L-istorja tal-Katidral tal-Imdina
Hekk kif wieħed ikun qed joqrob lejn l-Imdina minn kwalunkwe naħa ta’ Malta, ma jistax ma jitpaxxiex bil-koppla imponenti tal-Katidral, l-isbaħ koppla li hawn f’Malta. Hekk ukoll, meta wieħed jidħol l-Imdina, u jdur minn Triq Vilgaignon għall-pjazza tal-Katidral, dak li jkun kemxejn ma jinħasadx hekk kif ma wiċċu jsib il-faċċata maestuża tal-istess Katidral li tiddomina il-pjazza kollha. Wieħed jista’ jgħid li waqt li l-koppla żżejjen il-Katidral bħallikieku kuruna fuq ras ir-re, il-faċċata żżejjen il-pjazza bħallikieku l-Katidral hu mlibbes b’eleganza meqjusa. Dan il-katidral inbena fl-1702. L-ewwel knisja li nafu li nbniet f’dan il-post bit-titlu ta’ Katidral tmur lura sas-seklu 13. Dan kien magħmul minn binja ta’ statura ferm iżgħar, b’saqaf tal-injam mserraħ fuq it-travi, u mdawwar minn kull naħa bil-bini residenzjali u kappelli magħqudin miegħu b’mod li ma ħallewx spazju ta’ pjazza. Madwar il-bidu tas-seklu 15, l-ewwel knisja li nbiet fis-seklu tlettax sarulha ħafna tibdiliet strutturali u saret ħafna ikbar milli kienet.
B’definizzjoni, b’‘katidral’ nifhmu li dan hu s-sede tal-Isqof ta’ Malta. Biss meta nbenda dan il-katidral għall-ewwel darba hu wisq probabbli li l-isqof ta’ Malta kellu s-sede tiegħu f’Palermo. L-ewwel darba li niltaqgħu dwar il-ġerarkija ekklesjastika f’Malta hu minn dokument tal-1244, meta jissemma ċertu Johannes Zafarana li kien kanonku tal-Katidral. Nafu wkoll li fl-1270, il-Kapitlu tal-Katidral ipprotesta mal-Kastellan ta’ Sant Anġlu għax il-kleru kien mġiegħel jitla’ l-qorti u li jħallas it-taxxi. Il-Katidral innifsu jissemma għall-ewwel darba f’dokument ieħor tal-1299. Is-saqaf tal-kampnar dak iż-żmien kellu forma ta’ kubba (speċi ta’ koppla ta’ moskea), bħal ma għadhom jidhru fil-knejjes ta’ dik l-epoka f’Palermo. Nafu li fl-1366, l-Isqof ta’ Palermo Ylario kien żar Malta. Għalkemm ġieli jissemmgħu xi ismijiet isqfijiet ta’ Malta matul il-Medjuevu, dawn x’aktarx kienu kollha barranin. Fi żmien l-Ordni, isqof wieħed biss kien Malti, l-Isqof Baldassare Cagliares (1615 – 1633). Kien fiż-żmien bikri Ingliż li l-isqfijiet ta’ Malta bdew ikunu Maltin.
Il-binja li naraw illum hi dik li ġiet ddisinjata u mibnija fl-1697 – 1702 minn Lorenzo Gafà, ftit xhur qabel ma dan miet. Proprjament il-koppla tlestit fl-1705. L-istess perit kien iddisinja bosta knejjes oħra qabel, fosthom, il-knisja parrokkjali tal-Birgu, taż-Żejtun u il-Knisja Matriċi li wara saret il-Katidral ta’ Għawdex. Il-katidral ta’ qabel dak li naraw llum, kien ġarrab ħsara kbira bit-terremot tal-1693, u kellu jitwaqqa’ u jinbena mill-ġdid. Għalkemm wieħed irid jgħid ukoll li qabel it-terrimot kien hemm diġà pjanijiet li tinbena knisja ġdida minflok dik li kien hemm. Fil-fatt, il-proġett ta’ tiġdid kien diġà beda bil-mod il-mod billi biddlu l-istruttura ta’ wara l-kor, u kienet din il-parti li żammet soda meta seħħ it-terrimot. F’dan il-kor kienu anki leħqu saru xi tpinġijiet tal-Mattia Preti u dawn bħall-istruttura li kienet bdiet tinbena ma ġralhomx ħsara. Intant, dan it-terremot tant qawwi kellu l-epiċentru tiegħu fin-Nofsinhar ta’ Sqallija, fejn daqs 18,000 ruħ kienu tilfu ħajjithom. F’Malta ma kien miet ħadd, biss kienu saru xi ħsarat f’diversi binjiet fl-Imdina u f’partijiet oħra ta’ Malta.
