Kliem Antik Malti
maqlub
mis-Semitiku għar-Romanz
Matul is-sekli, bosta kliem Malti li ġej mis-Semitiku beda jkollu pariġġu kliem li oriġina mir-Romanz li kien dieħel bil-mod il-mod minn Sqallija u l-Italja. Dan il-kliem barrani, li oriġina mil-Latin popolari beda jitħallat sew u sar parti integrali mill-ilsien Malti. Il-kelma, ‘ġurnata’ bdiet tintuża alternattivament mal-kelma ‘jum’; flok, ‘ilsien’ bdejna ngħidu ‘lingwa’, u ma’ ‘ħaqq’ żidna l-kelma ‘ġustizzja’. Fost il-kliem Romanz kien hemm dawk li qalbuha lil kliem ta’ oriġini Għarbija, bil-konsegwenza li ċertu kliem Semitiku twarrab u ntesa għal kollox. Hekk, illum ngħidu, skutella flok bieqja, ekżema flok baqla, u kuċċarun flok dixkiena. Dan il-proċess fit-taqlib mis-Semitiku għar-Romanz għadu għaddej, l-aktar għax inħossuna komdi nesprimu ruħna bi kliem ‘modern’ milli nużaw kliem antik(wat). Wara kollox, min qadt tidħollu f’rasu li biex jirringrazzja lil xi ħadd juża l-frażi, ‘niżik ħajr’ flok ma jgħid, ‘grazzi’?
F’dan l-artiklu qiegħed nittratta dak il-kliem Semitiku li llum intesa għal kollox – jew kważi għalkollox. Qallibt bosta dizzjunarji u anki xogħlijiet letterarji qodma ta’ bosta awturi biex għażilt daqs mija u għoxrin kelma mill-Malti antik li llum rari għadu jintuża, jew jekk jintuża għandu konnotazzjoni differenti minn dik ta’ qabel. Ma’ kull kelma Semitika qegħidt ħdejha l-kelma ta’ oriġini Romanza. Fejn stajt, ikkwotajt mhux biss is-sors fejn skoprejt dan il-kliem, iżda anki d-data ta’ meta nkitbet jew ġiet ippubblikata. Kien hemm fejn ikkwotajt ukoll is-sentenza relatata kif kitibha l-awtur biex b’hekk il-qarrej ikun jista’ jifhem aħjar il-kuntest ta’ kif kienet tintuża l-kelma. Biss, kultant, wieħed irid joqgħod attent, għal dak li kitbu l-awturi fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Jidher li bosta awturi bħal ma huma Temi Zammit, Patri Wistin Born, Joseph Aquilina u Ġużè Chetcuti fil-kitbiet tagħhom inkludew kemm felħu kliem Malti-Semitiku li fi żmienhom qajla kien jingħad. Dan għamluh biex jesponu l-kliem antik li fi li kważi intilef mal-qarrejja tal-Malti. Hekk naraw li fil-kitba ta’ Patri W. Born, Is-Salib tal-Fidda (1939), l-awtur juża ripetutament il-kelma ‘maqgħad’ flok ‘siġġu’, mhux għax maqgħad kienet għadha tintuża wisq min-nies. Il-kelma siġġu kienet daħlet sew u maqgħad kienet kelma li kienet tintuża biss f’ambjenti rurali jew f’Għawdex.
Martin Morana
Ħajr tal-kontribuzzjoni tagħha f’din l-introduzzjoni lil Rita Saliba.
20 April 2023
——
BIEQJA / SKUTELLA Tal-aħħar ġejja mit-Taljan, scodella. Nome generico di recipienti concavi e senza manici.
ĊOQQA (Din il-kelma Semitika ġejja minn xoqqa). Bir-Romanz TONKA Mit-Tal. tonaca / tunica. Il-libsa ta’ bosta ordnijiet reliġjużi.
DAR TAL-BARRANIN / LUKANDA Agius de Soldanis (A. de S.) jgħidilha, dar tal-kera, u bit-Tal. ostellaggio, albergo, jew locanda. Sors: DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghauci – xogħol maħdum bejn wieħed u ieħor lejn nofs is-seklu tmintax. (Hawn se nibda nirriferi għalih bħala A. de S., Damma).
DEWLGĦA / KUSTILJA Waħda mill-għadmiet li jagħmlu parti mill-qafas tas-sider. Qata’ laħam mill-ġenb tal-annimal li tkun għal bejgħ. Sors: Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831).
DIKXIENA / KUĊĊARUN Qawl: Id-dikxiena biss taf x’hemm fil-borma. Sors: A. de S., Damma.
DQIQA / MINUTA Manwel Dimech jagħtiha DKIKA, biss, hu uża l-ortografija antika fejn il-q kienet għadha tinkiteb k. (1901). Etim. Għ. dakika. Fid-dinja Għarbija l-kelma dakika għadha tintuża għall-istess tifsira.
FELQA / ĊIPP (Sqal. cippu, Tal. ceppo, fallakka tal-injam). Apparat li fiħ il-ħabsi jinqaflulu r-riġlejn. M.A.V. Aforismi, (1828) jagħti dan l-eżempju, ‘issa siequ fil-felqa’ jgħidlu jaħrab’. Illum il-kelma ċipp tirriferi għal ċella tal-ħabs. Sa ftit ilu kont tisma’ l-frażi, ‘tefgħuh jumejn fiċ-ċipp’, jew simili.

FIĠEL / RAFANELL / RAVANELL. Is. xj. Rafanus rafanistrum. Ing. radish. Sors: Il-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott (se nkun nirriferi għalih bħala, E.S.I.). Sors ieħor hu d-Dizjunarju Malti -Ingliż, ta’ Joseph Aquilina, li ser nirreferi għalih bħala J.A.)

