QWIEL ANTIKI – it-tieni parti

 

QWIEL ANTIKI – II 

Tas-seklu 18 u bidu tas-seklu 19

 

Il-qwiel huma mod ta’ tagħlim li ta’ qabilna qasmu bejniethom u li baqgħu jingħadu ġenerazzjonijiet wara l-oħra. Il-qwiel bosta drabi jitfasslu b’mod metaforiku, speċi ta’ parabbola ħafifa, li tagħti parir f’diversi oqsma tal-ħajja.

Gian Pietro Franġisk Agius Sultana, jew kif inhu wkoll magħruf, Agius De Soldanis, (1712 – 1770), fid-dizzjunarju, tiegħu, Damma tal kliem Kartaġiniż mscerred fell fomm tal Maltin u Ghawċin, jinkludi mal-mitejn u tletin qawl li kienu magħrufa fi żmienu. Fl-1828, Mikiel Anton Vassalli ppubblika Motti, Aforiżmi e Proverbii Maltesi li fiħ insibu daqs 860 qawl mfisser. Għar-riċerkatur tal-istorja soċjali ta’ Malta, dawn il-qwiel huma importanti għax juru kif kien jaħsibha l-Malti aktar minn mitejn sena ilu dwar ħafna aspetti tal-ħajja, mit-twelid sal-mewt. Minn dawn il-mijiet ta’ qwiel għażilt mal-110 li jien sibthom partikolarment interessanti, l-aktar għax jirriflettu l-ħsibijiet li kienu jitgħabbew biħhom dawk li għexu qabilna. Ħaġa oħra li dawn il-qwiel jgħarrfuna huwa il-mo ta’ kliem kif kien jintuża dak iż-żmien.

Fejn rajt li hemm xi qawl li ma jinftihemx biżżejjed, tajt it-tifsira tiegħu skont kif sibtha mfissra minn Agius De Soldani u M. A. Vassalli; anki ġieli inkludejt it-tifsira kif qalbuha huma bit-Taljan. Kultant, żidt xi tifsiriet ta’ xi kliem diffiċli għax wisq naħseb li l-qarrej ma jifhimhomx. Il-kummenti tiegħi jidhru fil-parentesi kwadri […]. Fejn jidher l-akronimu M.A.V. dan ifisser li l-qawl sibtu fil-pubblikazzjoni ta’ Mikiel Amton Vassalli. Fejn il-qawl hu mniżżel minn Agius de Soldanis, jien immarkajtu bl-ittri, A. de S. Fejn il-qawl jinsab fiż-żewġ xogħlijiet, ktibt l-akronimi taż-żewġ awturi (A. de S. u M.A.V).

Martin Morana

11.03.2023

http://www.kliemustorja.com

A

AĦJAR      Aħjar ħarba minn karba. (M.A.V.) Miglior cosa é una fuga che un sopsiro.

AKTAR     Aktar ma tqalleb aktar titqalleb. (M.A.V.) Piucché svolgi, maggiormenti ti                                 sconvolgi. [Aktar ma jkollok aktar tkun trid].

B

BAĦAR   Il-baħar duqu qabel ma titla’ fuqu (A. de S.)

BAJDA    Il-bajda li kellha l-widnejn, kieku jerfugħa tnejn. (M.A.V.). [Jiġ., l-għajnuna tiswa                  dejjem, anki f’affarijiet żgħar].

BIEB      Ma jingħalaqx bieb li ma jinfetaħx ieħor. (A. de S.)

               Min jiftaħ biebu jitlef ’l-uliedu. (A. de S.)

                Jew tiftaħ biebek u ftaħar, jew agħlqu u nsatar [inħeba]. (A. de S.)

               Trid tgħix tajjeb, għalaq biebek u nsatar (A. de S.)

BILLI      Billi tagħti tieħu. Con quello che dai, riceverai. (A. de S) 

BISKOTT   Jagħmel ħażin min jitlaq ruħu mingħajr biskott (A. de S.)  [Importanti li meta                       tkun ser tagħmel ħarġa fit-tul tieħu miegħek dak li jsostnik].

BTALA     Il-ħidma fil-btala ġġib is-siba u l-ħala.  [Jiġ., fil-jiem tal-btala – jum ta’ festa                              kmandata – ix-xogħol iġib is-saħta u l-ħela. (A. de S.)