Il-faċċata tal-Katridral, għalkemm mibnija fi stil Barokk mhiex imtaqqla b’ħafna elementi ornamentali. Il-pilastri u l-parti tan-nofs tal-knisja joħorġu xi ftit ’il barra mill-bqija, tal-binja biex dawn jagħtu sens ta’ tri-dimensjonalità lill-faċċata. Il-knisja għandha żewġ kampnari bħal ma mdorrijien naraw f’ħafna mill- knejjes f’Malta. Kien Gafà li daħħal l-użanza li knejjes għandu jkollhom żewġ kampnari.
Fuq il-bieb principali u fin-nofs tal-faċċata naraw l-akbar arma eraldika li hemm imnaqqxa fost oħrajn, fuq ġebla tal-franka. Din hi l-arma tal-Kunsill / l-Università tal-Imdina. Għalkemm l-arma mhiex ikkulurita, biss, id-disinn tagħha jindika li hi maqsuma min-nofs b’żewġ kuluri, nassumu li nofs minnhom jirrapreżenta l-abjad u n-nofs l-ieħor l-aħmar, l-istess kuluri li taw l-ispirazzjoni għall-bandiera Maltija. Hemm imbagħad fuq skala iżgħar l-armi tal-Isqof Fra Davide Cocco Palmieri għax kien hu li kkonsagra il-katidral il-ġdid, kif ukoll l-arma tal-Gran Mastru Perellos; kien fi żmien dan il-Gran Mastru li l-Katidral tlesta. Biss, l-aktar arma li tispikka fil-preżent, għax hi mpittra bil-kulur, hi l-arma tal-Isqof Charles Scicluna, l-isqof preżenti ta’ Malta.
’Il fuq minn dawn l-armi hemm tieqa bi ħġieġ ikkulurit magħmula apposta biex tagħti aktar dimensjonalità lill-faċċata kif ukoll biex minnha jidħol aktar dawl ġewwa l-binja. Fuq kull naħa taż-żewġ kampnari hemm arloġġ; fil-verità l-arloġġ hu biss dak tal-lemin, għaliex dak tax-xellug, għalkemm għandu l-istess forma, hu fill-fatt kalendarju, għax jimmarka fuq l-ewwel ittra ta’ kull xahar u d-data tal-jum. Dawn l-arloġġi saru fl-1888 mill-arluġġar magħruf Mikielanġ Sapiano.
Il-ġewwieni tal-Katidral hu magħmul forma ta’ salib latin, b’navata principali u kursiji laterali, flimkien mal-kappelluni, fuq kull naħa tal-artal maġġur. Fin-nava tak-kor ta’ wara l-artal maġġur hemm mural (tpinġija magħmula direttament fuq il-ġebla), li turi n-Nawfraġu ta’ San Pawl, xogħol Mattia Preti. Xogħol ieħor tal-Mattia Preti hu l-kwadru titulari, xogħol fuq it-tila, li juri l-Konverżjoni ta’ San Pawl mrys kien fi triqtu lejn Damasku. Dawn it-tpinġijiet u oħrajn tal-Mattia Preti tlestew qabel l-1693, biss, fortunatament, meta seħħ it-terrimot, din il-parti tal-katidral ma ġġarfetx u għalhekk il-pitturi baqgħu mhux mittiefsa.
Ix-xogħol impitter tal-koppla li juri ’l-San Pietru u San Pawl imdawrin b’ħafna anġli kien irrovinat minn terrimot ieħor, din id-darba dak li seħħ fl-1856. Dan ix-xogħol reġa’ nħadem mill-ġdid minn Giuseppe Calì fl-1927, biss kien reġa’ sar mill-bidu minn Caffaro Rorò fl-1950. Is-saqaf tan-navi prinċipali tal-knisja hu mimli b’serje ta’ pitturi li juru episodji mill-ħajja ta’ San Pawl. Dan ix-xogħol magħmul fl-1790, sar minn Vincenzo, Antonio u Francesco Manno, tlett aħwa Sqallin minn Palermo.
