HEKK KIENU JGĦIDU
Ġabra ta’ espressjonijiet antiki
ALALARGA Espr. li tintuża bħala twissija biex wieħed iżomm ’il bogħod mill-periklu. Eż. ‘Dak il-bniedem alalarga minnu!’ – jiġ., ‘qis li żżomm ’il bogħod minn dak il-bniedem għax jista’ jġibek fil-għali’. Etim. Tal. stare alla larga.
APPA Espr. ‘Għid appa!’ – b’mod ta’ antiċipazzjoni meta xi ħadd jixtieq li tiġri xi ħaġa li żgur hi impossibbli, jew diffiċli għall-aħħar. Fil-ħrafa tat-Tifla Teqred Ġganta, hekk kif il-ġgant jinżel fil-bir, dan jgħajjat lit-tifla biex titfagħlu l-ħabel biex jerġa jitla’. Din tgħidlu, ‘Għid appa!’ u l-ġgant jgħid ‘appa’. Fil-pront it-tifla tgħidlu, ‘il-ħabel skappa!’, u titlaq il-ħabel fil-bir, u tħalli l-ġgant hemm isfel.
BANS Espr. li fl-antik kienet tintuża ta’ spiss biex wieħed jesprimi l-approvazzjoni tiegħu dwar xi ħaġa li tkun intqalet. Din tista’ tfisser: ‘Mela le!’ jew ‘Isbaħ din!’ Oriġ. din l-espressjoni ġejja minn ‘Bi ans!’ jew ‘ħlielek bansejn.’ Mikiel Anton Vassalli jagħti t-tifsira bit-Taljan: Ti è piacuto sicuro / innegabile (M.A.V. 1796); ‘mingħajr dubbju! G.B. Falzon (1845) jispjega din il-kelma fid-dizzjunarju tiegħu bħala, certamente innegabile. L-awtur Ġużè Galea juża din l-espressjoni fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli (1937) b’dan il-mod: ‘[…] ikunu nsew il-ġid li jkunu raw minnek, u bħal xejn bans iduru kontra tiegħek […]’ Sors: p. 48 (2001). Agius de Soldanis fid-Damma wkoll isemmi din l-espressjoni: Bansajn, Si dunque! Sors: Damma (2016). Fid-dinja Għarbija din il-kelma għadha tintuża; meta wieħed jixrob bis-saħħa ta’ xi ħadd jgħid, ‘B’ansejk’ – jiġ. M. ‘Bis-saħħa tiegħek!’
BEABÀ Espr. antika li kienet tingħad; ‘għadu fil-beabà’ – jiġ., għadu qed jitgħallem l-alfabett. Rif. għall-aktar oġġett sempliċi li wieħed għandu jitgħallem tifel meta jmur l-iskola. Espr., oħra, ‘ma jafx beabà’ – jiġ., il-persuna għadha sempliċi fil-ħsibijiet tagħha, bħat-tfal, u ma taf xejn dwar l-affarijiet bażiċi tal-ħajja. Sors: E.S.I.
BIL-BIEX 1. Espr. li tfisser, ‘bix-xorti’, jew xi ħaġa li tiġri b’kumbinazzjoni. 2. Logħba tat-tfal iż-żgħar magħrufa wkoll bħala TIEGĦLA.
ĊFOLLOQ Tintuża fl-espr. ‘Dejjem jinqala’ xi ċfolloq.’ M.A.V. (1796) jispjega din il-kelma bit-Taljan bħala imbarazzo. Ċfolloq hi pjanta tubera selvaġġa li tikber is-sena kollha, u li twarrad fjuri sofor ileqqu u pjuttost kbar fil-proporzjon mal-pjanta. Is. xj. Ranunculus bullatus. Tal. cifalone.
ĊIKKU BRIKU Espr. komuni: ‘Ix-xogħol li se nagħmel kollu ċikku briku’. Rif. għas-soluzzjoni li tagħżel tibqa’ fejn tkun. Sqal. sceccu: asino, bricco: kelma oħra flok asino. Sors etim: J.A.
ĊIRIBEDUD/U Kelma tat-tfal li kienet tintuża b’nofs ċajta f’xi logħba tal-boċċi, żibeġ, eċċ., biex dak li jkun bħal speċi, jgħajjen lil ħaddieħor fil-kapaċità tal-logħob tiegħu. L-Isqallin fil-logħob tal-ażżard jgħidu: ciriveddu jew ciribiddu meta wieħed irid jisħet ir-risq tal-avversarju. Etim. Sqal. li tfisser, moħħ, fis-sens ta’ kapaċità, jew nuqqas ta’ intellett mentali.