FLUS QABD (Jiġifieri, flus tal-qabda, flus li wieħed iżomm fil-but kemm ikollu biex jixtri oġġetti ta’ kujum. Sors: Lexicon, Mikiel Anton Vassalli, (M. A. V. 1796). L-istess dizzjunarju jagħti wkoll, FLUS JAĦARQU, jiġifieri, FLUS KONTANTI.
FOMM IL-LIPP / NASPLI Sors: Dizzjunarju Malti – Ingliż, Vincenzo Busuttil (1900), li jaqlibha għall-Ingliż bħala, common medlar.
ĠDIEM / LEBBRA Il-marda tal-ġdiem. It-tnejn ifissru l-istess ħaġa. Biss, il-kelma Semitika aktar saret tintuża b’mod figurattiv, bħal meta ngħidu, ‘dak il-bniedem għandu ħmieġ imġiddem fuqu, meta nirreferu għal xi ħadd maħmuġ u hu traskurat fl-iġene personali tiegħu.
ĠEBBIEDA / RAZZA Rif. għar-razza jew il-familja bil-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha. Fir-rakkont ħafif, ‘Mhux Kull Ma Jleqq Hu Deheb’, Temi Zammit juża l-appellativ Semitiku b’dan il-mod: ‘[…] Nikol kien twieled is-Siġġiewi mill-ġebbieda ta’ Perċjus, iżda meta żżewweġ laqmu nbidel u sar Ta’ Qinċla […]’ Sors: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra. Ed. A. Cremona. (1963).
ĠIDD Sors: Lexicon, M.A.V. (1796) / NANNU Tista’ wkoll tfisser, ir-razza, bħal ĠEBBIEDA. Kienu jgħidu, ‘nafuh minn ġidd il-ġidd’, jiġ., il-persuna magħrufa mill-familja li ilha ġejja minn ġenerazzjoni għall-oħra. Espr. oħra hi, ‘mard tal-ġidd’ – jiġ., mard li jintiret fir-razza. Intant, fl-Għarbi mitkellem, ġidd(un) tfisser, nannu.
GŻIRA MLISSNA / PENISOLA (Sors: Lexicon, M.A.V., 1796).
GĦADA / UŻANZA / TRADIZZJONI Kienu jgħidu, ‘Mar mal-għada’, jiġ., ġab ruħu bħas-soltu jew bħal kulħadd. Din il-kelma nsibuha fil-ktieb, Ħaż-Żabbar Bil-Ġrajja Tiegħu, (1926), fejn l-awtur, E.B. Vella jagħti informazzjoni dwar il-pelegrinaġġ ta’ ‘Ħadd in-Nies’, avveniment li għadu jsir sal-lum. Vella jgħid hekk: ‘[…] Din il-għada qadima hekk għażiża li n-nies jiġu jiżżu ħajr lill-Madonna tal-Grazzja […]’. Qawl: Il-mara tingħaraf min għaditha. Qawl ieħor jgħid: Il-għada li titwieled biha il-kefen biss ineħħieha. (Sors: E.S.I).
GĦAKREB / GĦAQREB / SKORPJUN Is. xj. Euscorpius carpathicus. Fil-Mediterran jeżistu diversi speċi ta’ għekiereb, waqt li f’Malta tinsab speċi waħda biss, magħrufa wkoll bħala MQASS.
GĦAMM / ZIJU Bil-Malti antik dan kien l-appellattiv għaz-ziju (ħu l-missier). F. Vella (1843) jaqilbu għat-Tal. zio paterno. L-appel. għadu jintuża sal-lum fid-dinja Għarbija. ZIJA bl-Għarbi hi għamma(tun). BIN GĦAMMI kien appellattiv għall-kuġin – it-tifel ta’ ħu l-missier.
GĦAREB / ĊAVI Il-blata (kantun żgħir) li titqiegħed preċiżament fin-nofs tal-arkata biex fuqha jistrieħu l-knatan qribha, kemm ta’ fuq kif ukoll tal-madwar biex l-istruttura sħiħa żżomm sod. Ċavi ġejja mit-Tal. chiave, għaliex din il-ġebla żżomm l-binja tal-madwar marbuta fuqha.