Il-bieb li jagħti għas-sagristija, jiġifieri dak li jinsab fil-kursija tax-xellug, kien darba jservi bħala l-bieb prinċipali tal-katidral li kien hemm qabel ma seħħ it-terrmimot. Dan il-bieb għandu disinji florali u disinji oħra ta’ annimali, fosthom kreaturi mitoloġiċi. Anki l-battisteru li hemm kif tidħol il-bieb prinċipali, jappartjeni għall-katidral ta’ qabel, u fil-fatt fuqu hemm l-arma tal-Isqof Jabob Valguarnere (1495-1501).
Biċċa xogħol oħra li kienet tappartjeni għall-katidral il-qadim u li hi meqjusa bħala xogħol kapulavur, hu l-poliptiku (tpinġija fuq ħafna pannelli tal-injam imwaħħlin flimkien) li fl-antik kien iżżejjen l-artal maġġur. Din il-poliptiku, kien x’aktarx maħdum minn Lluis Borassa, li kien attiv bejn l-1360 – 1424, pittur Katalan, jew inkella jekk mhux hu, minn artisti segwaċi tiegħu. Dan il-poliptiku juri diversi episodji mill-ħajja ta’ San Pawl. Illum dan jinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Katidral.
Il-Kappella tas-Sagrament għandha tpinġija ta’ Francesco Zahra (1773). Fil-kappella fuq l-artal hemm ikona tal-Madonna bil-Bambin imdawra bil-fidda u li tradizzjonalment hija magħrufa bħala, ‘Ta’ San Luqa’ għax kienu jaħsbu li kien pinġiha dan il-qaddis li akkumpanja ’l-San Pawl fil-vjaġġ tiegħu, meta seħħ in-Nawfraġu. Il-kappella fuq in-naħa l-oħra tal-altar maġġur hi magħrufa bħala, ‘Tal-Kurċifiss’ jew ‘Il-Golgota’, x-xogħol sabiħ li sar mill-Isqalli Patri Franġiskan Innocenzo Petralia Soprana. Il-pavimentar ta’ din il-kappella hu ddisinjat b’gosti artistiċi minn Francesco Zahra (1710 – 1773).
Taħt ħafna mill-irħam tal-pavimentar tal-knisja hemm midfuna bosta prelati tal-katidral. Bosta isqfijiet għandhom il-monument tagħhom biex jindika fejn indifnu. Intant l-aħħar li miet, l-Isqof Mercieca hu wkoll midfun f’qabar taħt il-pavimentar fil-kappellun ta’ San Pubbliju, qrib il-kappella tal-Kurċifiss. Fil-Katidral hemm ukoll midfunin xi nies oħra li mhumiex parti mill-kleru. Dawn huma l-aktar, membri ta’ familji nobbli li kienu jgħixu l-Imdina fi żmien il-Medjuevu. Fi kripta privata tal-familja, hemm ukoll midfun Gerald Strickland, Conte della Catena u Baruni, li serva ta’ Prim Ministru ta’ Malta bejn 1927 – 1932.
Ma’ dak kollu li wieħed jista’ japprezza fil-Katidral u fil-Mużew, wieħed ma jridx jinsa jsemmi l-kappella dekorattiva tal-injam li tintrama’ darba fis-sena biex iżżejjen l-Altar tar-Ripożizzjoni (is-Sepulkru) f’Ħamis ix-Xirka. Dan huwa xogħol sabiħ, iddisinjat b’reqqa kbira minn Pietro Paolo Troisi, biss maħdum fl-injam minn Francesco Zahra fl-1750.
Biex wieħed ikun jaf aktar dwar il-wirt storiku, kemm antik kif ukoll riċenti tal-Katidral, ta’ min wieħed iżur il-mużew li hemm ma’ ġenb il-Katidral għax hemm isib aktar għeġubijiet imprezzabbli. Dan il-mużew kien stabbilit fl-1897, biss fl-1969 kien spustjat għal fejn qiegħed illum, fil-binja Barokka li darba kienet is-seminarju tal-kurja.
15.10.2021
Biblijografija
Buhagiar Mario, The Late Medieval Art and Architecture of the Maltese Islands. Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2005.
Dalli Charles, Malta – The Medieval Millenium. Midsea Books, 2006.
Deguara Aloysius, The Metropolitan Cathedral – Mdina. Heritage Books. 2008.
Delucca Dennis, The Mdina Cathedral Area’, Heritage, Vol 1.
Galea Biagio, L-Imdina ta’ Tfuliti. Klabb Kotba Maltin. 1975.
Vella Charlene, Late Medieval Malta, 1091 – 1530. Midsea Books. 2013.
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur…ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/