Il-FESTI ta’ SANTU KRUĊ

  Iż-żewġ festi ta’

 SANTU KRUĊ  

L-istorja dwar is-sejba tas-Salib Imqaddes

Il-festa ta’ Santu Kruċ, għalkemm illum mhix daqstant magħrufa fil-gżejjer Maltin daqs festi oħrajn, qabel, kienet waħda mill-avvenimenti reliġjużi l-aktar solenni ta’ matul is-sena. Sa żmien ilu kien hawn uffiċjalment żewġ festi fil-Knisja Kattolika li jonoraw is-Salib. Waħda minn dawn kienet iċċelebrata fit-3 ta’ Mejju biex tonora is-Sejba tas-Salib – it-tieni kienet iċċelebrata fl-14 ta’ Settembru u kienet tfakkar l-’Eżaltazzjoni tas-Salib’, jiġifieri, meta l-Imperatur Kostantinu, iben ta’ Sant’Elena bena fuq il-Golgota bażilika biex fiha jkunu meqjuma l-fdalijiet tas-Salib Imqaddes. Dan it-tieni avveniment kien ta’ importanza kbira daqs l-ewwel wieħed għax stabbilixxa tanġibbilment li s-salib hu simbolu spiritwali qawwi fit-twemmin Nisrani.

Is-sejba tas-Salib Imqaddes saret fl-326, wara li Santa Elena, omm Kostantinu, waqt li kienet qed tagħmel pelegrinaġġ f’Ġerusalemm ħajret lill-Isqof tal-belt, Makarju biex issir tfittxija għas-Salib ta’ Kristu. Matul it-tiftix kellu jitwaqqa’ t-tempju pagan ta’ Afrodite għax kien maħsub li taħt il-pedament ta’ dan it-tempju kien hemm il-qabar ta’ Kristu. Waqt l-iskavi nstabu tliet slaleb li skont l-istorja popolari, huma maħsuba li kienu dawk li fuqhom issallbu Kristu u ż-Żewġ Ħallelin, kif ukoll il-qabar ta’ Kristu.

Skont it-tradizzjoni, kien fl-14 ta’ Settembru tat-335 W.K. li l-bażilika li kien bena l-Imperatur Kostantinu ġiet ikkonsagrata. L-istorja tkompli, għax fis-sena 614 W.K., il-Persjani attakkaw Ġerusalemm u r-relikwarju li kien imżejjen b’ħafna ħaġar u miżmum f’din il-bażilika insteraq. Fl-626, l-Imperatur Erakliju ta’ Kostantinopli, wara ħafna taħbit, irnexxilu jingħata lura l-fdalijiet sagri mingħand il-Persjani. Erakliju l-ewwel ħa r-relikwi f’beltu iżda mbagħad irritornahom f’Ġerusalemm.   

Id-devozzjoni lejn is-Salib Imqaddes  

Jingħad li l-ewwel ma bdiet tkun iċċelebrata kienet il-kommemorazzjoni tal-Eżaltazzjoni, fl-14 ta’ Settembru, fil-Lvant tal-Ewropa, mill-Knisja Biżantina. Din id-devozzjoni għadha tinħass sal-lum billi numru kbir ta’ Griegi u nies oħra tal-Lvant tal-Ewropa jisimhom Konstantinos, KostasEleni, Lena, Elenitsa jew għandhom ismijiet simili relatati ma’ ż-żewġ persunaġġi involuti fis-sejba u l-qima tas-Salib Imqaddes. 

Fis-seklu sitta, il-Vatikan beda jiċċelebra t-tifkira tas-Sejba tas-Salib fit-3 ta’ Mejju. Fis-seklu sebgħa, imbagħad, il-Knisja Kattolika għamlet bħall-Knisja Ortodossa u bdiet tiċċelebra l-kommemorazzjoni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. Fl-1962, wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa tat-3 ta’ Mejju, tneħħiet biex ma jkunx hemm ripetizzjoni u tħalliet dik tal-14 ta’ Settembru.   