GĦARMA / GĦORMA / MUNZELL (pl. għaram / għorom). 1. Gozz ta’ uċuħ tar-raba’, bħal-qamħ, ġwież, jew pjanti oħra meta wara li jinħasad jinġabar flimkien; munzell ta’ ħamrija jew ramel kif ukoll ġabra ta’ kwalunkwe oġġett ieħor. Temi Zammit juża din il-kelma fl-istorja qsajra tiegħu ‘Il-Ħalliel Misruq’, ‘[…] ħaġa tal-għaġeb, għorma bebbux kull ma sabet […]’, Il-Malti, Ġunju, 1929. GĦARREM v. ħażen jew ġabar. F. Vella (1843).
GĦASAR / VESPRI Talb li jingħad tard waranofsinhar, daqs siegħa u nofs qabel inżul ix-xemx li jingħad mill-qassisin, kultant anki bil-kant fil-kor, wara l-altar. Oriġ., bl-Għarbi l-kelma tfisser waranofsinhar. Fid-dinja Għarbija u fit-twemmin Musulman, l-għasar hu dak it-talb li jingħad tard waranofsinhar mas-sinjal li jagħti l-widdien minn fuq il-minaret.
GĦASIDA / MINESTRA / SOPPA Tip ta’ soppa jew minestra, magħquda. Taħlita ta’ qamħirrum jew nuħħala u ilma, li tingħata bħala għalf mgħolli lit-tiġieġ. Soppa magħmula mill-granza. Fig., meta ngħidu, ‘għamel għasida’, inkunu qed infissru li dak li jkun għamel taħwida kbira f’xogħolu; fattarha. E.S.I.
GĦELK / RASA / RAŻA / RESINA Resina tas-siġar. Kolla likwida li toħroġ mis-siġar u li ddellek u twaħħal. Sors: E.S.I.
GĦEXUR / DIEĊMI Wieħed minn kull għaxra tal-uċuħ tar-raba’ jew flus dovut bħala taxxa. Din il-kelma insibuha fil-Vanġelu ta’ San Luqa, fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan (18-12): ‘[…] Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal […]’. Etim. Tal. diecimo, bil-Malti, wieħed minn kull għaxra.
GĦORS / FESTA / XALAR Tbahrid, ferħ, xalar. Ngħidu, ‘it-tfal għamlu għors sħiħ’ jew ‘dawk it-tfal jilgħabu, fihom għors’; jew, ‘l-għors tiegħu kien li jara lil kulħadd jixxala’. F. Vella (1843) jaqleb il-kelma għall-Ing. wedding, għaliex din il-kelma tirreferi wkoll għall-festin u l-ferħ li jsir waqt ir-riċeviment tat-tieġ. Oriġ. bl-Għ. għors tfisser ikla tat-tieġ.
GĦID IL-ĦAMSIN / PENTEKOSTE Avveniment li jfaakkar l-inħul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir, għalhekk, Jum il-Ħamsin. Il-kelma Pentekoste li aħna ħadna mit-Tal., ġejja mill-Grieg u tfisser ukoll ħamsin jum.

ĦAMALLU (mill-verb ħamel – refa’ t-toqol) (l-istess tifsir fl-Għarbi.) / PASTAŻ (Sqal. vastasu – facchino, uomo rozzo). Iż-żewġ kelmiet ifissru l-istess ħaġa: raġel li xogħolu hu li jġorr oġġetti ta’ kull tip minn post għall-ieħor. Illum, kemm ħamallu u pastaż jirriferu għall-bniedem baxx u vulgari. Anki bil-Grieg il-kelma hamalis tapplika wkoll kemm għal wieħed li jġorr il-bagolli kif ukoll għal persuna ta’ karattru baxx. Kliem ieħor simili li kien jintuża hu, ĠARRIER u FAKKIN. Qawl: Min iġorr qofftu mhux pastaż.
ĦANNIEQA / KULLANA Kull oġġett li wieħed idendel jew idawwar ma’ għonqu bħala ornament personali. Kullana, kullar, jew katina tal-barbazzal. Biss, ħannieqa kienet tfisser ukoll kull tip ta’ marbat tal-għonq tal-bhima. Din aktar tissejjaħ MAĦANQA.
ĦANUT TAL-FAKKINI / TAVERNA F’din il-frażi l-ewwel kelma ġejja mis-Semitiku u t-tieni mir-Romanz. A. de S. jispjega din il-frażi bit-Tal. bħala, taverna, osteria. Sors: Damma.
ĦARB / ĦERBA / GWERRA Bil-Malti ħerba llum tfisser taqlib u taħwid ikkawżati minn xi ħadd li jridifarrak il-bonordni ta’ post. Fl-Għarbi ħarb tfisser ukoll gwerra. (Sors: E.S.I.)
ĦASIRA / TAPIT B’dan in-nom normalment nirreferu għal dik il-purtiera magħmula mill-qasab – illum anki maħduma b’materjal ieħor – li tintuża biex tipproteġi l-bieb ta’ barra mix-xemx. Biss, qabel, il-ħasira kienet tfisser sempliċiment tapit li jitqiegħed fl-art. Fil-kitba ta’ Patri Manwel Magri, insibu hekk: ‘[.…] u jagħmlu ħasira fil-bieb ta’ barra, biex kull min jidħol u joħroġ jimsaħ riġlejh fiha […]’. Sors: Patri Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġ. Mifsud Chircop, (1994).

ĦMIET / KUNJATA G.B. Falzon (1845), ma’ ħmiet jagħti wkoll il-kelma MDANNA ġejja mit-Tal. madonna. Fl-antik kienu jgħidu, ‘wiċċek qisu ħmieti,’ (x’aktarx b’mod ironiku) – jiġ., għandek wiċċ tad-dwejjaq daqs tal-kunjata tiegħi. Intant, bit-Tal., cognata tfisser ħaġa oħra, għax tirriferi għall-mara (miżżewġa). Għal kunjata bit-Tal., hemm il-kelma suocera.
KEWKBA TAX-XUXA / KEWKBA BID-DENB / RAXX TAD-DENB Isem ieħor għal KOMETA. Imsejħa hekk għax din tidher tkaxkar magħha denb imdawwal.
KIES / TAZZA Kikkra għax-xorb. KIES TAT-TQARBIN Kalċi li s-saċerdot juża waqt il-quddiesa.
KIFS / EKLISSI Kemm tax-xemx kif ukoll tal-qamar. Meta jgħattu ’l xulxin u jdallmu ngħidu, ‘dawn jiksfu’. Mill-Għarbi: كسوف. kisf .. l-ittri ‘s’ u ‘f’ inqalbu (metatesi). Meta l-qamar jikfes, jiġ., meta jgħatti x-xemx u jħalli biss iċ-ċirkonferenza tax-xemx tidħer. Temi Zammit (1864 – 1935), fl-artiklu tiegħu, ‘L-Eklissi’, jgħid hekk ‘[…] ‘x’ħin wasal il-waqt, ix-xemx bdiet tikfes, [bdiet tkun mgħottija mill-qamar]’. Sors: Ħrejjef, Stejjer, u Kitba Oħra, miġbura minn A. Cremona (1963).