ĊMOSS Tingħad fl-espr. ‘qala’ ċmoss’ – jiġ., qala’ ċamata jew ċanfira għax ma ġabx ruħu sew. Skont Erin Serracino Inglott din il-kelma ġejja mill-Isq. smossu. Tal. smuovere.
DAQSINSEW / DAQSINSEWWA / DAQSINWIEĦED L-espr. hi magħmula minn żewġ kelmiet – ‘daqs’ u ‘sew’. Rif. għal bniedem li hu magħmul ta’ daqs jew xeħta ta’ kif suppost għandu jkun. Anki jekk oġġett ikun pariġġ jew jixxiebah ħafna ma’ oġġett ieħor dan jingħad li hu ‘daqsinwieħed’. Sorsi: M.A.V. (1796) u G.B.F. (1845).
DALI DALI Espr. li Agius de Soldanis jiddiskriviha fid-Damma (ċ 1750 – 1767) hekk: continuamente, spessamente; eż., waqà dali dali, cadere spesso. V. Busuttil (1900) jittraduċiha għall-Ing. bħala, incessantly.
ERBATAX FI XKORA Espr. li tfisser li l-affari hi kompluta, ġewwa u lesta. Qawl: Tgħoddx erbatax fi xkora qabel ma jkunu erbatax fi xkora. Sors: Damma (2016).
EWL 1. Espr. ‘Minn ewl id-dinja’, li tfisser mill-ewwel żmien tad-dinja, rif. għal xi ħaġa magħrufa minn kulħadd. 2. Espr: ‘minn ewl iż-żminijiet’ – rif. għal xi hi ħaġa antika. 3. EWL IL-LEJL Il-bidu tal-lejl, l-ewwel parti tal-lejl. 4. EWLILEJL Il-lejl ta’ qabel dak il-jum li wieħed qed jirriferi għalih. 5. EWL il-GĦAĠIN L-ewwel għaġna mill-qamħ il-ġdid. Sorsi: Anton F. Attard u J.A.
FALSABURDUN Kelma li tintuża fil-frażi, ‘għasar falsaburdun’. Kant tal-vespri li jitkanta akkumpanjat minn bumbardun u baxx. Etim. Fr. faux bourdon Tal. falsobordone.
FLUS TAL-ĠILD Espr. li tirriferi għal flus li ma jiswew xejn. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Flusi mhux tal-ġild, tafx!’ – jiġ., jien għandi flus biex inħallas bħal ħaddieħor. Flus qodma kienu jgħidulhom ukoll ‘flus ta’ Santa Liena’. Dan għaliex, skont leġġenda, f’Birkirkara kienu nstabu muniti antiki qodma, u allura ma kienu jiswew xejn. FLUS JAĦARQU M.A.V. (1796) jfisser din il-frażi bħala denari in contanti. Ara: Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħrajn, Albert W. Agius, p. 132.
GAŻIBA Tingħad biex tirriferi għal xi saram jew għal xi sitwazzjoni kkomplikata, fejn il-bniedem involut fil-kwistjoni jista’ jmur minn taħt jew jiġi fl-inkwiet. Taħwida. Ngħidu, ‘Il-gażiba taf x’inhi, hux, li…’ jew, ‘malajr sab ruħu f’gażiba.’ M.A.V. (1796) jgħidilha ‘ksiba’. Fil-Piccolo Dizionario (1856) din il-kelma hi spjegata bit-Tal. birboneria, Ing. roguery, jiġ., brikkunata. Mill-Għ. kissiba.
GULA Kelma oħra għal żaqqiqerija. Tingħad meta bniedem ikun xeba’ u jibqa’ jiekol aktar, jgħidulu, ‘dik gula’. (Tal. gola.)