Il-purċissjonijiet ta’ Santu Kruċ f’Malta

F’Malta, qabel aktar mil-lum, it-tifkira kemm tas-Sejba tas-Salib Imqaddes kif ukoll dik tal-Eżaltazzjoni, kienu t-tnejn magħrufa b’mod ġenerali bħala Santu Kruċ*. Dawn iż-żewġ avvenimenti ċċelebrati f’xhur differenti tas-sena kienu manifestati fit-toroq b’purċissjonijiet kbar f’diversi bliet u rħula. Fihom kienu jipparteċipaw mijiet ta’ fratelli, l-aktar dawk li kienu membri fi fratellanzi tal-Kurċifiss. Il-festa li kienet issir f’Settembru kienet l-aktar li tispikka, tant li x-xahar ta’ Settembru kien magħruf mill-Maltin bħala x-Xahar tas-Salib, l-istess bħal ma Awissu kien magħruf bħala x-Xahar ta’ Santa Marija. Fost il-parroċċi fejn kienu jsiru ċelebrazzjonijiet u purċissjoni kbar mill-fratellanzi kien hemm dik ta’ Ħal Lija, tal-Isla, tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ir-Rabat Għawdex, Ta’ Ġieżu r-Rabat, Malta, minn fejn kienet toħroġ statwa, u Ħaż-Żebbuġ. F’dan ir-raħal, waqt il-purċissjoni għadu sal-lum jinġarr salib kbir. Fil-Birgu wkoll kien hemm il-Fratellanza tal-Kurċifiss (1718) li bniet l-oratorju tagħha fl-1724, għalkemm dan għall-ewwel kien iddedikat lid-Duluri (sors: George Agius, 2021). Dan l-Oratorju li ntlaqat mill-bombi tal-għadu fil-Gwerra kien reġa’ nbena u llum hemm merfugħa fih kwantità ta’ statwi li jinħarġu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

  

Bormla

Il-Konfraternità tal-Kurċifiss fil-Kolleġġjata arċipretali ta’ Bormla, kienet imwaqqfa fl-1649. Din kienet waħda minn tal-ewwel li bdiet tiċċelebra ż-żewġ okkażjoniet. Il-fratellanza ħarġet minn oħra eqdem li kienet magħrufa bħala La Società degli Agonizzanti, fratellanza li kienet involuta sew fuq dak kollu li kien ifakkar il-mewt ta’ Kristu. Din il-fratellanza kienet waħda mill-ikbar f’Malta għax kellha madwar 180 imsieħba. Il-popolarità u d-devozzjoni lejn il-Kurċifiss fost il-membri kompliet tikber meta fl-1673, l-Inkwiżitur Ranuccio Pallavicino rregala lill-konfraternità relikwarju li fih kellu fdalijiet tas-Salib Imqaddes u relikwi oħrajn. Dan ir-relikwarju u l-kontenut tiegħu kellu ċertifikat tal-awtentiċità. (C. Galea Scannura, Heritage Encyclopedia, Vol. III). Wara ċertu żmien din il-fratellanza ħolqot l-oratorju tagħha ddedikat lill-Kurċifiss bħala parti mill-istess knisja.

Ta’ Ġieżu l-Belt

Antikament, il-Franġiskani u l-Arċikonfraternità ta’ Ġieżu l-Belt kienu jagħmlu manifestazzjoni kbira bil-purċissjoni devozzjonali tagħhom f’ġieħ Santu Kruċ. Dan aktarx ukoll minħabba l-kurċifiss mirakoluż li hu meqjum f’dik il-knisja. Il-konfraternità, li kienet magħrufa bħala La Confraternità del S.S. Crocefisso twaqqfet fl-1646. Wara sentejn mit-twaqqif tagħha, il-konfraternità ħajret lil ċertu patri Innocenzo di Petralia Soprana, li kien  statwarju artistiku, u li dak iż-żmien kien qiegħed jgħix fl-istess kunvent, biex jaħdem kurċifiss għall-knisja. (Norbert Ellul Vincenti, Heritage Encylcopedia, Vol. II).

Fratellanza tas-Ssmu Kurċifiss, il-Belt. Ħajr tar-ritratt: Robert Cassar.

Minn hawn, qabel kienet toħroġ purċissjoni kemm f’Mejju kif ukoll f’Settembru. Biss, illum il-festa qed tkun iċċelebrata biss, il-Ħadd fuq fl-14 ta’ Settembru. Mal-purċissjoni tinġarr statwa li turi ‘salib radjanti’, imdawwar bil-figuri ta’ Sant’Elena, San Makarju, Isqof ta’ Ġerusalemm, u l-Imperatur Kostantinu għarkubbtejh. Din il-vara saret Lecce fil-bidu tas-seklu għoxrin, flok oħra iżgħar li kienet saret minn Xandru Farrugia u li għadha miżmuma mill-patrijiet Frangiskani Konventwali, ir-Rabat Għawdex. Sal-bidu tas-seklu 21, kienet toħroġ il-vara ta’ Santu Kruċ, il-Ġimgħa ta’ fuq it-Tlieta ta’ Mejju. Wara waqfa ta’ ftit snin, reġgħet bdiet toħrog il-Ħadd ta’ fuq l-14 ta’ Settembru, filgħodu. Hawn jidher li l-entużjażmu għal din il-purċissjoni reġà stabbilixxa ruħu sew għax sar ikun hemm konkorrenza kbira mid-devoti. Il-purċissjoni hi akkumpanjata wkoll mid-daqq tal-banda. Mal-vara joħroġ ir-relikwarju tal-Veru Linju taħt baldakkin aħmar li jinġarr mill-fratelli tal-Arcikonfraternità tas-Ssmu. Kurċifiss (informazzjoni mgħoddija minn Robert Cassar).

