Il-Konkatidral ta’ San Ġwann

SAN ĠWANN

Minn knisja konventwali għal konkatidral

 

Il-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann   

facade mage4Hekk kif is-swar tal-Belt Valletta tlestew, il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann bdew jibnu dawk il-binjiet li ħassew li kienu l-aktar importanti u ta’ użu kollettiv għalihom. Mhux  wisq ’il bogħod mill-Palazz tal-granmastru bnew knisja biex isservi esklusivament għall-ħtiġijiet spiritwali tal-membri tal-Ordni. Din damet madwar ħames snin  biex inbniet (1573 – 1577). Il-kobor tagħha kien akbar mill-Katidral tal-Imdina u minn ta’ kull knisja oħra li kien hawn f’Malta dak iż-żmien. Biss, kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa, l-arkitettura tal-knisja kienet ibbażata fuq is-sempliċità. Il-perit li ddisinjaha kien Girolamo Cassar, bniedem ta’ ħafna esperjenza fil-kostruzzjoni, kemm tas-swar kif ukoll fuq bosta binjiet oħra tal-istess belt.

F’din il-knisja konventwali, kull naħa tal-kursija hemm numru ta’ kappelli li ħafna minnhom, mill-1603 ’il quddiem kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kavallieri ta’ ilsna differenti. Dawn bdew jiddekoraw il-kappella tagħhom kif ħassew kien l-aħjar. Mill-1608 ’il quddiem, il-kavallieri tal-Ordni, dawk l-aktar importanti, bdew jindifnu taħt il-pavimentar tal-kursija. Wara ċertu żmien l-art tal-knisja bdiet tinkesa b’irħam sabiħ interzjat tal-istess oqbra. B’kollox ġewwa l-knisja jinsabu mat-375 qabar li fihom hemm midfuna il-kavallieri tal-istess Ordni. Intant, kavallieri oħra ta’ statura anqas importanti kienu jindifnu fiċ-ċimiterju ta’ ħdejn l-Oratorju, barra l-knisja, in-naħa ta’ Triq il-Merkanti.

Imbagħad, fil-kripta tal-knisja, taħt l-altar maġġur, hemm midfuna l-ewwel ħdax-il granmastru li mexxew l-Ordni f’Malta. Fost dawn hemm L-Isle Adam, l-ewwel granmastru f’Malta, La Valette, u La Cassiere, il-granmastru li ħallas għall bini minn butu biex inbniet il-knisja konventwali. Biss, hemm ukoll il-Granmastru Francisco Ximénes de Texada li miet u ndifen ħafna snin wara, fl-1775. Dan il-qabar ġie misjub ftit ilu meta fl-2021, fl-istess kripta indifen il-Granmastru Ingliż, Matthew Festing (2008 – 2017).

Caravaggioo IMG_4127Mall-knisja konventwali nbena wkoll l-Oratorju (1603 – 1605). Meta Michelangelo Merisi da Caravaggio ġie Malta (1607-08) dan l-oratorju kien għadu prattikament ġebel u saqaf u għaldaqstant, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt talbu jpinġi l-pittura l-kbira ta’ wara l-altar, ‘il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann’. Pittura oħra ta’ Caravaggio li llum tinsab fl-aneks qrib l-Oratorju hi, dik  li turi lil San Ġirolamu jimmedita u jikteb. Din kienet tpinġiet privatament għal Fra Ippolito Malaspina, kavallier Taljan. Qabel ma miet, Malaspina ħalla din il-pittura bħala wirt lill-kappella tal-Italja fejn damet hemm sakemm tqiegħdet għall-wiri fil-mużew hekk kif dan inbena ħdejn il-Konkatidral.

