Il-Kalendarju tal-biedja
marbut mal-festi
Il-bniedem josserva n-natura
Mill-eqdem żminijiet, in-nies tar-raba’ kienu kapaċi josservaw u jinterpretaw iċ-ċiklu tan-natura, f’dak li hu t-tibdil fit-temp skont l-istaġuni biex b’hekk setgħu jippjanaw u jiżirgħu kif imiss. B’hekk biss il-bdiewa setgħu jirnexxilhom ikabbru l-prodotti agrikoli li jkunu żergħu u jkollhom ħsad kif mixtieq.
L-istudjużi jemmnu li anki fil-preistorja dawn il-karatteristiċi tat-temp, ripetuti minn sena għall-oħra, kienu stabbiliti sew fl-imħuħ tal-bdiewa. Iċ-ċaqliq tax-xemx, l-istilel u l-qamar kien jgħinhom isibu dawk id-dati l-aktar preċiżi biex jagħmlu ċertu tip ta’ xogħol fir-raba’. Insibu, kemm fit-tempju tal-Imnajdra kif ukoll f’Ħaġar Qim, kienu jistabbilixxew ċ-ċerti dati billi mmarkaw ħaġar partikolari biex f’jiem preċiżi tas-sena r-raġġi tax-xemx jaħbtu fuqhom. Dawn kienu l-jiem tal-Ekwinozji (21/21 ta’ Marzu u tal-21/22 ta’ Settembru), jew s-Solstizji (21 ta’ Diċembru u l-21 ta’ Ġunju). F’dawn id-dati, jista’ jkun li l-bdiewa kienu jinġabru fil-maqdes biex jattendu u jipparteċipaw għar-ritwali f’ġieħ l-alla tal-fertilità skont it-twemmin tagħhom. Wara kienu mħeġġa mill-qassisin tat-tempju biex imorru jagħmlu dak li għandhom jagħmlu fir-raba’ f’dak iż-żmien tas-sena. Żgur li dan kollu kien isir skont l-esperjenza u l-pariri ta’ nies mgħobbijin biż-żmien – forsi dawn stess kienu s-saċerdoti tat-tempji – li minn ċkunithom, għal tant snin, stampaw f’moħħhom l-andament tal-istaġuni u t-tkabbir tal-ħxejjex kif marbut magħhom.
Meta nistudjaw l-arkeoloġija tal-pajjiżi ta’ madwarna, naraw kif f’bosta kulturi oħra fil-Mediterran kien isir l-istess. F’dawn il-kulturi, bħal ngħidu aħna, dawk tal-Eġittu ta’ żmien il-Farawni, dik tal-Greċja antika u dik Rumana, il-bdiewa kienu jduru lejn l-allat tagħhom li dejjem kienu jimmaġinawhom ħlejjaq b’qawwa divina, biex jintervjenu għalihom ħalli jkollhom xita, ħxejjex u frott b’abbundanza kif mixtieq.
L-istess ġara aktar tard fi żmien il-Kristjaneżmu, ir-ritwali pagani issa bdew jinbidlu f’festi relatati ma’ ċelebrazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin ta’ Kristu u l-qaddisin. Hekk jidher li seħħ meta flok fil-21 ta’ Diċembru (is-Solstizju tax-Xitwa) beda jkun iċċelebrat il-Milied, fil-25 ta’ Diċembru. Aktar ma bdew isiru kommemorazzjonijiet ta’ dan it-tip aktar stabbilew ruħhom dati mqabbla mal-festi reliġjużi. Dawn id-dati partikolari relatati mal-festi tal-qaddisin kienu għal min jaħdem ir-raba’ jservu ta’ kalendarju agrikolu. Mhux talli hekk talli anki l-qbiela, il-ħlas dovut mill-bidwi lil sid l-għelieqi li hu kien jaħdem, kienu jsiru fl-Għid, f’Santa Maria u fil-Milied.
