ANNIMALI tal-IRZIEZET

ANNIMALI  TAL-IRZIEZET 

u kliem marbut magħhom

Fl-istorja, ‘Il-gideb għomru qasir’, Temi Zammit jieħu l-opportunità biex barra li jirrakkonta storja żgħira, ħelwa u umoristika, jgħallem lill-qarrejja tiegħu dwar kliem li fi żmienu kien jintuża biss min-nies tal-kampanja.

Fl-istorja, Wiżu jisirqulu mogħża, u hekk kif jinduna dlonk imur jagħmel rapport l-għassa. Meta Wiżu beda jiddiskrivi lis-surġent id-dehra tal-mogħża li nsterqitlu, il-pulizija ma bediex jifhem a minn b, minħabba li l-aġġettivi li semma Wiżu kienu dawk magħrufa biss mir-rgħajja, u l-pulizija inzerta kien mill-belt. Wiżu pprova jgħidlu li l-mogħża kienet, ‘għaniqa tal-ewwel’, ‘xaqra’, ‘fartasa’, ‘midliela’ u bl-’imsielet’. Kienet mogħża ‘mejxa’, ‘imxattra’ u anki ‘batra’, għax denbha kien żgħir. Insomma il-pulizija tħawwad waħda sew, u r-ragħaj kellu joqgħod jispjegalu kull kelma xi tfisser. B’dan Temi Zammit uriena li dan il-kliem fi żmienu ma kienx jinftiehem man-nies tal-ibliet. Zammit għamel sew li ħoloq din l-istorja biex jgħarraf lill-qarrejja tiegħu b’dan il-kliem rustiku. Lilna li ġejna għexieren ta’ snin wara li miet Zammit, sibna vokabularju li ħafna minnu ma għadux jintuża u li llum intesa.

Ma kienx Zammit biss li kiteb dwar dawn il-kwalitajiet tal-annimali tal-irziezet. Annibale Preca kien ġabar bosta termini bħal dawn u elenkahom, kull waħda b’tifsira ħdejha bit-Taljan. Dan ix-xogħol ta’ Preca skoprih reġa’ Simon Salafia li kiteb dwaru fl-Imnara, ħarġa nru. 44, 2021.

A bejn kliem u storjaMin-naħa tiegħi, mal-istorja ta’ Zammit qallibt diversi sorsi oħra li fihom sibt aktar kliem dwar il-karatteristiċi tal-bhejjem tal-irziezet kif ukoll xi affarijiet oħrajn. Fost dawn is-sorsi hemm  id-’Damma’ li Agius Sultana (Agius de Soldanis), ġabar lejn nofs is-seklu tmintax, il-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli, (M.A.V.) li ppubblika fl-1796, Id-Dizjunarju Malti – Ingliż ta’ Joseph Aquilina, il-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott, u bosta rumanzi antiki ta’ awturi Maltin li kitbu lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u bidu tas-seklu għoxrin.

Din il-lista li ġbart minn dawn is-sorsi qed nuriha hawn taħt. Magħha inflisajt xi tifsiriet, x’aktarx ta’ metafori marbutin magħhom li konna jew għadna ngħidhuhom meta nirreferu għall-komportament tal-bniedem f’diversi okkażjonijiet. Fl-aħħar ta’ din il-lista żidt anki lista tal-ismijiet li jirriferu għall-ħsejjes li jagħmlu xi wħud minn dawn l-annimali.

ddu94bb-29d14027-2ecf-46af-b7d2-f195cf65c1b0

——

BAGĦAL   Il-wild kemm jekk ta’ debba mlaqqa’ ma’ ħmar, jew ta’ ħmara mlaqqa’ ma’ żiemel. Il-bagħal bin il-ħmara” joħroġ meta tlaqqa’ żiemel ma’ ħmara (dan jissejjaħ mule bl-Ingliż), u bagħal bin id-debba” joħroġ meta tlaqqa’ ħmar ma’ debba (dan bl-Ingl. jissejjaħ hinny). Il-bagħal jintuża l-aktar mill-bdiewa biex jaħrat l-għelieqi jew biex iġġorr oġġetti ta’ ċertu toqol fuq dahru jew biex jiġbed xi karettun. Idj: ‘Jaħdem daqs bagħal’ – paragun tas-saħħa u t-tenaċità li l-bniedem juri fix-xogħol tiegħu. 