BNEJTA   Il-ħajja tal-bnejta [tfajla] hi bħal mendil [sarvetta] fil-mejda. La vita della                               zitellina e come un  pagliacco in tavola.  (A. de S.)  [Il-mara mhux miżżewġa                            tiddependi dejjem minn min kapaċi jsostniha].

BNIEDEM   Il-bniedem akbar ma hu, akbar hemmu (A. de S.) [ikbar l-inkwiet tiegħu].

                     Ibża minn min hu battal [minn min ma għandux x’jagħmel]. (A. de S.)

                     Bniedem dagħaj ftit idum ħaj. (A. de S.)

                     Bniedem bla ħila [coraggio] aħjar il-mewt minnu. (A. de S)

BORDLIEQA  Il-ħlieqa [ċajta] xi darba ssir bordlieqa (erba porcellana) (A. de S.) [Jiġ. iċ-                              ċajta / ħaġa tad-daħk xi darba ssir xi ħaġa aktar serja].

BODBOD        Li kull min għandu l-leħja raġel, il-bodbod raġel. (A. de S. u M.A.V.)

BOSK             Il-bosk ħatbu jaħarqu. (M.A.V.)  [Jiġ., il-ħażin ikun megħlub mill-ħażin li                                  joħroġ minnu nnifsu].

BUT               Bit-tifħir ma timlix butek (A. de S.)

BUŻBIEŻ     Aqta’ jiesek u berred bużbieżek. (A. de S. u M.A.V.)  [Tistenniex aktar karezzi                         mingħand ħadd].

BUŻŻIEQA  Jekk bużżieqtek dejqa xejn tiġi quddiemi (A. de S.)  [Jekk int burdata ħażin                           aħjar ma tersqax lejja]. Dan il-qawl ifakkarna fl-idjoma, ‘tifqalix il-bużżieqa!’

Ċ

ĊAWLA   Imdorri jisma’ bħaċ-ċawla tal-kampnar  (A. de S.)  [Jiġ., min hu mdorri                                   jisma’ l-istess kliem jew għadda mill-istess sitwazzjoni ma jibqax jagħti każ].

D

DEMM   Min ma jaħżenx lill-demmu jiġieh hemm [inkwiet] akbar minn hemmu (A. de                      S.)  [Minn ma jieħux ħsieb il-bżonnijiet ta’ familtu jsib gwaj akbar].

DAĦK    Min idaħħkek ibikkik; irid mingħandek min jagħtik (A. de S.)

                Il-mara meta tidħak tkun trid tqarraq bik, meta tibki tkun qarrqet bik (A. de S.)

                Bħal ma jaf idaħħkek jaf ibikkik (M.A.V.)

DAQQ    Indoqq lill-qattusa biex tisfen l-għarusa (A. de S.)  [Dak li jżiegħel b’xi ħadd                           jagħmel hekk biex jilħaq skopijiet ulterjuri].

DAR      Dak li trid lill-ġarek, isebbaħ bieb darek (A. de S.)  [B’mod ironiku, dan il-qawl                      qiegħed jgħid li d-deni li tixtieq lil għajrek faċli jiġi fuqek].

              Dar bla raġel niexfa bħal taġen (A. de S)

              Dar mingħajr mara ma fhiex x’tara (A. de S.)

             X’ħin tfittex id-dar aħseb għall-ġar (A. de S.)  [Tajjeb li qabel ma tidħol tgħix f’dar               ġdida tkun taf min jgħix qribha].

DENI          Agħmel il-ġid u insieh, iżda d-deni ftakar fih (A. de S.)

DQIQ         Min iżoqq lill-oħrajn, iżomm id-dqiq u jagħti n-nuħħala (A. de S.)  [Jgħin                                 lil ħaddieħor, biss l-ewwel ma jieħu ħsieb hu tiegħu nnifsu].

DUĦĦAN  Kull għuda / siġra għandha d-duħħan tagħha (A. de S.). [Dan il-qawl ifisser li                         kull bniedem għandu n-nuqqasijiet tiegħu].

DUWA      Duwa ma hux xuwa [ikel mixwi fil-forn] La medicina non è un                                                  arrosto (A. de S.)

E

EMIR     Li jien kont emir, u int emir, min isuq il-ħmir? (M.A.V.)

F

FAQAR    Il-faqar ma hux għar [mistħija]. (M.A.V.)