GĦAFJA Kwiet, kalma, trankwillità, paċi, serħan u saħħa. IMISS BIL-GĦAFJA Frażi li kienet tingħad meta wieħed ikun qiegħed imiss, jew se jmiss, il-ferita jew dik il-parti tal-ġisem li tkun marida. P.P. Castagna juża din il-frażi fil-kummiedja, ‘It-Tliet Għomja, Vagabondi, Ħallelin’, b’dan il-mod: ‘[…] toħroġ il-għaġeb u miss il-għafja, ara kemm kien rasu iebsa […]’. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 206. GĦAFJA TAJBA Espr. li kienet tingħad b’rif. għal xi ħadd li hu fi stat tajjeb ta’ saħħa. Frażi li kienet tingħad bħala tislima bejn tnejn. Bħal din l-espressjoni kienet tingħad oħra: ‘Għafja għalik!’ jew ‘Jessu għalik!’ GĦAFJA TAL-MEWT Serħan ta’ bniedem f’agunija wara xi battikata. Sorsi: M.A.V., J.A. u E.S.I.
ĦADA Kelma mill-Malti antik li tfisser, qrib jew ħdejn. Eż., ‘qiegħed ħada dari’, jiġ., qiegħed qrib dari; jew, ‘dan, mhu xejn, ħada (a paragun / ħdejn) dak li għadda minnu’.
ĦORROX BORROX Espr. li tirriferi għal xi pjan jew xi xogħol li jsir kif ġie ġie u ta’ malajr. Qawl: F’xogħol ta’ ħorrox borrox l-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox. Sors: E.S.I..
INĊOTLA Avverbju li norm. jingħad fil-frażi ‘ħallewh inċotla’ – jiġ., ħallewh stendut mingħajr ma jitħarrek. Espr. ‘baqa’ inċotla’ – jiġ. baqa’ waħdu, jiċċassa, mingħajr ma jiċċaqlaq. Spiċċa abbandunat minn kulħadd. Tfisser ukoll, baqa’ b’xiber imnieħer. Etim. Tal. in ciotola – M. il-ħofra ta’ ċurkett li fiha tkun ingastata l-ħaġra prezzjuża.
ĦAJTA DLAM Żernieq. Tingħad fil-frażi, ‘ħajta dlam, oħra dawl’. Tal. Aurora tra luce e buio. Sors: Damma.
ĦESREM Espr. ‘miet ħesrem’ – jiġ., miet ta’ malajr u mingħajr stennija. Biss jekk nieħdu inkonsiderazzjoni t-tifsira oriġ., l-espr. tista’ tfisser ukoll: miet qabel il-waqt. Frott ħesrem. Dan hu aġġ. li jintuża għall-ixtieli u frott, bħall-għeneb li għadu aħdar, jew xi frotta jew ħaxixa li tkun għadha ma saritx u għalhekk tkun anki qarsa.
INFAĊĊ Espr. nawtika, ‘Il-ġifen salpa bir-riħ infaċċ’. Rif. għar-riħ li jkun ġej fuq il-baħar minn quddiem, jew mill-faċċata waqt li l-bastiment ikun miexi fid-direzzjoni tiegħu.
JEKKLILE / INKLELE / NKLELE Kelma li kienet tingħad flok ‘jekk le’, pereż., f’kuntest bħal ‘Jekklile, ejjew’ – jiġ., ‘jekk tridu, ejjew’; jew bħal meta ngħidu, ‘ejjew oqogħdu!’ E.S.I. jgħid li din il-kelma tintuża għax hi aktar enfatika minn ‘jew inkella’. Fil-kitba, ‘Mogħoż u Ngħaġ’, ta’ Alfons Maria Galea, naqraw hekk: ‘ […] min jaħlibhom [in-ngħaġ] irid ikun tas-sengħa, għax nklele ixattarhom […]’ Sors: Cotba tal Moghdija taz-Zmien, n. 57 – ‘Fid Dar u il Ghalka’ (1906).
KALLAJAMAR Din il-kelma ħarġet mill-frażi ‘jekk Alla jamar’. Illum ngħidu minflok, jekk Alla jrid. M.A.V. (1796), jitraduċiha bit-Tal., iddio voglio.
KWIBUS Kelma oħra li tintuża b’mod kollokwiju li tfisser ‘flus’. Ngħidu, ‘M’hemmx kwibus!’ jiġ., m’hemmx flus. Sors: J.A. Lat. quibus – M. fortuna.
LAĦAM MIBJUGĦ 1. Espr. li tingħad għal xi ħadd li għax imġiegħel, jagħmel xi ħaġa ta’ bilfors; rif. għal xi impjegat li jagħmel li jgħidulu mingħajr ma jmeri lil min jordnalu. 2. Rif. għal nisa ta’ moral baxx li lesti li joffru ġisimhom għall-pjaċir ta’ ħaddieħor.