BATRA    Appel. u aġġ. fem. għal xi wħud mill-annimali tal-irziezet, eż. żwiemel, dwieb jew mogħoż li jkollhom denbhom qasir.  Il-klieb ġieli jaqtgħuhlom qasir. Kelb hekk jissejjaħ ibtar; kelba tissejjaħ batra wkoll.

BELQA    (pl. boloq)   Deskrizzjoni ta’ meta mogħża tkun ta’ kulur bajdani, imma jkolla tbajja’ kbar suwed. Din jgħidulha ‘belqa bl-iswed’. Meta l-mogħża ta’ kulur abjad ikollha tbajja ħomor, din jgħidulha, ‘belqa bl-aħmar’. Meta  bniedem jikber u xagħru jibda jibjad imma mhux kollu f’daqqa, xagħru jispiċċa b’irqajja’ bojod, u rqajja’ oħra għadhom suwed jew kulur ieħor.  Meta jiġri hekk, il-bniedem ikun ‘boloq’.

BODBOD   Il-maskil tal-mogħża. Idj: ‘Qisu bodbod!’ – tingħad għal xi ħadd li ma jimpurtah minn xejn. Bniedem ta’ bla manjieri, injorant u ta’ rasu. Aġġ. badbadi, raġel iffissat biex ikollu x’jaqsam man-nisa.

BRAKK, TAL-      Kelb tal-kaċċa li jkun mgħallem iġib il-kaċċa li jkun waqqa’ sidu. Ing. Retriever.

DAĠĠ     Ferħ ta’ annimal li jkun għadu kemm telaq jimxi. Fig. tifel li jaf jaħseb għal rasu. M.A.Vassalli (1796) b’dan l-appel. jirriferi għal dawk in-nies li jkunu ta’ ċerta età u li għandhom il-fakultà li jieħdu ġurament, li jafu jinnegozjaw u li jistgħu jiżżewġu. G. B. Falzon. (1845) jgħid hekk: maschio o femmina giunta in età di pubertà.

DARFUĠ / DARFĠIN  (fem. darfġija)   1. Qażquż żgħir (Ing. piglet). 2. Annimal li jinqatel biex jittiekel fil-festa, bħal fil-Milied jew fl-Għid. Sors: E.S.I. Espr. ‘Qatlu d-darfġin,’ jiġ., għamlu ikla kbira biex jiffesteġġjaw. 3. Ħanżir li għadu mhux imsemmen. 4. Ħanżira li għadha kemm kellha l-ewwel frieħ. Sors: J.A. Ara: DBIĦ.

DBIB/A    (pl. dbieb)  Annimal selvaġġ u feroċi. Annimal li jattakka kemm annimali oħra kif ukoll lin-nies. Espr. li kienet tingħad għal xi ħadd meta jirrabja bl-ikrah jew isir vjolenti: ‘F’daqqa waħda sar dbiba.’

DEBBA      Il-femminil ta’ żiemel. Ing. mare. Fig. DEBBA TAL-INFERN  Mara li tiġġerra ħafna.

DIB     Lupu. Jissejjaħ ukoll ‘LIPP’.

Aa ARA X'INT TGHIDDURBIES/ DIRBIES / DORBIES / DURBIES   1. Isem ieħor għal ‘iljun’. Ngħidu, ‘Kelb kbir daqs durbies’; ‘Dieb bħad-durbies.’ – jiġ. sparixxa f’kemm ili ngħidlek. Isem ieħor għall-iljun kien GĦANBAS. L-appellativ durbies kien jintuża wkoll għal kwalunkwe annimal feroċi. Espr. ‘Kbir daqs durbies’. 2. Dan l-appel. jirriferi wkoll għal xi ħadd li xagħru jkun imqanfed ‘bħal ta’ durbies’.

ERĦA    Il-ferħa tal-baqra, il-femminil tal-għoġol. Idj: ‘Donnu erħa!’ – tingħad għal xi ħadd li jkun mibni sabiħ.

FAĦAL    (pl. ifħla)  Żiemel jew gendus li jinżamm biss biex inissel ir-razza.  Idj:  ‘Qisu faħal!’ – tingħad għal xi persuna li hi goffa, biss, ma tiswa għal xejn.  FAĦĦAL   Wieħed li jrabbi dawn il-bhejjem biex inissel minnhom.

FARD IL-BARR     Barri selvaġġ;  rif. Li kienet tintuża ġen. għall-barrin impurtati mill-Afrika ta’ Fuq.