KITF (pl. imtenni: KITFEJN) SPALLA / SPALLEJN. Il-ġwejnaħ tal-ispalla. A. de S. fid-Damma jgħid hekk, ‘Narmi wara l-keftejn’ (każ ieħor ta’ metatesi). KITTEF v. 1. v. Għolla spallejh bħallikieku ried juri li dak li ntqal mhux importanti. Hemm l-espressjoni, liebes imkittef, għal xi ħadd li jilbes ħwejjeġ marsusin u li jiġuh żgħar wisq.
LIBIEN / BĦUR / MINĠWIEN / INĊENS Il-libien hi raża tas-siġra li minnha jqattar għelk bajdani (luban = abjad ħalib) li jintuża biex minnu jinħaraq l-inċens. Din il-kelma tintuża b’mod metaforiku fil-kitba ta’ Dun Karm Psaila: ‘[…] l-ittra tiegħek għandha riħa ta’ libien […]’ Sors: ‘Ittra ta’ Tweġiba’, Ward ta’ Qari Malti (1936).
LIFTIJA / KABOĊĊA Sorsi: V. Busuttil, (1900) u E.S.I.
LOQMA / BUKKUN (Tal. boccone). Biċċa ħobż żgħira li tittiekel f’gidma waħda; ftit ikel kemm jimla l-ħalq. Għ. luqmat(un).
LSIEN il-BIEB (A. de S., Damma) / BATTENT Dik il-parti tal-bieba li tirkeb il-bieba l-oħra ta’ maġenbha, biex iż-żewġ partijiet jingħalqu u jissakkru ma’ xulxin.
MAĠBAR TAL-BARRANIN / LUKANDA A. de. S. jaqlibha bit-Tal. locanda.
MAQGĦAD / SIĠĠU (Sqal. siggiu, Tal. sedia). Fil-ħrafa ‘Tifel jeqred seba’ Ġganti,’ P. Manwel Magri (1851 – 1907) jirrakkonta hekk: ‘[…] Dak (it-tifel) ressaq għal fuq in-nar il-maqgħad u jabni l-ispirtu tan-nar ħadu (lill-ġgant) […]’.
MAĦANQA / KULLAR li jintrabat ma’ għonq il-bhima, kemm jekk gendus, kemm jekk mogħża. Maktur ta’ kul tip li wieħed idawwar ma’ għonqu biex jilqa’ kontra r-riħ, jew inkella jilbsu sempliċiment għaż-żina.
MAĦRA / LOKI Il-lok fejn wieħed jaħra. Mid-dehra kien hemm żmien li maħra kienet kelma li biha wieħed jinsulta lill-ieħor biha għaliex A. de S. jgħid hekk: voce di inguria e vale quanto in Italiano uom di nulla, coglione, minchione. Illum sirna ngħidu loki flok maħra għax tinstema aktar ‘pulita’. Intant loki ġejja mit-Tal. antik loco, bħal fil-frażi loco comodo. Loco tfisser ukoll sede.
MANQAX / SKALPELL Għodda li l-iskultur jonqox bih fl-injam jew fil-ġebel. (Lexicon, M.A.V. 1796).
MAQBAR / ĊIMITERJU A. de S. jikteb, zimtier. Sqal. cimiterlu. Post fejn hemm l-oqbra u għalhekk, post tad-dfin.
MAQTAR / LAMPIK Strument li jintuża bħala distillatur fil-produzzjoni ta’ likwidi, fosthom dawk derivati mill-pjanti u l-fjuri. Dan isir billi jitgħalla l-prodott biex il-fwar tiegħu jqattar bħala likwidu f’reċipjent apposta. Bis-sistema tal-lampik isiru ħafna fwejjaħ, prodotti tal-mediċina kif ukoll l-ilma żahar u spirti tax-xorb. Sqal. lambicu / Tal. lambicco / alambicco. Biss, dawn il-kliem oriġinarjament ukoll ġejjin mill-Għarbi, al ambiq.

MARĦAB / KUNVENT Post fejn jgħixu l-irħieb. Kunvent, kemm tal-patrijiet jew inkella tas-sorijiet. Kelma li niltaqgħu magħha fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, (1939), ‘[…] Fil-marħab ta’ dik il-knisja hemm Rożina, magħluqa hemm ġew għal għomorha […]’. Ara: RAĦEB.
MATFGĦA / KANUN Tal. cannone di guerra. Sors: Lexicon, M.A.V. (1796).
MATRA / MERK TAL-MIRA (Tal. merco) / BERSALL Post jew oġġett li wieħed jimmira fuqu meta jispara.
MDEJRA / FURKETTA Mdejra hi d-diminuttiv ta’ MIDRA. Ing. fork. Sors: M. Dimech (1901). Ma jagħtiha ħadd iżjed.
MERAQ (Lexicon, M.A.V. 1796) / BRODU Illum nużaw il-kelma meraq aktarx biex nirriferu għal kull tip ta’ meraq magħsur mill-frott. Biss, qabel, il-brodu kien jisssejjaħ meraq. Brodo hi l-verżjoni Romanza.
MIBWEL / AWRINAL Sqal. awrinali. Sors: E.S.I. Fil-Lexicon, M.A.V. (1796) jittraduċi din il-kelma bit-Tal. orinale, vaso o luogo da pisciare.
MIDFNA / ĊIMITERJU 1. Skont E.S.I., post, bħal xi għalqa fejn jindifnu l-annimali. 2. Miżbla. Skont G.B. Falzon (1845), midfna tfisser ukoll zuntier (mill-Isqalli zimtier) kelma oħra għal cimitero.
MIĠFNA / BASTIMENTI Ħafna iġfna. Kwantità ta’ bastimenti tal-istess flotta.
MIRKEB (Lexicon, M.A.V. 1796) / BASTIMENT Term. ġeneriku għal kull tip bastiment jew dgħajsa li ġorr il-passiġġieri jew tagħbija minn post għall-ieħor.
MISQJA / ĊISTERNA / FUNTANA Il-post fejn jinħażen l-ilma. Funtana jew għajn fejn il-bhejjem jitressqu minnn sidhom biex jisquhom l-ilma. Ħdejn it-tempju megalitiku tal-Imnajdra hemm diversi ħofor fil-blatt, magħrufa bħala Misqa Tanks li huma maħsuba li kienu jservu ta’ bjar għall-bżonnijiet tal-istess nies li bnew it-tempji.