Bis-saħħa tal-osservazzjoni ta’ dawk li ġew qabilna, bqajna nżommu ċerti dati u festi bħala l-jum sagrosant għal meta għandhom isiru ċerti xogħlijiet fir-raba’. B’hekk inħobbu nassoċjaw il-ħsad ta’ ċertu frott mad-dati tal-festi. Hekk pereżempju, it-tin li jimmatura lejn l-aħħar ta’ Ġunju, magħruf bħala l-bajtar ta’ San Ġwann, bqajna nsejħulu hekk għax nassoċjawh mal-festa ta’ San Ġwann il-Battista li tiġi mfakkra fl-24 ta’ Ġunju.
L-istess nosservaw li wara x-xhur sħan tas-sajf, l-ewwel sħab ħafif, u l-ewwel żiffa friska jibdew mal-festa ta’ Marija Assunta (Santa Marija tal-15 ta’ Awissu). Wara Santa Liena, (it-18 ta’ Awwissu), il-bdiewa joħorġu jaqtgħu il-ħarrub niexef. (Ara: Ġużi Gatt, ‘Xogħol il-Bidwi’ https://www.ilmiklem.com/category/xoghol-il-bidwi/.) Nafdaw ukoll f’San Bert (Bartilmew) li l-festa tiegħu hi fl-24 ta’ Awissu, biex tagħmel l-ewwel raxxa xita wara ħafna xhur bla qatra ilma. Inħobbu ngħidu li San Bert ‘iżomm iċ-ċwievet tas-sema’, bħallikieku hu dan il-qaddis li jġiegħel li tagħmel ix-xita f’dan iż-żmien. Ħafna jżommu l-festa tal-Kunċizzjoni (it-8 ta’ Diċembru) bħala l-jum meta għandha tinżera’ l-ġulbiena biex din tilħaqq tikber biex biha nżejnu l-presepji u l-maxtura fil-jiem tal-Milied. .
Biss, kien hemm ukoll ċerti jiem ta’ festi li l-bdiewa, minflok imorru jaħdmu r-raba’ kienu jibqgħu d-dar u ma jagħmlu xejn għaliex dakinhar kien ikkunsidrat dnub kbir li taħdem b’xi mod jew ieħor fir-raba’. L-aktar jum sagru minn dawn kienet il-Festa tas-Salib, jew kif inhi magħrufa wkoll, Santu Kruċ (Tarcisio Zarb 1998). Din il-festa fl-antik kienet issir darbtejn fis-sena, l-ewwel fit-3 ta’ Mejju, u mbagħad fl-14 ta’ Settembru .
Fis-sajd ukoll
Anki s-sajjieda jagħżlu l-jiem partikolari tagħhom biex jiftħu l-istaġun tas-sajd għal ċertu ħut. Hekk naraw li ftit jiem wara l-festa tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk, jintgħażel jum biex jibda’ s-sajd tal-lampuki. Dakinhar, il-kappillan ibierek lis-sajjieda u d-dgħajjes tagħhom biex dawn jiftħu l-istaġun u jsalpaw għas-sajd ta’ din il-ħuta. B’hekk, dakinhar is-sajjieda jirċievu l-barka mingħand il-kappillan, u allura minn Alla, biex ikollhom sajda tajba u mingħajr periklu li l-vjaġġ tagħhom lil hinn mix-xtut jista’ jkollu.
Minkejja li għaddew sekli sħaħ, għad hemm bosta bdiewa li jżommu d-dati tal-festi bħala kalendarju, li għalkemm mhux xjentifikament approvat, iservu sew għax jagħtuhom ċertu serħan il-moħħ meta jiġu biex jiddeċiedu dwar ix-xogħol tal-istaġun li jmiss. Billi fl-antik ftit kienu dawk li jafu jiktbu, dan it-tagħrif relevanti għall-biedja kienu jgħadduh minn bniedem għall-ieħor, u minn ġenerazzjoni għall-oħra, bosta drabi b’taqbila biex dak li jkun jibqa’ jiftakar il-kliem ta’ dawk li għaddew dan l-għerf. Illum dan it-tagħlim orali hu magħdud bħala qwiel antikissimi.