Mattia Preti jbiddel il-knisja f’waħda grandjuża

Għaddew mat-tmenin sena mill-bini tal-knisja meta imbagħad ġie deċiż li din il-binja għandha tingħatha dehra aktar prestiġjuża – minn waħda b’arkittettura sempliċi u umli għal waħda b’dekorazzjonijiet ta’ stil Barokk grandjuż. Dan ix-xogħol sar minn ġewwa biss, għax barra, l-istil arkitettoniku tħalla sempliċi bħal kif inbena. Il-proġett ta’ tisbiħ kien ikkommissjonat lill-artist Kalabriz Mattia Preti. Dan ġie Malta biex jesegwi dan ix-xogħol fl-1661, xogħol li tlesta fi żmien sitt snin.

Dan l-artist l-ewwel ma għamel kien li kabbar it-twieqi fil-ġnub tat-troll (is-saqaf tal-knisja li ġej fin-nofs tond), biex jidħol aktar dawl, kemm fuq it-troll li kien ser jibda jpinġi kif ukoll fil-ġewwini kollu tal-knisja. Mas-saqaf u l-ġnub tat-troll, Mattia Preti pinġa serje ta’ episodji mill-ħajja ta’ San Ġwann il-Battista, il-patrun tal-Ordni. Dan għamlu billi l-ewwel dilek biż-żejt il-ġebla, flok ma kesa bil-ġibs, bħalma normalment isir fl-affreski bħala preparament qabel ma beda jpinġi. L-iskultura tal-ħitan kollha kienet indurata bid-deheb hi wkoll xogħol tal-Preti. Dan għamlu biex fid-dawl tax-xema’ dawn il-ħitan jirriflettu b’dawl dehbi sabiħ u jleqq.

barrel vault MG_6291

Jiżdiedu x-xogħlijiet ta’ arti fina

Baptism Mazzuoli IMG_4079Maż-żmien, kull granmastru li kien elett kien jagħti donazzjoni (gioia) sabiħa ħafna lill-knisja konventwali biex b’hekk il-prestiġju ta’ din il-knisja jikber. Forsi wieħed mill-isbaħ rigali li ngħataw kien is-sett ta’ arazzi Fjammingi li kien irregalahom il-Granmastru Perellos meta dan ġie elett bħala l-kap il-ġdid tal-Ordni, fl-1702. U xi ngħidu għas-sett ta’ żewġ statwi wara l-altar maġġur, Il-’Magħmudija ta’ Kristu’, xogħol maħdum l-Italja minn Giuseppe Mazzuoli, aljiev tal-Bernini? Sakemm l-Ordni wasal biex jitkeċċa minn Malta mill-Franċiżi, il-knisja konventwali tal-Ordni kienet saret qisha mużew b’kull forma ta’ xogħlijiet  artistiċi, kemm fil-ġebla kif ukoll fil-fidda, u bil-kwantità kbira ta’ pitturi.

Simboliżmu ta’ fidi u poter

gm cottoner detail _6306Apparti minn hekk, biż-żmien, bosta mill-kappelli ġew imżejna b’oqbra monumentali majjestużi tal-granmastri. Ix-xogħol kien maħdum fl-irħam. Il-monument ta’ Nicolas Cottoner hu mżejjen b’armi, kemm dawk tal-għadu Ottoman kif ukoll tal-Imperu Ruman, bħallikieku dan il-granmastru ried juri biċ-ċar li l-Ordni kien aktar b’saħħtu mill-għadu Tork. Fil-fatt, ma’ kull naħa tal-knisja s-simboliżmu tal-poter, qawwa u n-nobbiltà tal-Ordni kien jilħaq kull rokna. Issa il-knisja saret qisha post b’massa ta’ arti fina aktar milli knisja, fejn kull barrani li jżurha kien iħossu qisu rifes ġewwa palazz majjestuż miżmum min-nies aristokratiċi. L-Ordni ried juri li Malta, għalkemm pajjiż żgħir awtonomu, biss legalment mhux indipendenti, kien daqs l-aqwa prinċipat fl-Ewropa.