MOQRAN / MUQRAN / KORNUT Kull tip ta’ annimal bil-qrun. Fig., tingħad b’mod dispreġġattiv għal xi ħadd li jagħmel ħsara lill-ieħor jew li jaqlibha lill-martu.
MOXT / PETTNE (Tal. pettine).
MSELĦA / XKUPA Tal. scopa. Illum nagħmlu differenza bejn iż-żewġ kelmiet, għaliex imsellħa tfisser xkupa ta’ għamla differenti għaliex kienet tkun magħmula mill-weraq tal-ġummar.
MTELLET / MUTLIPLIKATA BI TLIETA Tal. triplicato. (A. de S., Damma).
NDEWWA / UMDITÀ li titla’ mal-ħajt mill-art minn taħt l-art. Ma’ ħitan bħal dawn jikber l-għażiż u t-tursin il-bir minħabba l-indewwa. Sors: E.S.I.
NEDDEJ / BANDITUR Uffiċjal li jniedi l-proklami fil-pubbliku. Sors: F. Vella, (1843). Tal. banditore, Ing. publisher.
NIR / BLU Meta kienu jużaw il-bluna (kuba tal-ħasil li jużawha biex tgħin tagħmel il-ħwejjeġ aktar bojod) kienu jgħidu, ‘jien nuża n-nir ta’ Reckitt’ (l-isem tal-prodott fis-suq). Sors V. Busuttil, (1900).

QABBIŻ/A / AKROBATA/U A. de S., fid-Damma jfisser din il-kelma Semitika bħala, saltatore, saltatrice, ballarina. Jgħid ukoll li t-tifsira għandha konnotazzjoni derogatorja: Donna senza onore, fornicatrice.
QABIL / SPEĊI L-ispeċi partikolari tal-annimal jew tal-bniedem. Eż. QABIL IS-SUF Rif. għal kull tip ta’ annimal ovin, jiġ., nagħaġ jew mogħoż; QABIL IX-XAGĦAR – rif. għal dawk l-annimali li għandhom ix-xagħar (kriniera), pereż., iż-żwiemel jew il-bgħula u l-ħmir. Il-kelma qabil tapplika għall-bnedmin ukoll, fis-sens ta’ tribù. Ngħidu, il-Lhud kellhom tnax-il qabil, jiġifieri tnax il-tribù jew razza. E.S.I.
QABRU (pl. qwabar) / GRANĊ (Tal. granchio). Oriġ. dan in-nom kien japplika għal kull speċi ta’ granċ. Illum il-qabru hi nomenklatura li tirriferi għall-granċ partikulari li jgħix fl-ilma ħelu u li sar rari ferm. Is. xj. Potamon fiuvatile lanfrancio. XATT IL-QWABAR L-isem kif inhu magħruf ix-xatt fid-daħla ta’ ġewwa nett tal-Marsa.

QADIB / XETTRU (Tal. scettro) / VIRGA Fergħa ta’ zokk. fil-ħrafa, ‘Il-Ktieb l-Aħmar’, P. Manwel Magri (1851 – 1907) jgħid hekk: ‘[…] ‘X’tixtieq?’ … (u l-ieħor jirrispondi): ’Libsa minn ta’ sinjur, minn fuq s’isfel, u qadib twil b’rasu tad-deheb’ […]’.
QADUMA / MANNARA Qawl: Il-monxar (is-serrieq) għani u l-qaduma ħali – jiġ., bis-serrieq isir xogħol tajjeb u bir-reqqa, waqt li t-tqattiegħ bil-mannara hu xogħol ta’ inqas preċiżjoni. (Sors: A. de S., Damma). Ara: RIXA.
QAJD TAL-IDEJN / MANETTI Ħadid li bihom jintrabtu l-idejn u r-riġlejn ta’ min ikun arrestat. Sors: Lexicon, M.A.V. (1796) jaqlibha bit-Tal., manetti.
QALLIEGĦ IS-SNIEN / DENTIST Bħal din il-frażi hemm ukoll, qalliegħ il-ġlied, jiġ., dak li jaqla’ l-inkwiet. Sors: E.S.I. u Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna. Ġ. Mifsud Chircop, (1994).
QASBA TAL-KTIBA / PINNA TAL-KITBA (A. de S., Damma).
QASBA TAS-SNIEN / STUZZIKADENTI Sors: V. Busuttil (1900), jaqlibha għall-Ing. toothpick.
QERQNI / NANU Aġġ. għal xi ħadd li ma kibirx fit-tul kif suppost kellu jikber. B. Falzon (1845). TEWM QERQNI Tewm li ma jikbirx aktar minn 4 ċm mill-art. A. de S. jagħtiha bħala KERKNI, biss dan minħabba li l-q mhix parti mill-ortografija li juża hu. Etim. inċerta.
QOFOL / SERRATURA Nom mill-verb qafel. Kull tip ta’ għodda li taqfel biha. Qawl: Muftieħ tad-deheb jaqbel ma’ kull qofol. QOFOL TAL-ĦNEJJA L-istess bħal GĦAREB / ĊAVI. Tintuża b’mod figurattiv meta ngħidu, ‘il-qofol tal-argument’. Sors: E.S.I. u A. de S.

