IR-REGATTA
tal-Vitorja, tal-31 ta’ Marzu
u tiġrijiet oħrajn
Ħafna jemmnu li t-tiġrijiet tar-regatta bdew biex ifakkru l-Assedju l-Kbir tal-1565. Dan mhu veru xejn. Matul is-sekli, fil-festi ta’ bosta bliet u rħula, kienu jkunu organizzati avvenimenti sportivi u kompetittivi magħmula bil-ħsieb ta’ divertiment, kemm għall-parteċipanti nfushom kif ukoll għall-ispettaturi li kienu jattendu biex jieħdu gost jarawhom. L-organizzaturi tal-festa kienu jafu li b’avvenimenti bħal dawn kienu qed iħajru aktar lin-nies, kemm tal-lokalità tagħhom stess, kif ukoll dawk ta’ lokalitajiet oħrajn jattendu bi ħġarhom. B’hekk kien ukoll jikber il-prestiġju tal-istess festa.
Fi żmien l-Ordni, nafu li kienu jsiru tiġrijiet tal-bhejjem, fil-festi ta’ San Ġwann il-Battista, fl-Imnarja, f’Santu Rokku u f’Santa Marija. Biż-żmien f’dawk il-lokalitajiet li jinsabu ħdejn il-baħar, inħolqot ukoll, il-ġostra. Mal-ġostra żdiedu wkoll f’ċerti bajjiet it-tiġrijiet tad-dgħajjes. Hawn qed nuża l-kelma dgħajjes b’mod ġenerali, biex infisser l-opri tal-baħar kollha, għaliex il-kelma dgħajsa tista’ tintuża wkoll biex tirreferi għad-dgħajsa tal-pass, jiġifieri it-tip ta’ dgħajsa li trikkeb il-passiġġieri.
Joseph Serracino, studjuż li għamel ħafna riċerka dwar l-istorja tar-Regatta, jgħid li l-ewwel tiġrijiet li qatt saru bejn il-qaddiefa tad-dgħajjes kienu f’xi żmien qabel is-sena 1642. Din it-tiġrija kienet magħrufa bħala, ‘it-Tiġrija tal-Portu Salvu’, għaliex kienet issir fit-2 ta’ Lulju, f’jum il-festa tal-Portu Salvu, iċċelebrata fl-Isla, fil-knisja li ġġib l-istess isem. Dak iż-żmien għat-tiġrija kienu jattendu l-granmastru u xi kavallieri tal-Ordni. Il-granmastru kien imbagħad jistieden lid-diriġenti tat-tiġrija biex jixorbu xi ħaġa flimkien fil-Casa Magistrale, li kienet dar tal-Ordni fl-Isla (J. Serracino, 2010). Il-folklorista Joseph Cassar Pulliċino iżid li għal din it-tiġrija kienu jingħataw tnax-il trofew tal-ħarir (palji?), lir-rebbieħa. Din it-tiġrija kienu jieħdu sehem fiha biss il-barklori tal-Isla. Tiġrijiet bħal din baqgħu jsiru sa ftit qabel l-1759, (J. Cassar Pullicino, 1992). Hawn naraw li l-eqdem tiġrijiet ma kellhom xejn x’jaqsmu mat-tfakkir tal-Assedju l-Kbir tal-1565.

Donnu li għal xi żmien dawn it-tiġrijiet ma baqgħux issir b’mod regolari. Biss, fis-sena 1806, ir-regatta bdiet tkun organizzata, flimkien mal-logħob tal-ġostra min-nies tar-raħal żgħir tal-Kalkara fil-festa ta’ Santa Liberata, festa li hi ċċelebrata mill-patrijiet Kapuċċini ta’ hemm fis-17 ta’ Settembru. Ir-regatta saret fit-28 ta’ Settembru (D. Brincat / J. Serracino, 2020). Dejjem skont Joseph Serracino, fl-10 ta’ Awwissu tal 1821, festa ta’ San Lawrenz, qaddis patrun tal-Birgu, kienet saret regatta oħra, din id-darba mill-qaddiefa ta’ din il-belt marittima. Xi snin wara, ċertu John Hennen tabib Ingliż li qatta’ xi snin Malta, bejn l-1821 u l-1824, biex jistudja s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-gżejjer Maltin isemmi wkoll li kienu jsiru xi tiġrijiet tad-dgħajjes (J. Hennen 1830).
Skont Joseph Serracino, ir-regatta tal-Vitorja, bdiet issir għall-ewwel darba fl-1822, l-aktar għax tal-Isla jiċċelebraw il-festa tagħhom dakinhar. Naturalment, billi din kienet festa obbligatorja, u għalhekk, festa vaganza li fiha ma kien isir l-ebda xogħol, ir-regatta setgħu jattendu għaliha eluf ta’ nies, u b’hekk malajr saret popolari aktar minn tiġrijiet oħrajn. Bil-mod il-mod, f’din il-festa bdew jitħajru jipparteċipaw għal din ir-regatta l-ibliet tal-Port il-Kbir, biss il-qaddiefa kienu jieħdu sehem fuq livell individwali. Dawn kienu jew jużaw id-dgħajjes privati tagħhom jew jisselfu d-dgħajjes mingħand ħaddieħor. Fl-ibliet tal-Port il-Kbir stajt issib kemm trid qaddiefa, għaliex tul is-seklu dsatax kien hemm madwar 1,800 qaddief li xogħolhom ta’ kuljum kien fuq id-dgħajjes, l-aktar dawk tal-pass.