MAĦAFI Kelma antika li kienet tintuża fil-frażi ‘bil-maħafi’, jiġ., bil-biża’. Eż. Kienu jgħidu, ‘Hemm bżonn li meta taqsam it-triq, dan tagħmlu bil-maħafi. Oriġ. Għ. ma’ kħawf – M. bil-biża’. خوف kħawf – biża’, v. kħawwef – jiġ., beżża’. Sors: J.A.
MERQTU U FTIETU Espr. li tfisser, ‘kulħadd għal rasu’; kulħadd tiegħu f’tiegħu; wieħed ma għandux għalfejn ikollu x’jaqsam ma’ ħaddieħor. Din l-espr. insibuha fl-istorja Viku Mason (1881) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, fejn naqraw hekk: ‘[…] It-tabib mar għal xogħlu, jaħlef ġo qalbu li minn dakinhar ’il quddiem ma’ Viku kulħadd merqtu u ftietu […].’ Il-kelma ‘merqtu’ ġejja minn ‘meraq’ bit-t marbuta u l-pronom mehmuż l-’u’ tal-possessiv, waqt li ‘ftietu’ hi n-nom pl., ‘ftiet’, bil-pronom possessiv ‘u’ mehmuż. L-ewwel waħda tfisser ‘brodu’ u t-tieni tfisser ‘biċċiet tal-ħobż li jixxappap fil-brodu’. Mela din il-frażi sservi ta’ analoġija, bħal meta wieħed jiekol waħdu u ma jaqsam ma’ ħadd. Ħajr: Chris Giordano. Ara: Viku Mason – Susanna. Klabb Kotba Maltin, 2004, p. 34).
MUSBILGĦAFJA Skont Ġ. u. A. Muscat Azzopardi (1975 / 1986), din hija idjoma li kienet tingħad f’Għawdex, meta wieħed jitlob lil Alla biex il-persuna tibqa’ f’saħħitha u ma timradx. Il-kelma ma sibtha fl-ebda dizzjunarju. Ara: AFJA / GĦAFJA.
NXURI Aġġ. li juri li l-prodott tar-raba’ għadu ħadrani u għaldaqstant għadu ma mmaturax biżżejjed biex jittiekel. Aġġ. ieħor għal ‘oġġett niedi’. Ngħidu, ‘Il-qoton għadu nxuri.’ Sqal. in sciuri – M. bil-fjuri. Għ. naxara – v. li jirriferi għall-ħdura ta’ wara x-xita. Sorsi: J.A. u E.S.I.
NUGRONZOZZU Kelma li fl-antik kienet tintuża mill-ommijiet biex isikktu t-tfal meta jkunu mqarbin. Etim. Sqal. nigru + sozzu (Tal. ?un grande sozzo – sporco). Sors: J.A.
OFFU / GĦOFFU Abbundanti. Kelma li tingħad bħala appel. biex tiddeskrivi lil xi ħadd li hu sta bene. Ngħidu, ‘Ta’ offu kulħadd iħobbu’. ILLOFFA v. Esaġera fil-ġenerożità jew l-infiq tiegħu; ngħidu, ‘beda jilloffa fix-xorb li serva lill-mistednin’.
OLÀ Espr. li kienet tintuża fl-antik bħala tislima. Fil-ħrafa ‘Ix-Xini Jimxi fl-Art’, Patri Manwel Magri jgħid hekk: ‘[…] Qallu x-xiħ, ”Olà! Inti x’inti tagħmel?” […]’. Ftit aktar ‘l isfel fl-istess paġna nsibu din il-kelma tintuża bħala verb….’Ix-xiħ ulah (sejjaħlu)…'[din il-parentesi hi ta’ Magri, li għaldaqstant hi indikazzjoni li fi żmienu (1851 – 1907) din l-espressjoni ma kontx tismagħha kif ġieb u laħaq u għalhekk Magri ħass li kellu jagħti t-tifsira tagħha]. Intant, bl-Ispanjol, Olà hi kelma ta’ tislima. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, p. 89, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.
OSBRA (pl. ta’ sabar). Esklamazzjoni li wieħed juża meta jissorprendi ruħu, bħal meta wieħed jgħid, ‘isa ħej, mur obsor!’ Tingħad bħal meta xi ħadd jsir jaf xi ħaġa li normalment hi impossibbli li ssir.