FART     Il-fart [barri] jirtabat minn qarnu, u r-raġel minn kelmtu. (M.A.V.)

FARTAS   Il-fartas tmisslux il-beritta / il-birjola (A. de S. u M.A.V.) [Ara li b’għemilek ma                       tikxifx l-għawwar ta’ ħaddieħor].

FRAR     Frar fawwar, itella’ il-fwar. (M.A.V.)  [Dan il-qawl ifisser li jekk fi Frar, it-temp                       jibda jaqleb, dan ifisser li wieħed għandu jistenna xahar b’jiem xemxin].

FROTT          Il-frott la jkun misjur, aqtgħu (A. de S.)

FURRAJNA  Titma’ l-furrajna [weraq tax-xgħir li jingħata lill-bhejjem bħala għalf]                                     lill-ħmar, u jagħtik biż-żewġ (A. de S.)  [Tagħmel il-ġid u jiswielek deni].

FWIED    Aħjar fwiedi milli uliedi. (A. de S.)  [Wieħed għandu jieħu ħsieb il-bżonnijiet                       tiegħu n-nifsu l-ewwel, anki qabel l-interessi ta’ uliedu].

Ġ

ĠAR        Min jitma [jittama] fil-ġar jorqod bla għaxja [ikla ta’ filgħaxija] (A. de S.)  [Min                       jistenna li l-ġar ser iħenn għalih jgħarralu].

ĠENN     L-imħabba oħt il-ġenn (A. de S.).  [Min jintilef fl-imħabba ma jibqax jirraġuna                      b’moħħu].

ĠMIED    Min jersaq ħada [ħdejn] l-iswed jiġġemmed (A. de S.)

ĠUĦ        Bniedem li jorqod bil-ġuħ, joħlom bil-ftajjar. (M.A.V.)

G

GIDEB            Jigdeb u ma jafx idewwi  –  dice cose per altra e non sà accommodarla (A. de                           de S.) [qawl li hu qrib ieħor: il-giddieb għomru qasir].

GVERNATUR  Dur fejn iddur dejjem bieb il-Gvernatur (A. de S.). [Qawl Għawdxi li                                        jirriferi għal fatt li fir-Rabat imkien mhu wisq ’il bogħod minn fejn joqgħod                           il-gvernatur, jiġ., mill-Kastell].

GĦAJN         Minn ras il-għajn ixrob, jekk trid taqta’ l-għatx (A. de S.)

GĦANI         Imut il-għani, u jmut il-fqir, u t-tnejn għal ġewwa l-bir [qabar] (A. de S.)

GĦARUSA   Tieħux għarusa sabiħa għax ikollok tħarisha   –  Tieħux għarusa                                                kera għaliex tistmerra (A. de S.)

GĦARWIEN  L-ebda ħalliel ma jneżża raġel għarwien. (M.A.V.)

GĦATBA       La toqgħodx fuq għatba u fuq senduq għax iqajmuk. (A. de S. u M.A.V.)

GĦAŻŻIEN  Xogħol tal-għażżien, għali wisq (A. de S.)

GĦOMM    Min jaħbi għommtu [inkwiet] jmut biha [qawl li għadek tisma’ minn jgħidu.                        (M.A.V.)

GĦONQ    Ibża’ minn min iżomm għonqu mgħawweġ (A. de S.)  [Qawl li qed jalludi li                            għandek tibża’ minn min jagħmilha tad-devot iżżejjed]. 

H

HEMM     Fil-hemm [inkwiet] jidhru l-ħbieb (A. de S.)

Ħ

ĦABBA    Min ma jibżax għall-ħabba, lanqas jibża għal skud (A. de S.) 

ĦADDIED   Mhux kull min ġemmed wiċċu, sar ħaddied (A. de S.)

ĦAFI      Min żara’ x-xewk ma jimxix ħafi (A. de S.)

ĦARBA    Aħjar ħarba milli karba. (M.A.V.)

ĦARIR    Il-ħarir u l-imsielaħ [xkupi] iħaxewxu (M.A.V.)  [Min hu minfuħ bih innifsu,                          għandu jiftkar li l-ħwejjeġ fini u l-ixkupi l-istess ħoss jagħmlu].

ĦATBA    Kull ħatba (Tal. tizzana) għandha duħħanha (A. de S.)

ĦAXIXA   Ħaxixa ħażina dejjem fuq l-oħrajn taqbeż (A. de S.)