FART      (Damma)   Barri. (pl. frat), eż. qatgħa frat, merħla barrin.

FARTASA     Mogħża bla qrun.

FELU    Wild il-ħmara. Il-femminil tiġi FELWA.  

ĠANNETT     Tip ta’ żiemel ta’ daqs żgħir, jew ħmar daqsxejn imdaqqas.

ĠNIZZA     Għoġol ta’ madwar sentejn. Aġġ. li jirriferi wkoll għal kwalunkwe annimal fuq ruħu.

GĦABUR/A     Il-ferħ ta’ nagħġa ta’ madwar sena.

GELLUX/A    Għoġol ta’ ftit anqas minn sentejn. Il-kelma tirriferi wkoll għal kull tip ta’ annimal li jgħix fl-irziezet u li jkun għadu ma kibirx wisq. Fig. tifel li għadu ta’ età żgħira. Ara: ĠNIZZA.

GENDUS   Barri kkastrat. Fart. Il-gendus ikun tajjeb għax xogħol tar-raba’ biex jiġbed il-moħriet, jew għal fuq il-qiegħa għad-dris tal-qamħ. Ing. ox. Illum hawn min isejjaħ “gendus” lil kull raġel tal-baqra Maltija, anke meta dan jintuża għar-refgħa.

GRIXTI    Aġġ. għal kwalunkwe annimal selvaġġ. Fig. bniedem rustiku; wieħed li jżomm ruħu ’l bogħod min-nies għax magħmul ta’ waħdu jew mistħi.  Kunjom Malti. Sqal. agresti.

GĦABUR/A     Il-ferħ/a ta’ nagħġa ta’ madwar sena

GĦANEM     Nom kollettiv li jiġbor fih il-bhejjem kollha tal-familja tan-nagħġa. Jiġifieri hi kelma antika flok ‘qabil is-suf’. Sors: Ġużi Gatt. Jidher li fis-seklu tmintax kien hemm tifsira oħra, għaliex Agius de Soldanis fid-Damma (ċ. 1750-1768) jgħid hekk:  montone, padre della pecora, maschio della pecora.

GĦANIQA     (pl. għenieqi)   Mogħża (fem). li jkollha madwar sena.

GĦATTUQA   Tiġieġa li tkun għadha ma fetħitx tbid. Fig. Aġġ. Li jingħad għal xi żagħżugħ jew xebba li jkunu ta’ madwar sittax jew sbatax-il sena. E.S.I.

GHAŻLIJA     Aġġettiv għal xi nagħġa jew mogħża li sufa jkun ta’ lewn imnaqqax.

GĦENS    Bodbod xiħ. Kelma oħra hi WOTT jew WETT. Ngħidu, laħam tal-għens meta l-laħam jkun xieref.

ĦANNUS   Ħanżir żgħir li għadu ma nfatamx. (Ing. suckling pig). Fl-antik, meta xi tifel kien ikun bil-buri, kienu jgħidulu biċ-ċajt, ‘Agħmel ħannusa!’ jiġ. ‘Agħmel wiċċ ta’ qażquż.’ It-tifel joħroġ xufftejh ’il barra, magħfusin flimkien, waqt li jonfoħ minn imnifsejh, biex jimita l-mossi tal-ħanżir. M.A.V. (1796) jgħidlu qażquż.

ĦARTUM    1. Il-geddum twil ta’ mogħża, jew annimali oħra (Ing. snout). 2. Aquilina jgħid li ħartuma hi mogħża li waqt li ġisimha jkun ta’ kulur iswed, il-geddum ikun bajdani. ĦARTUMI Appel. li jindika xi annimal li għandu ħartumu abjad.

ĦASI    Serduk imsewwi biex jismen. Aġġ. moħsi.

INGROPPA    Il-parti ta’ wara tad-dahar tal-ħmara; il-parti l-aktar wiesgħa tad-dahar aktar lura minn fejn jirkeb ir-rikkieb.

IXHEB    Il-kulur griż ta’ annimali domestiċi. Ngħidu, ‘żiemel ixheb’ – żiemel ta’ kulur li jagħti fl-aħmar mitfi mħallat bil-griż. M.A.V. (1796) jagħti deskrizzjoni differenti u jgħid: di colore tra il giallo e il rosso simile al color del giuggiolo e del zibiba. Ara: XEHBIENI.