PIROĊĊ Tintuża fl-espr. ‘waqa’ piroċċ’ – jiġ., ħassu ħażin u ntilef minn sensih. Etim. mhux magħrufa. Sors: J.A.
QABŻ ĦADID 1. Qbiż minn fuq ħitan tas-sejjieħ u qbiż ieħor fejn wieħed jissupera tip ta’ ostakli oħra. Qbiż li wieħed jagħmel għal għarrieda. Fir-rumanz ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli (1937) naqraw hekk: ‘[…] Iċ-ċriev, imgerrxin mill-inbiħ tal-klieb, kont tarahom ħfief jaqbżu qabż ħadid […]. p. 133.’ 2. Mossa li ssir għal għarrieda. Eż., ‘dawruh minn kullimkien qabż ħadid’. Hawn il-kelma ħadid x’aktarx hi l-aġġettiv ta’ ħad (Għ.حدّ), li tista’ tfisser fruntiera jew ħajt li jissepara). Sors: E.S.I. u J.A.
IL-QIXX u L-MIXX Espr. li tfisser taħlita ta’ kollox. Laqx, tilqit, frak jew fdalijiet oħra ta’ wara. Fil-lingwaġġ tas-sajjieda l-qixx hu l-ħut iż-żgħir nett. Ngħidu, ‘hemm taħlita ta’ nies magħmula mill-qixx u l-mixx’ – jiġ., minn persuni komuni kif ukoll dawk ħamalli. Sorsi: E.S.I u J.A. Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli jgħid hekk: ‘[…] fil-palazz kienu jgħixu l-ħallelin, dawk ta’ qattagħni u l-qixx u l-mixx […]’. Sors etim. E.S.I.
QIŻD Espr. ‘lanqas qal qiżd’ – jiġ., lanqas biss lissen kelma. Il-kelma tfisser: ħoss żgħir. Fl-istorja ‘Il-Bravi f’Dar Luċija’ ta’ Mons. P. Galea insibu hekk: ‘[…] ħabbat [il-bieb] qajla qajla… jarġa’ jħabbat ftit aktar bil-qawwi: lanqas qiżd […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 64.
QOŻŻA 1. Xi ħaġa li hi ta’ qżież. Espr. ‘QOŻŻOT għalik!’ Niltaqgħu ma’ din il-kelma fl-istorja ‘Kelb rieqed la tqajmux’ ta’ Temi Zammit: ‘[…] Jekk tagħtini kemm tlift fil-qożża tista’ tibqa’ sejjer għal xogħlok […]’, Nies bla sabar, p. 8. L-espressjoni tingħad ukoll f’waħda mill-istejjer li ġabar Patri Manwel Magri, ‘Jannar bla xita jissellef m’għand ħuh Frar’. ‘[…] Darba wieħed raħħal Malti qallu lil Jannar, Qożżot għalik Jannar! […]’. Sors: Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, p. 286.
RIĦ IMB RIĦ / RIĦ B’RIĦ Espr. li tingħad meta tnejn min-nies li qed jikkompetu f’tellieqa jkunu ras imb’ras. Espr., ‘Riħ imb riħ jirbaħ il-master. Rif. għal meta ż-żewġ lagħba jispiċċaw indaqs u ma jirbaħ ħadd minnhom. Bl-Ing., draw jew tie.
RSUL Tingħad fl-espr. ‘toqgħodx tiġini b’ħafna rsuli.’ – jiġ., ‘toqgħodx twassalli kummenti jew risposti ta’ ħaddieħor.’ ‘Irsul’ tista’ tfisser ukoll ‘aħbar kerha’. Ġejja minn ‘rasal’ li tfisser ‘wassal il-bxara’. Sors: J.A., u Kif Ngħiduha, ta’ Ġino u Anna Muscat Azzopardi.
SAGRA DIBONJA Espr. li fiha nfisha ma tfisser xejn partikolari, biss, kienet tingħad bħala esklamazzjoni meta xi ħadd ikun sorpriż bis-sitwazzjoni li jsib ruħu fiha; kienet tingħad ukoll meta wieħed ikun irrabjat dwar xi ħaġa partikulari. B’mod ewfemistiku, min jgħidha jkun qiegħed jibgħat lil dak li jkun għand boxxla xjaten. Fil-kummiedja, ‘It-Tliet Għomja, Vagabondi Ħallelien’ (1891), ta’ P.P. Castagna f’mument ta’ rabja, Gori jgħid hekk: ‘[…] Neħles minnek, iva neħles minnek, ħaqq is-sagra dibonja […]’. Sors: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax – It-Tieni Volum, p. 208.