L-Isqof ta’ Malta jitħalla barra

Sadanittant, matul iż-żmien li dam l-Ordni f’Malta, l-isqof tħalla barra minn kull jedd fuq din il-knisja. Anke jekk stess dan xtaq li ma jibqax l-Imdina, imwarrab miċ-ċentru tal-poter. L-Ordni ma ħalliħx jibni l-palazz tiegħu fil-Belt il-ġdida. Għaldaqstant il-Kapitlu tal-Mdina għen kemm felaħ biex tinbena knisja fil-Belt Valletta fejn l-isqof seta’ jkun milqugħ. Dan kien li wassal għal bini tal-knisja ddedikata lil San Pawl Nawfragu, li nbniet tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-knisja konventwali tal-Ordni.

Biss, għajnejn il-Kapitlu dejjem baqa’ fuq il-knisja konventwali. Għalhekk, meta Napuljun keċċa lill-Ordni minn Malta, l-Isqof Vincenzo Labini immedjatament talab lill-awtoritajiet Franċiżi biex il-knisja ta’ San Ġwann tgħaddi taħt idejh. Din it-talba kienet aċċettata fuq bażi temporanja.

Id-dritt tal-proprjetà fi żmien l-Ingliżi

St John a Cathedral Brockdorff ray pisani 0039_nMeta mbagħad, Malta waqgħet f’idejn l-Ingliżi, l-Isqof Ferdinando Mattei, li kien sar l-isqof ta’ Malta wara li Labini kien miet fl-1807, ukoll talab lill-Ingliżi biex il-knisja tal-Ordni taqa’ f’idejn il-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. Mattei beda jikkomunika mal-Vatikan u eventwalment, fis-27 ta’ Jannar tal-1816 irnexxielu jġib l-approvazzjoni mingħand il-Papa Piju VII, biex il-knisja tkun intitolata bħala Konkatidral. Dan kien iffisser li issa li l-knisja ġiet elevata bħala katidral bl-istess awtorità tal-Katidral tal-Imdina, u l-Ingliżi ma setgħux jużawha bħala knisja għalihom, aktar u aktar għax dawn kienu fil-maġġorparti tagħhom Protestanti. Sadanitant, xorta waħda d-dritt tal-proprjetà tal-binja baqa’ f’idejn l-Ingliżi. Fl-1822, l-Isqof Mattei talab lil Gvernatur Maitland biex jibda jagħmel użu perpetwu mill-Konkatidral. Maitland aċċetta, iżda għamilha ċara li l-proprjetà xorta tibqa’ waħda tal-gvern – għaldaqstant tal-Monarkija Ingliża. Minkejja dan, dan il-kompromess kellu l-vantaġġi tiegħu, għaliex issa kull meta l-Kapitlu kellu bżonn il-finanzi biex jirranġa ħsarat jew jagħmel xi intervent meħtieġ fil-Konkatidral, kien idur lejn il-Gvern biex dan idaħħal idu fil-but skont kif kien hemm bżonn.

Inkwiet f’nofs is-seklu għoxrin

Biss dan l-istatus quo kien ukoll kawża ta’ nkwiet lejn nofs is-seklu għoxrin. Din id-darba l-kwistjoni ma kinetx mal-gvern Ingliż iżda mal-gvern awtonomu Malti ta’ dak iż-żmien. Fl-1956, il-Gvern Taljan kien offra li jirrestawra ż-żewġ pitturi tal-Caravaggio, jiġifieri kemm Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann kif ukoll is-San Ġirolamu. Dawn ittellgħu Ruma u wara li sarilhom ir-restawr, fi Frar tal-1957, il-pitturi ntbagħtu lura Malta fuq il-vapur tan-Navy Ingliża HMS Striker (Mario Buhagiar 1991). Meta l-pitturi tniżżlu l-art, flok ittieħdu lejn il-Konkatidral, mingħajr ma kien ikkonsultat il-Kapitlu tal-Katidral, il-Gvern iddeċida li dawn jittieħdu l-Mużew Nazzjonali li kien għadu kemm ġie stabbilit ftit qabel fi Strada Rjali. Hawn, il-Gvern ried juri li l-Isqof, ma kellux dritt fuq il-Konkatidral, għax dan kien proprjetà tal-Istat. Dan seħħ meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kellu diversi kwistjonijiet mal-Isqof Mikiel Gonzi, l-aktar minħabba l-kwistjoni tal-Integration. Finalment, wara ħafna battibekki, anki sa fil-Parlament, il-pitturi ttieħdu lura fil-Konkatidral fis-17 ta’ April, 1958.