KELB TAL-FERMAĠĠ  / KELB TAL-FIRMA   Kelb tal-kaċċa li meta jinduna bil-kaċċa moħbija fil-ħaxix jieqaf iebes u ma jiċċaqlax b’ħarstu tindika lil sidu li l-kaċċa qiegħda quddiemu. Ing. setter jew pointer.

KIBX      Il-maskil tan-nagħġa.  Illum ngħidu muntun.  Il-kelma tintuża wkoll b’mod ta’ tgħajjir, eż., ‘Ja kibx ‘l int!’ Din il-kelma tingħad ukoll għal xi ħadd li jkun ittradut minn martu, għalkemm aktar nużaw il-kelma MUQRAN.

KLEJJEB      Kelb żgħir. Sors: M.A.V. (1796)

LAĦAM IL-KELB     Appel. għaż-żwiemel, il-bgħula, il-ħmir eċċ. Kull tip ta’ laħam minn dawn l-annimali li jitqatta’ għall-ikel. Dan jissejjaħ hekk għax tradizzjonalment kien laħam li x’aktarx jittiekel aktar mill-klieb milli min-nies. Sorsi: E.S.I. u J. A.

LIEBRU     Fenek selvaġġ.  Sqal. lebbru.  Tal. lepre.

LIPP      Lupu. Sors: V. Busuttil. 1900.

MEJXA   Aġġettiv li jintuża l-aktar biex jiddiskrivi mogħża b’widnejha żgħar.  Sors: V.Busuttil. 1900.

MIDLIELA      Mogħża b’xagħarha twil.

MOĦOR / MOHOR   (pl. mħor). Il-ferħ ta’ żiemel. Ing. colt.  Il-femminil tiġi moħra / mohra.

MONDIJA    L-istess bħal, MEJXA.

MSIELET     Iż-żewġ denduliet li l-mogħża jkollha f’għonqha qrib il-gerżuma.  In-nagħaġ ġieli jkollhom ukoll, għalkemm mhux komuni.  Bl-Ingliż: Wattles.

MUNTUN     Ir-raġel tan-nagħġa. Oriġ. Tal. montone, flok l-isem ieħor, KIBX li hi kelma ta’ oriġini semitika.

MXATTRA    Mogħża li jkollha sider ikbar mill-ieħor.

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)NEMES    Is. xj. Putorius putorius furo. Ing. ferret. Fid-dinja jeżistu tliet speċi ta’ nemes. Dan l-annimal kien impurtat f’Malta u ddomestikat biex jikkaċċja l-fniek, billi n-nemes jiġri warajhom u jinżel fil-bejta tagħhom, imħaffra fl-art. In-nemes jorqod ħafna matul il-ġurnata u jqum biex jikkaċċja ma’ sbieħ il-jum, jew f’inżul ix-xemx. Norm. jaqbad l-aktar il-ġrieden. 

QABIL IS-SUF   Rif. għal kull tip ta’ annimal ovin, jiġ., nagħaġ.

QABIL IX-XAGĦAR – rif. għal dawk l-annimali li għandhom ix-xagħar, pereż., il-mogħoż. Qawl: Kull qabil għal qabilu. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 143.

QABIL IL-BAGĦAL   Rif. għall-ħmar, il-ħmara, iż-żiemel, id-debba, u l-bagħal – bhejjem li jiġu miż-żwiemel – kollha jagħtu biż-żewġ – allura kollha jirriferu għalihom bħala ‘qabil il-bagħal’. Il-kelma qabil tapplika għall-bnedmin ukoll: Il-qbejjel huma t-tribujiet. Ngħidu aħna l-Lhud kellhom tnax-il qabil, jiġiferi, razza.

QANDLIJA    Nagħġa jew mogħża li jkollha biżlejha kbar u għaldaqstant tidher li qisha qed tqandel xi ħaġa goffa.

QATTUS TAL-QARGĦA   L-antiki kienu jemmnu li l-qtates li jitwieldu wara Marzu, fi żmien li fir-raba’ jkun hemm il-qargħa, ma jkunux f’saħħithom, u li dawn imutu wara ftit. Fig. rif. għal bniedem marradi jew delikat.

QAWQAB    v. Għamel ħoss ta’ riġlejn iż-żiemel. TQAWQIB  Nom verbali. Fir-rumanz, Ineż Farruġ (1889), l-awtur Anton Manwel Caruana jgħid jekk: ‘wasal f’widnejhom bħal tqawqib ta’ żwiemel joqorbu u nies jitħaddtu’.