Statwa tas-salib radjanti Ta’ Ġieżu, l-Belt. Ħajr tar-ritratt: Robert Cassar.

Birkirkara

Minkejja li uffiċjalment, il-festa tat-3 ta’ Mejju kienet inqatgħet mill-kalendarju uffiċjali tal-Knisja, xorta waħda f’Birkirkara, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għadhom isiru bil-kbir, billi din il-festa tfakkar episodju importanti mill-ħajja ta’ Sant’Elena, il-qaddisa patruna, tant maħbuba mill-Karkariżi. Dakinhar, filgħaxija isir ħafna festeġġament fit-toroq li jkunu mżejna apposta, waqt li l-vara tkun imdawra mal-belt, akkumpanjata mid-daqq tal-baned. Isir anki l-logħob tan-nar. Issir quddiesa konċelebrata bil-paniġirku u l-għasar. Waqt il-purċissjoni mal-istatwa ta’ Santa Liena jinġarr ir-relikwarju li fih hemm merfuha biċċa mis-Salib Imqaddes – magħrufa bħala l-Veru Lignum. B’din il-festa, il-Karkariżi huma aktar minn kburin li l-istatwa tal-qaddisa patruna tagħhom toħroġ mill-Bażilika u tinġarr fit-toroq darbtejn fis-sena, jiġifieri, fit-3 ta’ Mejju u l-Ħadd fuq l-14 ta’ Awwissu. Kien hemm żmien li għal jum il-festa ta’ Mejju, it-tfal tal-iskola ta’ Birkirkara kienu jingħataw vaganza – dan fi żmien Paolo Borġ Olivier li kien Ministru tal-Edukazzjoni (1966-1971). Din l-użanza wara ftit inqatgħet. (Carmel G. Cauchi, 2011).

Statwa ta’ Santa Liena waqt il-purċissjoni ta’ Santu Kruċ f’Birkirkara. Ħajr tar-ritratt: Antoinette Debono

Festa kmandata 

Sa ftit żmien ilu, f’ċerti mkejjen ta’ Malta, l-aktar lejn il-Mellieħa, il-Mosta u Birkirkara, din il-festa kienet għadha meqjusa bħala festa kmandata u għalhekk kien hemm marbuta magħha obbligi u ċerti użanzi li fil-moħħ devot tal-abitanti ma kinux ta’ minn jiksirhom. Żgur li dakinhar tal-festa ma kienx permess li jsir l-ebda xogħol. Dan kien żmien meta fil-Ħdud u l-festi kmandati ma kienx isir xogħol manwali jew kwalunkwe tip ta’ kummerċ. Fid-djar faċendi xejn; lanqas mank ir-raġel ma seta’ jqaxxar il-leħja, jew il-mara tagħmel xagħarha, għax kienu jgħidu, ‘inkella x-xagħar idewwed’. Fl-antik kienu jgħidu: ‘F’Santu Kruċ lanqas biss għandu jinqatel bergħud!’ (Tarcisio Zarb, 1988 u Guido Lanfranco, 2017).

——

* Fid-dizzjunarju Il-Miklem Malti ta’ Erin Srracino Inglott il-festa hi msemmija bħala Santu Kruċ, waqt li Joseph Aquilina fid-Dizzjunarju Malti – Ingliż, jagħtiha bħala Santukruċ.

Martin Morana

3 ta’ Mejju 2023

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija

Agius George, ‘L-Oratorju tal-Kurċifiss fil-Birgu – 300 sena ta’ storja’. In-Nazzjon, 3 ta’ April, 2021.

Cauchi Carmel G.,  Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti. Merlin. 2011.

Ellul Vincenti Norbert, ‘The Miraculous Crucifix at Ta’ Ġieżu Church’,  Heritage, Vol. II.

Galea Scannura C.  ‘Confraternity of the Crucifix of Cospicua’,  Heritage, Vol. III.

Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. Pubblikazzjonijiet Indipendenza. 2004

Zarb Tarcisio, Folklore of an Island. Publishers Enterprises Ltd. 1998.

https://timesofmalta.com/articles/view/feast-of-the-holy-cross-santu-kruc.610812

Biex tara aktar dwar pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur … ikklikkja hawn:

Categories:

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s