Il-Festa ta’ San Martin

IL-FESTA TA’ SAN MARTIN – fil-folklor Malti

Matul is-sekli li għaddew, il-popopolin dejjem kien jistenna b’ħerqa kbira dawk il-ġranet speċjali ta’ matul is-sena li fihom kien jista’ jiċċelebra xi festa jew oħra. Jiem bħal dawn kienu joħolqu okkażjoni f’waqtha fejn in-nies kienu jitolbu, jixorbu u jixxalaw. Min ma kellux kien igawdu ma’ min kellu.

Waħda mill-festi tradizzjonali li ilha sew fostna hi dik ta’ San Martin – qaddis li għex bejn it-316 u 397 W.K.. Din il-festa hi ċċelebrata fil-11 ta’ Novembru. San Martin twieled f’Pannonia (illum tagħmel parti mill-Ungerija). Dan il-qaddis jibqa’ jissemma bħala dak l-uffiċjal fl-armata tal-imperu Ruman li kien ta parti mill-mantell tiegħu lil wieħed fqir imterrer bil-bard.

Fil-festa ta’ San Martin il-Knisja tfakkar lil dan il-qaddis għal kwalitajiet karitattevoli tiegħu. Biex niftakru kemm dan il-qaddis kien ħanin mal-foqra, illum għad hemm l-użanza li l-ġenituri jagħtu lit-tfal, frott, bħal ġewż, lewż qastan u ġellewż. Dan ikun normalment ippreżentati f’borża taċ-ċaruta, magħrufa bħala l-Borża ta’ San Martin.

SAN martin nutsFl-antik, it-tfal ma kienux biss jikluh dan il-ġewż iżda anki jilgħabu bih. Qabel ma t-tfal kienu jnaqqru minn dan il-frott dawn kienu joħorġu barra fit-triq u jimpikaw bejniethom min minnhom jolqot l-aktar ġellewż li jitqiegħed f’filliera fl-art taħt xi bankina. Kultant dan kien isir biex il-lagħaba jittantaw jiggwadanjaw aktar ġellewż mill-logħob li jirbħu u hekk ikollhom aktar xi jmaxxtru.

Hemm qwiel u taqbiliet maħluqa mill-bdiewa dwar it-temp li mdorrijin naraw qrib dan il-jum. Hemm ukoll qawl Hekk insibu dan il-qawl ‘F’San Martin ikissru l-ġewż, fil-Milied jaqsmuh mal-bews’.

Bahrija SanMartinBahrDSCF0407 - Copy

Il-bdiewa tal-Baħrija kienu u għadhom jorganizzaw il-fiera ta’ San Martin, magħrufa kultant bħala ‘il-Fiera tal-Baħrija’. Din kienet bdiet issir kull sena f’dan iż-żmien u ħafna kienu jattendu għaliha biex jittantaw xortihom biex jirbħu xi dundjan jew fenek waqt xi logħba tar-’raddiena’. B’hekk jinġabru l-flus għall-kappella ddedikata lil dan il-qaddis li hemm f’dan ir-raħal żgħir. Hekk, din il-fiera żviluppat u servit ukoll biex il-bdiewa jaqilgħu xi ħaġa mill-fiera għall-familthom.

F’San Martin, il-bdiewa kienu jsellmu lil xulxin fil-festa tar-raħal, ‘San Martinek tajjeb’ – jiġifieri, San Martin tiegħek it-tajjeb. Min jaf għadhomx jgħiduha din?  Iż-żmien jinbidel u aħna ninbidlu miegħu wkoll. Li fadal żgur hi t-taqbila popolari:

Ġewż, lewż, qastan tin

Kemm inħobbu ‘l San Martin

Erba’ kelmiet dwar il-ħajja ta’ San Martin

San Martin twieled f’Pannonja l-Ungerija, fit-316 W.K. f’familja pagana. Biss, bħala tfal kellu dejjem interess fit-twemmin nisrani. Ftit wara li  twieled, il-familja marret tgħix f’Pavia fl-Italja. Ta’ 15-il sena kien imġiegħel jingaġġa bħala suldat fl-imperu Ruman u kien stazzjonat fi Franza, biss ma damx għax ta’ 20 sena telaq mill-armata.San Martin of_tours_204_detail_843x850.jpg

L-episodju tal-għotja tal-mantell lir-raġel fqir seħħet fis-sena 335. L-istorja tgħid li l-għada hu kellu ħolma fejn Kristu kellmu u qallu ‘Int, sempliċi Katekumen, (bniedem li qiegħed jitgħallem il-fidi nisranija biex isir Nisrani), libbistni!’. Jidher li ftit wara dan l-avveniment Martin tgħammed biex sar Nisrani.

Wara xi żmien Martin telaq lejn Franza fejn f’Liguge, fl-361, stabbilixxa kommunità ta’ Benedittini.

Fl-371 kien magħżul bħala Isqof ta’ Tours. Hu miet fis-sena 397.

San Martin hu l-qaddis padrun tas-suldati, tal-ħajjata u taż-żwiemel tal-produtturi tal-imbejjed.

Martin Morana

11 ta’ Novembru 2020

 

Inċidentalment l-awtur, hu imsemmi Martin għal San Martin De Porres, qaddies ieħor li ukoll kien jieħu ħsieb il-foqra, fil-Peru.


			
Categories: Tags: , , , , , ,

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s