QOLLIEBA / SKORĊA (Tal. scorcia). 1. Qoxra li titrabba biż-żmien fuq wiċċ il-ġebel tal-ħitan. 2. Qoxra niexfa li tikber fuq il-ġerħa li tkun nixfet u għalqet.
QORBAN / SAGRIFIĊĊJU Offerta lill-Alla. Il-qtil tal-vittma bħala sagrifiċċju lill-allat. Sors: Lexicon, M.A.V. (1796) sagrificio.
QORQ / KARKUR / SANDLI Ngħidu, ‘islifni wiċċek ħa nagħmel qorq!’ meta nirriferu għal xi ħadd li jkun wiċċu tost. Kien hemm ukoll il-frażi, ‘Fejn ħalla l-karkura’ x-xitan, riferenza.. għal xi post ’il bogħod, imwarrab u mhux magħruf.
RAĠEL TAL-INDJA / NANU (A. de S., Damma) ‘[…] omiuociollo, nano […]’. Ara: QERQNI.
RIEQI / EŻORĊISTA Bniedem li jfejjaq lil dawk morda mis-suffejra b’mod mirakoluż. Ritwal li kien magħruf f’Malta għax kien hawn min imur għand xi patri Ortodoss biex jagħmel idu fuq ras il-persuna biex jeżorċizzah. Sors: E.S.I. Ara: REQI / RIQI. Sors: Lexicon, M.A.V. (1796).
RIXA / MANNARA V. Busuttil (1900), jittraduċiha bl-Ing. bħala, an axe, a hatchet. E.S.I. jispjegaha wkoll bħala mannara, biss, b’żewġt ixfar, jew mannara tal-bojja, u anki giljottina. F’waħda mill-ħrejjef li Patri Manwel Magri (1851 – 1907), ġabar madwar l-aħħar tas-seklu dsatax, hemm rakkont fejn jgħid li baħri qata’ jdejn il-ġganta b’rixa. Sors: Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ. Mifsud Chircop (1994).
RUĦ IL-QODOS / L-ISPIRTU S-SANTU.
RAGĦADA TAL-ART / TERREMOT A. de S. (Damma) jaqleb din il-frażi għat-Tal. bħala terremoto di terra. Ara: ŻINŻILA.
RAJJES / KAP Appellattiv li nassoċjaw storikament ma’ kap tal-armata Torka. Madankollu, dan in-nom baqa’ jingħad anki fi żminijiet aktar riċenti għax fil-kitbiet ta’ Dun Xand Cortis (1856 – 1916), niltaqgħu ma’ din il-kelma darbtejn. Darba minnhom, fir-rakkont, ‘Ħames Xhur fil-Greċja’ (1906) meta Dun Xand jgħid hekk: ‘[…] qalilna r-rajjes ta’ l-istazzjon’ (tal-ferrovija) […]’. Insibu wkoll test ieħor fejn Dun Xand jiddeskrivi lil ċertu Dun Ġorġ Bugeja bħala: ‘[…] ir-rajjes tad-Dar ta’ San Ġużepp […]’. Sors: il-Praspar Miktuba Minn Dun Xand Cortis, Gorġ Mifsud, (1991).
SABB TAD-DEMM / DISENTERIJA / FROXX ID-DEMM Infezzjoni fl-imsaren minn virus, jew batterju li jikkawża emorraġija li joħroġ mal-ippurgar. Fl-Atti tal-Appostli, kap. 28, naqraw li San Pawl kien fejjaq lil missier Publius, il-gvernatur Ruman ta’ Malta, mis-sabb id-demm. Sorsi: J.A., E.S.I., u Kalepin (1941). M.A.V. (1796) jgħid, SABA flusso di sangue.
SAWT / NERV jew bastun, eċċ. li l-bidwi jew ir-rikkieb juża biex iġiegħel il-bhima timxi jew tkompli fuq xogħolha. Is-sawt kien ukoll magħruf bħala SAWT IL-FARD jew għerq il-barri.
SAJJIED Il-GĦASAFAR Dan hu t-titlu ta’ waħda mill-ħrejjef li Patri Manwel Magri (1851 – 1907) ġabar minn fomm in-nies. Fil-ħrafa naqraw kif il-ġgant stagħġeb b’dak li kien kapaċi jagħmel ir-raġel, ‘[…] is-sajjied qabeż u qal, ‘dan ma hu xejn’ […]’. Illum, flok sajjied l-għasafar nużaw il-kelma KAĊĊATUR.
SEBT / BASTUN / VIRGA Qasba rqiqa u twila. SEBT IR-RAGĦAJ Qasba jew bastun li bih ir-ragħaj imexxi u jidderieġi l-merħla.
SARSUR / ŻERŻUR / ĊIKADA Is. xj. Cicada orni. Fis-sħana tas-sajf, matul il-jum is-sarsur jimla kullimkien biż-żarżir tiegħu. L-isem Semitiku jidher li hu onomatopejku. L-istess insett jissejjaħ ukoll, werżieq ta’ binhar, werżieq il-lejl jew grillu.
SEMM / VELENU / TOSKU Il-kelma Semitika tintuża fil-qawl: Id-demm qatt ma jsir semm – jiġ., minkejja l-ġlied il-qraba xorta jibqgħu jinġiebu għax huma mill-istess ‘demm’ jew razza.
SENSIELA / KATINA (F. Vella, 1831). Illum b’sensiela nifhmu xogħol li jsir b’kontinwità u b’sens ta’ regolarità, bħal meta ngħidu, sensiela ta’ programmi. Mill-Għ. silsila(tun) li tfisser katina – sensiela ta’ ħoloq.
SIDRIJA TAL-ĦADID / KURAZZA Armatura antika, korazza tal-gwerriera, bħal dik li kienu jilbsu l-kavallieri.
SIES/IN / PEDAMENT Riferenza wkoll għall-forma tal-blat ta’ preċipizzju li jinżel dritt dritt għal ġol-baħar. Ħafna mill-kosta Maltija tan-naħa tan-Nofsinhar hi magħmula minn sisien wieqfa.
SODDIEDA / TAPP Oġġett li jsodd kull tip ta’ toqba, tapp tal-flixkun. Qawl: Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha. Sors: Il-Qawl Iqul. (1989).
SOMBOR / SONBOR / LAVANDA / SPIKA / SPIGA (Tal. spiga) Idj. ‘Dak hu sombor għalija’. – tingħad għal xi ħaġa li tkun apprezzata ħafna għall-kwalità fina tagħha. Sors: E.S.I. G.B. Falzon. (1845) u V. Busuttil (1900) jagħtu t-tifsira bl-Ing., excellent, very good.