Qwiel dwar il-biedja
Hawn niżżilt lista minn dawn il-qwiel li sibt minn diversi sorsi, iżda l-aktar minn Il-Qawl Iqul, ta’ J.S. Manduca u Ġ. Mifsud (1989). Fejn il-qwiel ħadthom minn sorsi oħra mmarkajthom fejn stajt bl-isem tal-awtur u s-sena tal-pubblikazzjoni biex il-qarrej ikun jista’ jqabbel is-sors ma’ dak li hemm miktub fil-bibljografija fl-aħħar ta’ din il-kitba. Fejn ħassejt li l-qawl waħdu ma jinftehimx jew mhux ċar biżżejjed, inkludejt it-tifsira tal-qawl u xi spjegi oħrajn.
Intant, f’artiklu miktub minn Ġużi Gatt, li deher fis-sit eletroniku http://www.ilmiklem.com, hemm ikkwotat paragrafu li kien deher fil-Calendarju tal-Bidwi, maħruġ mis-Società Agraria ta’ Malta, fis-sena 1849. Il-paragrafu jgħid hekk:
‘[…] Nota: Il-proverbji huma aktar antiki mill-kalendarju tal-lum, li kien magħmul minn San Gregorju Magnu [fis-sena 1582]. Bejn dawn il-kalendarji hemm tlettax-il ġurnata: jiġifieri meta jkollna tlettax mix-xahar, fl-antik kien ikun l-ewwel tax-xahar. Għaldaqstant, iż-żminijiet imsemmija fil-proverbji għandhom jinftiehmu tlettax-il ġurnata wara. ‘Xogħol il-bidwi, Marzu 1849’. Imma fl-istess ħin, fil-biedja, il-kalkolu dejjem ikun bejn wieħed u ieħor għax, kif jgħid il-qawl “Xemx u xita Alla jaf mita […]’.
Qwiel dwar il-festi u x-xogħol tal-biedja
- Jekk L-ors ibill siequ fil-Gandlora [festa li issir fit-2 ta’ Frar u li tfakkar il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju] istenna xita qawwija wara. [Fl-antik kienu jemmnu li f’jum il-Gandlora kien joħroġ ors, tip ta’ mostru, idur it-toroq u li kienu jbeżżgħu lit-tfal bih. Kienu jgħidu li jekk dan l-ors ixarrab saqajh bix-xita, dan kien ifisser li x-xitwa għaddiet, jekk le, ix-xitwa għad trid tkompli].
- Il-Gandlora, ix-xitwa fora. (sors: G. Lanfranco, 2017). Din kienu jgħiduha għax kien hawn min jemmen li x-xitwa sa dakinhar tkun għaddiet. Allavolja hemm proverbju ieħor li jgħid li ‘ Frar ifawwar il-bjar’.
A. Cremona kien ta verżjoni itwal ta’ dan il-qawl:
Primalora, Kannilora, xitwa fora.
Primalora, Brasilora, “quaranta giorni ancora”
Dan juri li l-qawl hu tgerfixa Maltija ta’ qawl Sqalli li s-sens tiegħu hu li fil-Gandlora joħroġ l-Ors u x-xitwa tkun għaddiet jew għad fadlilha skont jekk l-ors isibx mustaċċih imxarrba jew miblula. Ara: ‘Karattri tal-Fantasija’ kitba ta’ Ġużi Gatt, https://www.ilmiklem.com/category/karattri-tal-fantasija-maltin/.
- F’San Mattija [24 ta’ Frar] jekk ma ssibhiex filgħodu ssibha filgħaxija. [Dakinhar il-bidwi jrid isib il-ħin (jekk mhux filgħodu, filgħaxija) biex jiżra’ t-tomnija, li kien qamħ imwaħħar.
- Jekk is-silla f’San Mattija tkun bi tliet weraq tintena bi tliet tinjiet. [Jekk is-silla sal-24 ta’ Frar tkun kibret sew, ifisser li dak l-istaġun ser jagħti kwantità tajba ta’ din il-pjanta].
- Nhar San Mattija żrigħ it-tomnija [tgħam] u la mwaħħar [jiġiferi tard] u la bikrija. [Qawl li jagħti parir li t-tgħam għandu jinżera’ f’dan il-jum, akkost ta’ kollox].