ĦOBŻ      Il-ħobż tax-xgħir hu għasel fost il-fqir (A. de S. u M.A.V.).  [Fl-antik il-ħobż tax-                       xgħir kien magħdud bħala ħobż inferjuri u tal-foqra]. Ara: xgħir.

                Forn li ma jagħlaqx biebu ma jsajjarx ħobżu. (A. de S. u M.A.V.)

               Aħjar ħobża sewda fl-art milli bajda ta’ fuq il-baħar (A. de S.). [Ix-xogħol ta’ fuq                    il-baħar fih wisq sogru].

ĦORRA   Aħjar [mara] imqattgħa u ħorra [onesta], jew [milli] għanja u morra. Riferenza                   għal virtujiet li wieħed għandu jfittex f’mara.

I

IBEN       Lill-ibnek kif trabbieh, lill-żewġek kif iddarrieh (A. de S.)  

J

JAGĦTI  Jagħti bajda biex jieħu tiġieġa. (M.A.V.)  [Tingħad għal dak li japprofitta ruħu                        mis-sitwazzjoni].

K

KAVATI   Għawdxi żograti [oħxon], il-gremxul ħasbu kavati [speċi ta’ kannoli bl-                                  għasel] (A. de S.)  Riferenza antika għal Għawdxin li kienu magħduda bħala nies                  xħaħ.

KELB        Il-kelb qabel ma tinbxu, af sidu min hu (A. de S.)

KLIEM      Min jitkellem wisq jarra u jegħled [jiżbalja].

KTIEB      Alla jħarsek minn min jaqra fi ktieb wieħed.  [Bniedem ma għandu qatt ikun                       iġġudikat fuq l-opinjoni ta’ bniedem wieħed biss – bħal meta ngħidu, tismax                         biss qanpiena waħda].

L

LOGĦOB   Il-logħob u l-ħlieqa (ċajt) ġlied iġibu. (M.A.V.)

LSIEN        L-ilsien hu bla għadam iżda jikser u jxoqq il-għadam. (A. de S. u M.A.V.)

M

MARA       Qatt tafda lill-mara x’għandek f’qalbek (A. de S.)

MELĦ       Il-bniedem ma tafux qabel ma tiekol modd miegħu [modd u salma l-istess] melħ miegħu (A. de S.)

MIDRUB    Aħjar midrubin erba’ milli wieħed mejjet (A. de S.)

MINTUF    Il-far mintuf, mixgħuf. Il topo dipelato, disgustato (A, de S.)

MSELĦA   Mselħa ġdida tħaxwex wisq (A. de S.)  [Dan il-qawl ifakkarna f’ieħor bl-Ingliż:                      A new broom sweeps cleaner].

MUNXAR  Il-munxar [serrieq twil] għana, il-kawkma [mannara] ħala (A. de S.)  L-użu tal-                    munxar fl-issirrar hu ta’ preċiżjoni u ta’ mingħajr ħela, waqt li bl-użu tal-                                mannara issir ħafna ħela tal-injam].

N

NAGĦLA     Għal musmar tilef in-nagħla (M.A.V.)

NWAR      Iż-żgħar tikxef l-inwar (vergogne) (A. de S. u M.A.V.)

O

OMM   Jiena bin ommi, dak li żaqqi f’fommi (A. de S.)  [Jien daqs ommi ma nżommx dak               li għandi ngħid, moħbi].

P

PENIT        Aħjar niekol kisra u basla f’dari, au [milli] il-penit [ħelu magħmul mid-dqiq u                      u z-zokkor] f’dar oħrajn (A. de S.)

PLUVIERI   Min ibaħħar u jwaħħar jieħu l-pluvieri [tip ta’ għasfur] mingħajr ma jsaffar.                         Chi si leva di buon mattino e si pazienta prende i pluvieri (A. de S.)

Q

QALB          Ħedaq [dak] li jkun fil-qalb ikun fil-wiċċ (A. de S.)

QABLA       Il-qabla tgħajjat u l-wellieda / meluda siekta / imsabbra (A. de S.)  [Waqt li l-                          persuna li tinsab fl-inkwiet tibqa’ kalma, min qed jgħinha jagħmel ħafna                              għaġeb].

QATTUSA   Meta l-qattusa ma tilħaqx il-fwied, tgħid li jintenn. (A. de S.) [Qawl simili                                għall-espressjoni bl-Ingliż: sour grapes].