Aa ARA X'INT TGHID

Illum il-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa l-aqwa post l-aktar prestiġġjuż fejn iċ-ċerimonji reliġjużi u dawk statali l-aktar importanti, isiru regolarment u mingħajr inkwiet. Waqt ċerimonji bħal dawn u oħrajn, il-kongregazzjoni tista’ waqt li tipparteċipa ma’ dak li jkun qiegħed iseħħ fuq l-altar, tgawdi viżwalment ix-xogħlijiet storiċi li jirriflettu l-gosti artistiċi tal-Ordni mogħtija lil dan it-tempju glorjuż.

Mhux ta’ b’xejn, li l-famuż kittieb Ingliż Sir Walter Scott meta żar il-Konkatidral fl-1831, ikkummenta li dan il-monument kien, ‘The most magnificent place I ever saw in my life’ (Th. Freller, 2000). Persuna oħra magħrufa li żaret il-Konkatidral ħafna aktar, tard kienet il-mara tal-President Sovjetiku Gorbachov fl-1989. Din stqarret mad-direttur tal-Mużewijiet li kien qiegħed idawwarha: ‘Qatt mhu ser ninsa dan il-post!’ (M. J. Zerafa 2004).

Martin Morana

17 ta’ Awwissu 2022

 

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Għal aktar informazzjoni dwar kitbiet oħrajn tal-istess awtur ikklikkja hawn:

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

http://www.kliemustorja.com

Bibliography 

Arena Jessica, ‘Grand Master uncovered - Ximenes tomb finally found in 
Cathdral crypt’. Times of Malta, December 5 2021.
Borg E.V. ‘The Splendour of St John’s Co-Cathedral’. Airmalta Inflight 
magazine.
Buhagiar Mario, ‘The St. John’s Co-Cathedral Affair – A study of a dispute 
between Church and State in Malta over property Rights, Melita Historica , 
Vol. X no 4, 1991. 
Camilleri Joseph C., ‘Oratory of St John’s’. Airmalta Inflight Magazine. 
March 1994.
Cutajar Dominic, ‘The fabulous heritage of the church of St John’. Treasures
of Malta. Vol 2, no.3, 1996.
Cutajar Dominic, ‘A Masterpiece of Baroque illusionism’, Air Malta Inflight 
Magazine.
July 2000.
De Giorgio Cynthia, The Image of Triumph and the Knights of Malta. Printex 
Limited. 2003.
De Giorgio Cynthia, ‘The Conventual church of the Knights of Malta’. Miranda
Collection. Issue no 5. Progress Press Ltd.  
Farrugia Randon Philip, Excellence and Elegance’. The Sunday Times, January 
16, 2000.
Mangion Giovanni, The Magnificent pavement of St. John’s’. The Sunday Times,
December 13, 1992.
Freller Thomas, ‘Mattia Preti’s paintings for the vault of St John’s - some 
notes on the dates. The Sunday Times, November 28, 1999.
Grima Joseph F. ‘The arrival of the Flemish tapestries in Malta, 1702’. The 
Sunday Times, February 13, 2002.
Mahoney Leonard, 5000 Years of Architecture in Malta. Valletta Publishing. 
1996.
Paulin Stefanie, ‘Ecclesiastical buildings of Gerolamo Cassar - 2’. The 
Sunday Time, January 21,2001.
Vella Theresa M. ‘The conservation project at St John’s: Problems and 
Solutions’. The Sunday Times, July 15, 2001.
Zerafa M.J., Caravaggio Diaries. Grimand Company Limited. 2004.
Die Co-Kathedrale von St John Valletta. Bartolo J. 1979.
Encounters with Malta, Vodaphone, 2000.

 

1 Comment

Leave a Reply to Ray SCC Demanuele Cancel reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s