lokalitajiet u oħrajn billi tfittex f’din il-website taħt is-sezzjoni Enċiklopedija, skont l-ewwel ittra tal-isem.
Martin Morana
16.11.2019