- Nhar San Girgor il-kaboċċi ’tiha ’l-ħmar. [Il-Qawl Iqul jagħtiha fi Frar]. [Dan il-qawl iffisser li jekk sa San Girgor (l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir) il-ħsad tal-kaboċċi ma jkunx sar, dak li jinħasad wara ma jkunx tajjeb biex jittiekel].
- Nhar San Mark [25 ta’ April] ix-xita nar fl-art. [Dan ifisser li jekk wara l-25 ta’ April tagħmel ix-xita dan jiswa aktar ta’ deni milli ta’ ġid għall-uċuħ tar-raba’].
- It-tin bejn San Ġakbu [25 ta’ Lulju] u Sant Anna [il-għada, 26 ta’ Lulju] ibexxaq fommu. [Sal-aħħar ġimgħa ta’ Lulju, it-tin ikun diġà sar iżżejjed].
- Fellus ta’ Lulju jagħtik bajda F’San Pupulju (Sors: Ernest F., Qawl Malti – paġna fuq Facebook].
- F’San Bartilmew [24 ta’ Awwissu] aqta’ l-ħarrub u iżra t-tewm.
- San Mattew [21 ta’ Settembru] qtigħ ir-rummien u żrigħ it-tewm.
- La jagħqad f’San Mikiel [29 ta’ Settembru] jidħol fil-miżien. [Il-ħxejjex li jkunu kibru fis-sajf, bħas-silla u l-qoton, iridu jkunu maħsuda u lesti għall-bejgħ.
- Santa Tereża [16 ta’ Ottubru] il-bidwi jsuq il-ħmar bin-niggieża. [F’dan iż-żmien aħrat kemm tiflaħ biex tipprepara l-art sew għaż-żara’].
- F’San Luqa [18 ta’ Ottubru] iż-żara’ tinħeba fih l-għattuqa [l-għattuqa hi tiġieġa li tkun għada żgħira u ma tbidx]. [Jekk sa din id-data l-qamħ ikun kiber sew – għoli ta’ kemm tistaħba fih l-għattuqa – dan sinjal li ħsad ser ikun tajjeb kif għandu jkun].
- Meta jasal San Xmun [28 ta’ Ottubru] iżra’ fin-niexef u fil-miblul. (sors: Albert W. Agius, 2004). [Għall-aħħar ta’ Ottubru l-bidwi għandu jiżra’ dejjem, kemm jekk l-art tkun imxarrba bix-xita kemm jekk mhix].
- Fix-xagħar tar-Rużarju [matul Ottubru] aħrat u tenni biex meta taħsad ikollok għax tgħanni.
- Sal-Qaddisin Kollha riħ fuq jiġi bil-bolla. [Sakemm jilħaq il-bidu tax-xahar ta’ Novembru, ir-riħ fuq hu rari ferm] (Sors: Andrew Baldacchino, 2019)
- Ix-xahar tal-Erwieħ galbu u frieħ. (Sors: Andrew Baldacchino 2019)
- Għal San Anard [6 ta’ Novembru]ibża’ għall-art għax it-tgħaffiġ jagħmillha l-mard.
- Għal San Anard iżra’ kull art.
- Is-sajf ta’ San Martin, [11 ta’ Novembru] il-biedja tifraħ bih. [It-temp jerġa’ jisħon xi ftit f’dan iż-żmien, li għall-uċuħ tar-raba’ hi xi tajba, u mixtieqa mill-bdiewa].
- San Martinek tajjeb, agħmel ħiltek, biex il-lant ikunlek tajjeb. [B’dan il-qawl, dak li jkun qiegħed jawgura lill-sieħbu, is-San Martin it-tajjeb, u xogħol tar-raba’ mill-aħjar].
- San Martin ikisser it-tin, u san Katrin tisqih bil-fin. [Fis-sajf ta’ San Martin it-tin taċ-ċappa jkun lest, waqt li ftit wara, f’Santa Katarina, suppost tagħmel ix-xita].Il-
- Iż-żara’ f’Santa Katrini, [25 ta’ Novembru] irodd it-tagħm bla fini [bil-kwantità].
- Iżra’ l-ful f’Santa Katrini, biex jagħmel bla fini.
- Il-qamħ f’San Katrini, it-tiben u t-tagħm jagħtini.