SAĦĦTEJN Tislima li kienet tingħata fl-antik meta bniedem isellem lill-ieħor, pereż., meta dak li jkun jgħid: ‘Saħħa għalik!’ bosta drabi l-ieħor kien iwieġbu: ‘Saħħtejn ħabib!’ bħallikieku dak li xtaq wieħed, l-ieħor qed jixtieqlu d-doppju. Fid-dinja Għarbija din l-espr. għadhom jgħiduha, l-aktar biex jawguraw l-ikla t-tajba.
SANGATT Kelma li tingħad bħala esklamazzjoni. Din il-kelma insibuha f’waħda mill-istejjer ta’ Dun Xand Cortis, meta l-karattru tal-istorja jgħajjat, ‘[…] ‘X’mort għamilt? X’ħawwadt? X’għassidt? X’sangatt? […]’ Dan jgħidha bħallikieku kien sorpriż għall-aħħar b’dak li ġara. Jista’ jkun li din hi kelma oħra għal SANĠAKK. Sors: ‘Trid Tisma’ l-Banda Sew’, Il-praspar miktuba minn Dun Xand Cortis, p. 40.
SEWWA FLIXKUN 1. Term. li jirriferi għall-preparament u t-taħlit tal-mediċina, norm. magħmula mill-ħxejjex jew ħwawar f’likwidu ġo flixkun. Dan it-terminu kien marbut max-xogħol tal-ispiżjar meta kien jipprepara d-duwa hu stess. Eż., kienu jgħidu, ‘isewwilu flixkun mgħaqqad bil-ġulepp, magħmul mir-rabrabru u ftit zokkor’. 2. SEWWA l-INSALATA Żied il-ħwawar mal-ikel. 3. SEWWA SERDUQ Ikkastra serduq billi neħħielu l-ħaswa. Sors: E.S.I u J.A. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, G. Lanfranco, p. 240; ‘Maż-Żmien Tiegħi ta’ Tabib’, Dr Charles Cassar; Folklor, ed. Guido Lanfranco, p. 56; ‘Mard, Duwa u Fejqan’ ta’ Temi Zammit, minn ‘Il-Malti’, kitba li dehret fil-Ward ta’ Qari Malti (1945), pp. 238-241; f’Nies Bla Sabar u stejjer oħra, ed. Toni Cortis, (1987), p. 85.
TRAK Kelma li ġejja mill-verb transittiv ‘ra’ (xi ħaġa). E.S.I. jagħtiha bħala: ‘Hekk hu!’ jew: ‘Iss ħej!’ J.A. jagħti l-ekwivalenti ta’ din l-espressjoni bl-Ingliż: lo and behold. J.A. jgħid li din il-kelma tieħu s-suffiss pronominali, bħal trakni traku, trakha, trakhom eċċ … B’dan il-mod din tfisser, ‘hawn jien!’ Ġużè Galea juża din l-espressjoni kemm-il darba fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli: ‘[…] l-għasafar kienu traku joforħu s-siġar’, u ‘[…] iż-żiemel kien traku jwaqqaf widnejh u jitnaffar […]’ M.A.V. (1796) u G.B.F. (1845) jagħtu l-istess tifsira. G.B.F. iżid, ‘eccomi!’
TOXX Kelma li kienet tintuża fis-seklu tmintax f’sens ta’ xewqat ta’ saħħa jew tislima waqt li l-ħbieb jixorbu flimkien. M.A.V. (1796) jgħid hekk: […] Scherzo che si dice bevendo in compania […]’. Iżid li din l-espressjoni ġejja mill-Franċiż toucher, li bil-Malti tfisser ‘mess, jew ħabbat oġġett ma’ ieħor’.
VIGU VIGU Espr. li kienet tingħad biex tirreferi għal xi sitwazzjoni fejn l-affari sejra tajjeb mingħajr ħafna bżonn ta’ attenzjoni. Ngħidu, ‘Dak kollox vigu vigu għalih’. Etim. inċerta. X’aktarx mit-Tal. vigore.