QMIS         Eqreb il-qmis mis-sidrija (A. de S.)  [Dawk tal-familja għandhom ikunu dejjem                      ittrattati aħjar mill-ħbieb].

QUDDIESA  Il-qassis temmnux ħlief fil-quddiesa (A. de S.)

R

RIĦ                Min jimxi bir-riħ isib ruħu f’nofs it-triq (A. de S.)

S

SABIĦ           Is-sabiħ maħbub ma jaf xejn, l-ikraħ mogħbud ma jaħti xejn (A. de S.)

SAN LUQA   F’San Luqa, iż-żara’ jistaħba fih għattuqa [tip ta’ għasfur] (A. de S.)  [iffisser                          li sal-festa ta’ San Luqa, jiġ., it-18 ta’ Ottubru il-żara tkun kibret  biżżejjed                              biex l-għattuqa tista’ tinħeba fiha].

SAN MATTEW  San Mattew, qtiegħ ir-rummien u ż-żriegħ (A. de S.)

SAN MIKIEL  F’San Mikiel, [id-29 ta’ Settembru], jibdew il-ħaddiema jixgħelu il-                                            gandlier. (A. de S.)  [Dan ifisser li sa dan iż-żmien, il-ġurnata tibda tiqsar                                sew,  u għalhekk jekk il-ħidma jinħtieġ li titkompla fit-tard, hemm                                            bżonn li jinxtegħel id-dawl].

SEJF           Is-slejjef [pl. ta’ silf] – jisiltu s-swejjef – [flok sjuf, pl. ta’ sejf]. [Dan il-qawl ifisser                      li bejn is-slejjef – ir-raġel tal-oħt il-mara miżżewġa, jinqala’ ta’ spiss l-inkwiet].

SEMNA      Semna [il-ħxuna] sabiħa f’debba, aħseb [u ara] f’xebba (A. de S.)

SERP         Meta l-ħaġa titwal, issir serp (A. de S.)  [Meta l-kwistjoni titwal kapaċi ġġib                             komplikazzjonijiet u anki deni].

SKIET        Li kien il-kliem ġawhar, aħjar is-skiet minnu (A. de S.)

SODDIEDA   Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha (A. de S.)

SORM           Hedaq [dak] li ma joħroġx mill-fomm, joħroġ mis-sorm (A. de S.)

SULTAN      Billejl iżra’ lilek, u binhar iżra lis-sultan (A. de S.)  [L-ewwel agħmel xogħolok                       imbagħad meta tlesti agħmel dak mitlub lilek minn ħaddieħor].

                   Asaħħ kelmet il-Malti minn kelmet is-sultan (M.A.V.)

T

TAGĦLIM    It-tagħlim fil-kbir, bħal qris fil-ħmir. (M.A.V.)

TAJRA         Magħksa dik it-tajra li titwieled f’ġebel ħazin [ambjent blati u għoli] (A. de S.)

TIFEL          Kif l-omm, hekkda [bħalha] t-tifel. Come padre, cosi figlio (A. de S.)

TNEJN        Ħaġa bejn tnejn, tlieta mnejn? (A. de S.)

V

VAVA          Minħabba l-vava [it-tifla] jpappu l-mamma u t-tata [il-missier]. (A. de S.)

X

XAHAR     Xahar ta’ bla ħlas iġib uġigħ ir-ras. (M.A.V.)

XEBGĦAN  Ix-xebgħan ma jagħdirx il-ġewħan [bniedem bil-ġuħ] (A. de S.)

Ż

ŻNIED    Min ma jafx idoqq iż-żnied ma jiswix għaż-żwieġ. Chi non sa battere il fucile, non                 è buono per il matrimonio (A. de S.).

ŻWIEĠ    Iż-żwieġ qabel ma jinkiteb fl-art ikun miktub erbgħin ġurnata qabel fis-sema                       (A. de S.).

Z

ZOPP   Min jimxi maz-zopp, izappap. (A. de S.)

 

http://www.kliemustorja.com

 

Ktieb li jittratta mijiet ta’ aneddotti mill-istorja ta’ Malta kif ukoll jagħti tifsiriet ta’ kliem antik u minsi. paġni 256, b’mijiet ta’ ritratti li jispjegaw is-suġġett ittrattat. Jinsab għand il-librara. Prezz. Euro 14.95

Categories:

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s