SUSAN / ĠILJU Xitla u fjura Is. xj. Lilium candidum. Ing. lily.
TABIB TAD-DBEJJEB / VETERINARJU Bis-Semitiku l-espressjoni tagħtik x’tifhem li qabel kien hemm min ifejjaq id-dbejjeb (plural ta’ debba) mill-mard eċċ. Sors: A. de S., Damma.
TAWES / PAGUN
TBIGĦ / STAMPAR Il-proċess li bih isir ix-xogħol tal-ipprintjar tal-kotba, ġurnali u affarijiet oħra.
TEBBIEĦ / KOK
TEBBIEĦA / KUĊINIERA
TEWBA / PENITENZA Eż. tewba tal-qrar. Għ. dhawba.
TINSILA mill-verb tnissel / TOŻA (Tal. tosa jew dosa). Biċċa għaġina mħallta bil-ħmira li tintuża biex l-għaġina hi u tinħadem togħla kif mixtieq. Din it-tinsila tinqata’ u tintrefa’ mill-ħabbież / furnar biex titħallat mal-għaġina l-ġdida l-għada jew meta jkun hemm bżonn. Mill-verb nissel.
WADAB / WADAF / ŻBANDOLA Hawn min b’wadab jifhem dak l-oġġett magħmul minn zokk forma ta’ Y li t-tfal kienu jużaw biex jisparaw bih biex jolqtu xi għasfur jew xaħmet eċċ. L-iżbandola hi dak l-oġġett li fiha kienet titqiegħed ċagħka jew żrara biex titgara lejn il-bersall.


WETT (Varjant ta’ WOTT) / MUNTUN Ir-raġel tan-nagħġa. G.B. Falzon, (1845).
WETQA / FORTIZZA Mill-Malti, A. de S. jittraduċiha għat-Tal. bħala fortezza). E.S.I. ifisser din il-kelma bħala argument li jikkonvinċi, jew forza miżjuda.
WIRK / KOXXA Tintuża l-aktar b’rif. għal-parti tal-koxxa ta’ annimal, bħal fenek jew tiġieġa. Fil-kummiedja, ‘Il-Konġura ta’ l-Erba’ Ħotbin’ (1864), naqraw hekk: ‘[…] Gaspru jitgħawweġ bl-uġigħ jgħid, ‘ajma l-mejda ta’ wrieki. […]’. Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, It-Tieni volum (1997). WIRKEJN IL-BIEB Il-ġnub tad-daħla tad-dar. (F. Vella, 1831).
WITED / WITET Bħal GRAMPUN (Sqal. grampuni Tal. rampone) oħxon tal-injam li miegħu jiddendlu l-ħwejjeġ jew oġġetti oħra bħal, ngħidu aħna, xi umbrella, eċċ. Musmar oħxon tal-injam li bih wieħed jorbot injama ma’ oħra. Ing. treenail jew trenon.
XAQFA / AWRINAR Vaż ta-xaqquf. Temi Zammit (1864 – 1935), fir-rakkont, Nies Bla Sabar, jgħid hekk: ‘[…] Il-bejjiegħ beda jgħajjat b’leħen ta’ xaqfa … Ara x’kull brinġiela għandi! [...]’ Sorsi: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra. Ed. Toni Cortis (1987).