George Percy Badger, fil-ktieb tiegħu, Description of Malta and Gozo (1838), jgħid speċifikament li kemm il-ġostra kif ukoll it-tiġrijiet tad-dgħajjes kienu jsiru fil-Port il-Kbir, fit-8 ta’ Settembru, biex, kif jgħid hu, ifakkru l-Assedju l-Kbir tal-1565. Għall-ġostra kien jintrama’ arblu fuq barkun f’nofs il-Port il-Kbir. Jista’ jkun għalhekk li l-istess barkun kien iservi bħala l-post tat-tmiem tat-tiġrijiet tal-qdif li kienu jsiru wara. X’aktarx minn hawn ġejja l’espressjoni, ‘it-tiġrija sal-barkun!’ Ovvjament, din hi espressjoni metaforika li tintuża meta dak li jkun iwissi li f’kull ħaġa li ssir fil-ħajja, ħadd ma għandu jipprevedi kif ser tispiċċa.
L-istudjuż Pietru Pawl Castagna (1827 – 1907), jgħid illi fi żmienu, almenu fi żmien meta kien qiegħed jiġbor l-informazzjoni għal ktieb tiegħu, Malta bil Gzejjer tahha (1865),fit-8 ta’ Settembru kienu jsiru tliet tiġrijiet; waħda tal-firilli, oħra tad-dgħajjes, u oħra tal-kajjikki. Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija, apparti l-palji, kienu jirbħu xi ftit skudi kull wieħed, li b’kollox kienu jlaħħqu l-ammont ta’ 135 skud. Dawn il-premijiet ta’ flejjes kienu jingħataw mill-kaxxa tal-gvern. Hawn mela qed nifhmu li fl-organizazzjoni tar-regatta fis-seklu tmintax, il-gvern ta’ dak iż-żmien, kien qiegħed jgħin finanzjarjament biex isir dan l-avveniment sportiv u tradizzjonali Malti. Biss, bħal fit-tiġrjiet tal-Imnarja u oħrajn, l-aqwa unur għall-qaddiefa, minn dejjem kien ir-rebħ tal-palji. Kull tiġrija kienet issir bejn il-Menqa tal-Marsa sad-Dwana, kif għadhom isiru illum. Dan it-tul tal-‘kanal’, kif isejħulu l-qaddiefa, hu ta’ 1040 metru.

Fil-bidu tas-seklu għoxrin kienu jsiru ħames tiġrijiet: Tal-Firilli, Tad-dgħajjes Tal-Midalji, Ta’ bi Tnejn, Ta’ b’Erbgħa u l-Kajjikki (J. Serracino 2013). Mill-ewwel snin tas-seklu għoxrin, bosta individwi bdew, flok jaqdfu għal rashom, issa kienu qed jaqdfu għan-nom tal-lokalità tagħhom biex il-krittu kienet tieħdu l-belt li kienu qed jirrappreżentaw. Mal-ibliet tal-Kottonera issa daħlu anki qaddiefa mill-Belt, jew aħjar minn Marsamxett, għax il-qaddiefa li kienu ma’ dan it-tim ma kinux biss mill-Belt iżda anki mil-lokalitajiet tan-naħa l-oħra ta’ Marsamxett, bħal Pieta, l-Imsida, il-Gżira, tas-Sliema u San Ġiljan. Fis-snin għoxrin u tletin, sa qabel ma faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, l-organizzazzjoni tar-Regatta kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Pulizija u tal-Uffiċju tad-Dwana.
Wara xi snin li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, ir-Regatta reġgħet bdiet issir mill-ġdid. Mill-1955 ’il quddiem issa kien hemm premju ieħor, l-Aggregate Shield, fuq il-premijiet l-oħra kollha. Din tintrebaħ mit-timijiet li jġibu l-aktar punti mit-tiġrijiet, u min jirbaħ ikollu d-dritt iżomm ix-Shield għal matul is-sena sar-Regatta li jmiss.