QAWQAM   Barri. QAWQAMA  Baqra. Fl-istejjer tal-folklor Malti, il-qawqam jissemma bħala dak l-annimal kbir u selvaġġ li jbeżża’ n-nies, u l-aktar lit-tfal fil-ħolm. Nom li jintuża minn Patri Magri, fil-ktieb tiegħu X’Jgħid il-Malti, meta jirrakkonta l-ħrafa Ix-Xiħ Magħluq fil-Għar:

          Ixtri l-qawqama u l-qawqam
          la xejn tfittex kemm qam
          għax imur il-qawqam u l-qawqmejn,
          ma jibqax ħlief il-ħila tal-idejn.

Sors: Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Anton F. Attard.

QOBLA   Il-plural tal-aġġettiv QABIL. Kwantità ta’ annimali, x’aktarx b’rif. għal dawk l-annimali tal-irziezet. (Damma) ‘[…] Radunanza di animali, unione di animali […].

QOMQOM / QAMQAM  (Damma) ‘[…] Bove o montone che ha la corna torte che lincomodono sino alla bocca […]’.

RAKELA / RAKIELA    Nagħġa mdaħħla fiż-żmien u li ma tkunx soda fuq saqajha. Etim. Tal. rachele, vecchia pecora. Sors: E.S.I.

SEJKU     Ħaruf ta’ ftit jiem. Ħaruf magħlub. Etim. inċerta, x’aktarx mit-Tal. secco. M. xott.

WETT    Muntun.  G. B.Falzon. (1845). Varjant ta’ WOTT.

WITWED    Bodbod.

ŻARMUĠ / ŻERMUĠ     (pl. żrameġ) Ferħ ta’ fenka. Fenek żgħir.  Sqal. Carmuciu.

———

Ħsejjes magħmula mill-annimali

Il-baqra tgargar                    Il-ħamiem ibarqam                      Iż-żiemel jiżher

Il-ħanżir iħamħam             Il-ħmar jinħaq                                L-għasfur jgħanni

Il-kelb jinbaħ                       Il-kokka twatwat                            Il-mogħża twetwet

In-nagħġa tinbee                Il-pappagall inaqnaq                     Il-papra tlaqlaq

Il-pespus ipespes               Il-qattus inewwaħ                          Is-serduq jidden

Is-serp izekzek                   It-tiġieġa tqaqi                                Il-wiżża twaqwaq

GĦEPP     Il-ħoss li jagħmel kelb żgħir jew ġeru li ma jafx jinbaħ. Sorsi:  (A. de S. u E.S.I.)

Martin Morana

21.10.2021

Ħajr lil Ġużi Gatt, l-awtur tal-ktieb Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni (2005), tal-għajnuna tiegħu biex l-informazzjoni saret aktar mirquma.

——–

5-7

Biblijografija

Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary. Midsea Books. 1987.

Carabott Rosabelle, (editriċi), Damma Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal

Maltin u Ghaucin. Agius Sultana Gianfrangesku,L-Akkademja tal-Malti et al.

Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju mill-Malti għall-Inglis. N.C. Cortis & Sons. 1900.

Cortis Toni (ed.) Temi Zammit – Nies Bla Sabar u stejjer oħra. Merlin Library, 1987.

Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni. Klabb Kotba Maltin. 2005.

Salafia Simon, ‘Kurżitajiet lingwistiċi dwar l-annimali’, L-Imnara, Vol 12, Nru 1. Ħarġa 44. 2021.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin.

Vassalli Mikiel Anton, Ktyb yl Klym Malti / Lexion, (1796).

Kitbiet oħra tal-istess awtur….https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A bejn kliem u storja     Aa ARA X'INT TGHID     A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

AA cover page

Ġabra ta’ anedotti dwar kif konna nidħku matul is-sekli u xi jdaħħaqna l-aktar illum. Jinsab għand il-librara kollha.

Issa jinsab ukoll għal bejgħ bħala ebook fuq Amazon Kindle https://www.amazon.com/Maltese-Humour-Seriously-Martin-Morana-ebook/dp/B08ZYYZ5PM/ref=sr_1_1?dchild=1&keywords=maltese+humor+but+seriously&qid=1619510528&s=books&sr=1-1

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s