XATAR / DIFETT Difett fl-oġġett meta dan ma jkunx magħmul b’simetrija, jew inkella jsir b’nuqqas ta’ preċiżjoni. Din il-kelma tintuża l-aktar fl-espr. ‘ipprova jgħatti xturu’. Fl-istorja Susanna (1883), Ġużè Muscat Azzopardi, jikteb hekk: ‘[…] Il-kbarat raw kif isewwu xturhom mill-aħjar li jistgħu […].’ A. de S. fid-Damma, jispjega l-kelma b’dan il-mod: cose non diritte, non adatte; mingħajr xtur: linealment […]’.
XBIN / PARRINU Etim. Għ. xabin. Illum din il-kelma saret aktar tintuża meta dak li jkun jindirizza lill-sieħbu b’mod intimu, eż., ngħidu, ‘hawn xbin x’minna?’ XBINT / PARRINA. Skont F. Vella (1843), din hi l-ħabiba intima li tkun f’relazzjoni sigrieta ma’ xi ħadd.
XEDDA / KONSTIPAZZJONI Ebusija. Ngħidu, ‘qed ibagħti bix-xedda’, meta dak li jkun ma jkunx jista’ jipporga. G.D. Falzon, (1845) stitichezza, hardness.
XEJXI / ĠUGARELLI 1. Oġġetti li jilagħbu bihom it-tfal iż-żgħar. Kull oġġett tal-logħob li jieħdu gost bih it-tfal. 2. Affarijiet żgħar li jżejnu l-ambjent tad-dar. Oriġ. Għ. xahaxa li tfisser affarijiet żgħar tat-tfal. Sors: E.S.I.
XELLEJ / SPJUN Xi ħadd li jixli lil dak li jkun ma’ ħaddieħor dwar xi ħaġa li jkun għamel jew qal. Ġejja mill-verb xela.
XENDI / NANU Sors: V. Busuttil, (1900). Skont E.S.I., xendi hu aġġ. ieħor, bħal qerqni, nani, qsajjar u boċni.
XIRKA (Għ. xaraka) / SOĊJETÀ Għaqda bejn tnejn min-nies jew aktar li jissieħbu biex jaħdmu fuq xogħol jew fuq xi intrapriżi bħala sħab. XRIK Bniedem li jaħdem bi sħab ma’ ħaddieħor. Temi Zammit kiteb storja qsajra jisimha, ‘Żewġt Ixirka u Ħbieb’, li fiha waħda mill-ewwel sentenzi tgħid hekk: ‘[…] Katald tal-Għemmieri u Pawlu ta’ Lexlex kienu xirka f’merħla mogħoż minn żmien twil […]’. Fi storja oħra miktuba mill-istess awtur, il-kelma xrik tieħu tifsira ta’ lavrant ‘[…] Xogħol Nikol kien ħafif, xrik ta’ wieħed ħuttab tal-bhejjem […]’.
XITLA / PJANTA Kull tip ta’ pjanta, kemm tal-frott sew tal-ħaxix, l-aktar dak li jkun għadu kemm beda jikber. Sors: E.S.I.
XRIĦA / FLETT Tiċrita tal-laħam bla għadam mqatta’ għall-ikel.
XULLIEF / SKALDA (Tal. scarda, scheggia). Framment jew laqx tal-injam jew tal-ġebel li l-bennej iqatta’ bl-imterqa. Mazkan. Xullief tista’ tfisser ukoll ġilda mejta tal-ġisem li tkun qed tinqala’ u li normalment tmur meta din tinbarax bil-ħakkieka. F. Vella (1843) jagħti l-kelma, XOLLIEFA.
ŻANKA / INGARŻAT Wieħed li jkun jgħix ma waħda, biss, dawn ma jkunux miżżewġin. Lexicon, M.A.V. (1796) ‘[…] Concubino, amasio. bardadassa. Uomo vile molto […]’. E.S.I. u J.A. jagħtu t-tifsira bħala aġġ. ta’ wieħed li hu makak u jitbahrad.
ŻBIBA / PASSOLINA Għenba mqadda. Sultana ta’ bla żerriegħa. Qawl: i.) ‘Fl-aħħar tal-mazzita ssib iż-żbiba’. Qawl ieħor jgħid, ‘Aħjar żbiba milli għenba’. Sqal. zibibbu: tipo di uva a grossi chicchi (da zabīb, “uva passita”) da cui deriva il vino. Għ. żabibu al kaxmaxi. Sors etim: J.A. Ara: SULTANA.
ŻEBBIEĠA / ŻEBBIĠIJA / ABAKUS Dan hu speċi ta’ frejm tal-injam li fih numru ta’ firdiferru rqiq li jżomm kwantità ta’ żibeġ li bihom it-tfal jgħoddu, jnaqqsu u jimmultiplika n-numri.

ŻNIEŻEL ŻINŻLA / TERREMOT (A. de S., Damma). Ara: RAGĦADA.
ŻRAFA / ĠIRAFFA Tal. giraffa.
Bibliografija
(għażla ta’ xi wħud mill-pubblikazzjonijiet ikkonsultati)
Agius Sultana Gianfrangesku, DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghauci (xogħol miġbur circa 1757 – 1769). Ippublikat 2016. Ed. Rosabel Carabott, L-Akkademja tal-Malti et al.
Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta’ Joseph Aquilina, (1987 & 1990).
Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju Malti-Ingliż, (1900).
Falzon Giovanni Battista, Dizionario Maltese, Italiano, Inglese. (1845).
Manduca J.S. & Mifsud Ġorġ, Il-Qawl Iqul. PEG. (1989).
Mifsud Ġorġ, Il-Praspar Miktuba Minn Dun Xand Cortis. PEG. (1991).
Mifsud Chircop Ġorġ, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna. PEG. (1994).
Mortillaro Vincenzo, Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano. 1853.
Serracino Inglott Erin, Il–Miklem Malti, Volumi 1-10, (1989).
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., (1796).
Zammit Temi, Ħrejjef, Stejjer, u Kitba Oħra, Ed. A. Cremona, Progress Press. (1963).
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon – Ktyb il Klym Malti (1796).
Vassalli Mikiel Anton, Aforismi, ta’ Mikiel Anton Vassalli, (1828).
Vella Francis, Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).
Vella Francis, Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese. (1843).
Aktar kliem antik u t-tifsir tiegħu issibhom f’dawn iż-żewġ kotba.


Ara aktar dwar il-pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur:
Pubblikazzjonijiet
Proset Martin – mank nibdew nqiesu dan il-kliem f’ilsien tat-trabi. Proset tal-ħidma.
LikeLike