VIŻIBILJU / BIŻIBILJU Appel. li jfisser ‘kwantità kbira’. Sqal. visibiliu mit-Tal. visibile – M. kemm tara b’għajnejk. Ngħidu, ‘Fil-pjazza kien hemm viżibilju kbir ta’ nies’.
VROMA Fjask kbir. Xogħol li ħareġ ħażin għall-aħħar. Oriġ. – Riħa tinten ħafna; żibel jew ħmieġ. Etim. tal-kelma ġejja mill-Grieg, vromiko – M. maħmuġ.
WIXX Ġid u prosperità. Tingħad fil-frażi ‘xogħol bla wixx’ – jiġ., xogħol bla qligħ jew xogħol li hu mħallas bil-ftit u mhux kif jixraq. Ngħidu, ‘ma fihx wixx’ – ma fih xejn. Espr. Oħra: ‘wixx miegħek!’ – jiġ. ‘ir-risq lilek’. Espr. oħra hi, ‘wixx għalik!’ – tingħad meta wieħed jagħtas, bħal meta wieħed jgħid, ‘Evviva!’ Sors: E.S.I.
XARIJA Il-Musulmani għandhom il-liġijiet tagħhom imsejsa fuq ix-xarija, il-liġi kanonika tal-Islam, li tista’ tgħid hi wkoll il-liġi tal-istat. Ngħidu: ‘għamel xarija ma’ xi ħadd’, kisirha minn ma’ xi ħadd. Agius de Soldanis jispjega din il-kelma hekk: ‘[…] voce puerile, [jiġ., kliem tat-tfal] volendo dire che non sarà più amico come prima, e per ripacificarsi dice ‘ma hiniex xarija, paċi’, toccando il piccolo dito della mano destra uno collaltro annellandosi le dite, allora vien fatta la pace […]. Sors: Damma, (2016). Ara: PAĊI KULAĊI.
ŻOTA / ŻLOTA Kelma li tingħad fil-frażi, ‘Ruħ żota’ li tirriferi għal persuna li ma jridha ħadd miegħu. Persuna rożża. Espr. ‘Ħallieni bħal ruħ żota’. ŻOTKU Persuna ta’ natural vulgari, żorr u rożż. Etim. Tal. isolata. Sors Etim: J.A.
Naturalment, jeżistu ħafna aktar espressjonijiet u idjomi bħal dawn. Fittex fis-sezzjoni ENĊIKLOPEDIJA ta’ din il-website billi tikklikkja hawn: www.kliemustorja.com
Martin Morana
15.09.22
Biblijografija
Agius Albert W. Agius, Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħrajn.
B.D.L. 2004.
Agius De Soldanis (Sultana) Giovanni Pietro Francesco, Damma Tal Kħaliem
Kartaġinis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. Ed. Rosabelle Carabott.
L-Akkademja tal-Malti et al. 2016.
Aquilina Joseph, Maltese English Dictionary, Vol I & II. Midsea Books Ltd.
1987 & 1990.
Falzon Gian Battista, Dizionario maltese - Italiano - Inglese. 1845.
Galea Ġużè, Żmien l-Ispanjoli (1937).
Galea Marco, It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum. Mireva
Publications. 1997.
Agius Albert W. Agius, Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħrajn.
B.D.L. 2004.
Falzon Giovann Battista, Dizionario Maltese - Italiano. 1845.
Galea Ġużè, Żmien l-Ispanjoli (1937).
Galea Marco, It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum. Mireva
Publications. 1997.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN. 2004.
Mifsud Chircop Ġorġ, Manwel Magri - Ħrejjef Missirijietna. PEG. 1994.
Muscat Azzopardi Ġużè, Vigu Mason. Klabb Kotba Maltin. 2004
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti.
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon, 1796.
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti.
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon, 1796.
Zammit Temi, Nies Bla Sabar u stejjer oħra, ed. Toni Cortis, 1987.
Zammit Temi, ‘Mard, Duwa u Fejqan’, Ward ta’ Qari Malti (1945).
Għal tagħrif dwar pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Kotba li jittrattaw mijiet ta’ aneddotti mill-istorja ta’ Malta kif ukoll jagħtu tifsiriet ta’ kliem antik u minsi. Kull ktieb għandu 256 paġna, b’mijiet ta’ ritratti li jispjegaw is-suġġetti ttrattati. Jinsabu għand il-librara. Prezz. Euro 14.95