- Sant’Andrija [30 ta’ Novembru] nofs il-miżirgħa miżrugħa u nofs il-muna [ħażna] mitmugħa. [Sal-aħħar ta’ Novembru dak li kellu jinżera’ fi żmienu għandu jkun miżrugħ, waqt li dak li kien maħżun sa dakinhar ikun spiċċa nofsu. Mod ieħor li kien jingħad dan il-qawl: … nofs il-muna mitmuma. Il-muna ma kinitx biss dak li jaħżen bħala għalf għall-bhejjem, imma dak li jiekol hu ukoll: tin taċ-ċappa, basal u kappar fil-pikles, xi bettieħ tax-xitwa taħt is-sodda, xi tonn jew żebbuġ fil-melħ, fliexken bl-għasel, eċċ. ]. Sors: Ġużi Gatt.
- Jekk tagħmel ix-xita f’Santa Bibjana [2 ta’ Diċembru] iddum tagħmel xita għal erbgħin ġurnata. [Santa Bibjana illum hi qaddisa li hi ftit li xejn magħrufa, biss jidher li d-devozzjoni lejn din il-qaddisa martri li nqatlet fi żmien l-Imperatur Ġiljan l-Apostata fis-seklu IV, kienet popolari sew mal-bdiewa].
- Nhar Santa Barbara [4 ta’ Diċembru] iż-żara’ jikber għabara. [Sa dan il-jum l-uċuh tar-raba’ miżrugħa jkunu kibru kemm suppost].
- L-aħjar annata tal-patata meta sa San Nikola [6 ta’ Diċembru] tkun fl-ixkora. [Dan ifisser li biex il-bidwi jkollu ħsad tajjeb tal-patata irid jiżragħha u jkabbarha biex tkun kibret sew għall-ħsad fil-bidu ta’ Diċembru].
- F’Santa Luċija [13 ta’ Diċembru] jibdew l-irwiegel.
- Jekk jaqa’ n-nida f’Santa Luċija il-qoton jitrabba bla tbatija.
- Il-Milied bil-kappell, il-Għid bil-mantar, u n-nies tiekol tajjeb u l-bhejjem tixtarr aħjar. [Dan ifisser li tkun ġejja sena tajba meta fil-Milied ikun xemxi u fl-għid ikun il-maltemp].
- Il-Milied taż-żina [bnazzi], il-Għid fil-kċina [maltemp]. [Ifisser l-istess ħaġa bħal qawl ta’ qablu].
- X’ħin jasal il-Milied il-ħeġġa tax-xitwa tkun ġa bdiet. [F’dan iż-żmien kull bidwi jkun għaddej bil-pjanijiet għax-xogħol tiegħu fl-għelieqi].
- F’San Tumas [29 ta’ Diċembru] il-ġurnata titwal b’pass ta’ ħmar qammas. [L-espressjoni ‘pass ta’ ħmar qammas’ tipparaguna l-jum li la jiqsar u lanqas jitwal, ma’ ħmar li meta jimxi u joqmos fl-istess ħin jibqa’ fl-istess post, u għaldaqstant il-pass tiegħu ma jiswa xejn. Biss proprjament, il-jum li la jitwal u lanqas jiqsar hu fil-21 ta’ Diċembru].
Martin Morana
24 ta’ Awwissu 2022
Ħajr kbir lil Ġużi Gatt tal-kontribuzzjoni tiegħu f’dan l-artiklu.
Biblijografija
Agius Albert W., Qwiel, Idjomi, Laqmijiet u trufijiet oħra. BDL. 2004.
Baldacchino Andrew, ‘Festi u qwiel marbuta max-xahar ta’ Novembru’. Parroċċa Santa Katarina. 2019.
Cremona Grech Ġ., Qaddisin għal kull Jum. Media Centre. 1997.
Ġużi Gatt, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni 1. Klabb Kotba Maltin. 2005.
Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni 2. Klabb Kotba Maltin. 2015.
Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.
Manduca J.S. u Ġ Mifsud, Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group Ltd. 1989.
Zarb Tarcisio, Folklore of An Island – Maltese Threshold Customs. PEG Ltd. 1998.