Bil-mod il-mod dawk kollha involuti fit-tħejjijiet tad-dgħajjes u l-qaddiefa bdew jorganizzaw ruħhom aħjar b’kumitati u anki bid-dgħajjes mibnija apposta għall-klabb tagħhom. Maż-żmien, id-dgħajjes tat-tiġrija kienu bdew jinbnew apposta b’materjal u b’mod li jkunu eħfef fuq l-ilma u għalhekk jiġru aktar. Fis-sebgħinijiet daħal għall-ewwel darba tim ta’ qaddiefa li ma kienx min-naħa tal-Port il-Kbir. Dan kien it-tim minn Birżebbuġa li fl-1971, beda jieħu sehem fir-Regatta tat-8 ta’ Settembru tal-1972, u baqa’ jagħmel hekk sena wara l-oħra sal-1976. Birżebbuġa reġa’ beda jieħu sehem fl-istess regatta minn madwar is-sena 2000 ’l quddiem. Ma’ dawn żdiedu oħrajn, dawk ta’ Marsaxlokk u dawk ta’ Għawdex li t-tnejn ipparteċipaw għal xi żmien (Regatta Water Festival 2013).
Il-kategoriji tad-dgħajjes li jikkompetu llum huma dawn: Dgħajjes tal-pass (Ta’ bi Tnejn), Dgħajjes ta’ b’Erbgħa, il-Kajjikki, Tal-Midalji, il-Frejgatini u l-Gikkijiet. Fl-2018 saret tiġrija ta’ frejgatini li fihom ħadu sehem għat-tieni darba, wara erbgħin sena, qaddiefa nisa. Dan l-aħħar snin ġew introdotti tiġrijiet f’kategoriji ġodda, li fihom jieħdu sehem qaddiefa li għadhom żgħar u mingħajr esperjenza. B’hekk it-tiġrijiet issa nqasmu bejn dawk ta’ kategorija A, – qaddiefa b’esperjenza, u dawk tal-kategorija B – qaddiefa żgħar u ġodda.
Mill-1979, ir-regatta bdiet issir ukoll fil-31 ta’ Marzu bħala parti mill-kommemorazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien. Din kienet organizzata mill-Għaqda tar-Regatta. Għall-ewwel din ir-regatta kienet magħmula bi ħsieb li jieħdu sehem biss il-qaddiefa dilettanti u ta’ anqas esperjenza. Kienet issir f’Dockyard Creek, jiġifieri fil-kanal ta’ bejn il-Birgu u l-Isla. Imbagħad meta bdew jinbnew il-pontoons tal-Yacht Marina, ir-regatta ċċaqalqet minn hemm u bdiet issir fil-free way tal-Port il-Kbir fejn issir ir-Regatta tat-8 ta’ Settembru (J. Serracino, 2017). Biż-żmien f’din it-tiġrija ġiet introdotta x-Shield ukoll, u r-regatta saret kompetittiva bħal dik tat-8 ta’ Settembru.
B’hekk illum jsiru żewġ regatti fis-sena, u t-tnejn li huma jsiru f’Jum Nazzjonali differenti.
Għalkemm il-qdif hu assoċjat l-aktar mat-tradizzjoni u mal-Kottonera, illum dan l-isport qiegħed jiġi studjat minn riċerkaturi u akkademiċi mill-Università ta’ Malta bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz tal-Programm FUSION: The R&I Technology Development Programme (R&I-2017-033T). Dan l-istudju Malti mmexxi mill-Prof. Joseph Grima qiegħed iħares lejn il-qdif minn diversi perspettivi li jinkludu r-regatta tradizzjonali, korrimenti assoċjati mal-qdif, bħal-laċerazzjonijiet fil-ġilda, kallijiet, uġigħ fil-polz, eċċ, u modi kif tegħlebhom.
Martin Morana
8 ta’ Settembru 2022
Bibliography Badger George Percy, Description of Malta and Gozo. M. Weiss. 1938. Cassar Pullicino, Studies in Maltese Folklore, Cassar Pullicino Joseph. Malta University Press, 1992. Castagna Pietru Pawl, Malta bil Gzejer Tahha u li Ghadda Min Ghaliha. Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean, Thomas & George Underwood, London. 1830. Serracino Joseph, ‘Origins of the September 8 Regatta’, The Sunday Times, 22 & 27 August 2010. Serracino Joseph, ‘Ir-Regatta Nazzjonali bejn iż-żewġ Gwerer Dinjija’, Victory Day Regatta Water Festival, 2013. Kunsill Malti għal-Isports. Serracino Joseph, ‘Minn fomm il-qaddiefa dilettanti’, (intervista ma’ Sammy Busuttil), L-Orrizont, 24 ta’ Frar, 2017. https://regattabormla.webs.com/storjatalklabb.htm#607699452 https://sanpietru.wordpress.com/birzebbuga/il-hames-snin-ta-birzebbuga-fir-regatta-2/ https://maltarowing.com/history-of-rowing-rowing-regattas-in-malta/ https://en.wikipedia.org/wiki/Maltese_National_Regatta https://www.cottonera.info/victory-day-regatta


Kotba li jittrattaw mijiet ta’ aneddotti mill-istorja ta’ Malta kif ukoll jagħtu tifsiriet ta’ kliem antik u minsi. Kull ktieb għandu 256 paġna, b’mijiet ta’ ritratti li jispjegaw is-suġġetti ttrattati. Jinsabu għand il-librara. Prezz. Euro 14.95.