Id-divertiment tal-Maltin
fis-seklu dsatax
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż *
Introduzzjoni
Fl-1810, tabib Ingliż, William Domeier, li ftit qabel kien qatta’ xi żmien f’Malta, ippubblika ktieb jismu, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta, fejn fih, fost affarijiet oħra, iddiskriva l-kwalitajiet ta’ divertiment li l-Ingliżi setgħu jgawdu jekk jiġu jgħixu Malta. Fost is-suġġerimenti tiegħu, hu jsemmi dak id-divertiment li wieħed seta’ jgawdi waħdu, b’mod individwali, bħalma ngħidu aħna, il-ħwienet tal-kafè, fejn wieħed seta’ jqatta’ l-ħin liberu tiegħu waqt li jduq xi ġilat bis-silġ miġjub mill-Etna, jew xi ruġġata friska. Bħala divertiment pubbliku, Domeier isemmi t-Teatro Popolare (li wara sar magħruf bħala t-Teatru Manoel), fejn wieħed kien jista’ jattendi għall-opri Taljani, ballet xogħlijiet ta’ drama u kummiedji. Imbagħad, bħala divertiment tal-massa li n-nies setgħu jattendu bl-eluf u mingħajr ħlas, Domeier isemmi t-tiġrijiet tal-bgħula, żwiemel u ħmir li kienu abbinati ma’ xi festi reliġjużi. Divertiment ieħor mingħajr ħlas kienu l-kunċerti li l-baned militari tar-reġimenti Ingliżi kienu jagħtu regolarment. (W. Domeier, 1810).

Il-Maltin kienu jiddevertu?
Fiż-żmien li qed insemmu, u matul is-seklu 19 kollu, il-maġġoranza tal-poplu Malti kien fqir u ilitterat, u xi wħud mid-divertiment li semmejt ma kienx jgħodd għalih. In-nies ta’ dak iż-żmien kienu dejjem moħħhom f’affarijiet aktar essenzjali, imħassbin dejjem kif ser idabbru loqma ħobż biex huma u uliedhom ma jorqdux bil-ġuħ. Minkejja dan, xorta il-bniedem, di natura, dejjem iħoss il-ħtieġa li minn żmien għal żmien jaqta’ ftit mix-xogħol u l-monotonija ta’ kuljum, għax kif jgħid il-Malti, il-bniedem ma jgħix biss bl-ikel fl-istonku. Dan seta’ jagħmlu anki jekk xejn, billi jqatta’ ftit ħin ta’ rilassament, bħal ngħidu aħna, meta dak li jkun wara x-xogħol jieqaf jieħu tazza nbid ma’ sħabu f’xi ħanut, jew inkella jmur sal-każin, jilgħab xi logħba karti. Inkella kien irid jistenna xi avveniment tal-massa, bħal ngħidu aħna, xi festa reliġjuża li ssir fil-lokalità tiegħu.
Ċelebrazzjonijiet tal-festi
Festi kien hawn kemm trid, imqassma aktar mil-lum matul is-sena kollha. Kien hawn ħafna li kienu jistennewhom b’ħerqa kbira matul is-sena kollha. Kemm jekk kienu ċċelebrati fil-parroċċa kif ukoll jekk kienu festeġġjamenti nazzjonali. Il-festi kienu jservu ta’ okkażjonijiet fejn wieħed seta’ jinġabar għall-ikla flimkien mal-familja jew inkella jissoċjalizza ma’ sħabu fuq iz-zuntier tal-knisja, fil-każini u fil-pjazez.

Hekk kif gerbu s-snin, matul is-seklu 19, il-festi bdew jikbru sew, u flok festa li tikkonsisti biss minn ċelebrezzjonijiet liturġiċi u solenni ġewwa l-knisja, u l-purċissjoni bl-istatwa li tinġarr madwar ir-raħal, issa beda jkun hemm aktar xalar fit-toroq. Ma’ dan żdied aktar il-logħob tan-nar. Mill-1860 ‘il quddiem, bdew jorganizzaw ruħhom il-baned u l-każini tal-festa. Dawn, apparti d-daqq u l-organizzazzjoni tagħhom, kienu wkoll iservu biex in-nies tar-raħal, almenu l-irġiel, jiltaqgħu fil-każin ta’ kuljum għal xi boqqa te u xi logħba tal-karti. Ma’ dawn kienu bil-mod il-mod żdiedu l-logħob tat-tombla u anki xi mwejjed tal-biljard.
Andrew Bigelow, qassis Amerikan li żar Malta fl-1827, jiddeskrivi fil-ktieb tiegħu dak li nnota fil-festa ta’ San Pawl li nzertaha meta kien joqgħod il-Belt Valletta għal xi ftit ġimgħat. Hu jgħid li fil-jiem tal-festa, il-knisja ta’ San Pawl Nawfragu kienet imdawla b’mod impressjonanti. Fil-jum proprju tal-festa hu attenda l-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Pawl u seta’ jinnota l-entużjażmu tan-nies li kienu preżenti fi Strada San Paolo, hekk kif l-istatwa feġġet mill-bieb tal-knisja, merfugħa fuq l-ispallejn. Isemmi d-daqq tal-qniepen, l-inċens li kien ifewwaħ l-arja fit-triq, u l-abiti tal-kleru b’kuluri differenti li kienu jiddistingwu ordni reliġjuż minn ieħor. Purċissjoni prominenti bħal din kienet għaldaqstant toffri spettaklu li l-poplu kien jitgħaxxaq bih; festa li l-popolin kien jibqa’ jitkellem dwarha sa bosta jiem wara.
L-Imnarja

Kien hemm ġrajjiet reliġjużi oħra fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja, li joffru sens ta’ devozzjoni u ferħ qawwi. Dawn kienu l-pelegrinaġġi li fihom kienu jipparteċipaw l-Isqof ta’ Malta u l-Kapitlu tal-Katidral. Wieħed mill-pellegrinaġġi l-aktar importanti kien isir nhar l-Imnarja, fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Il-purċissjoni kienet tibda mill-Katidral tal-Imdina, toħroġ barra s-swar u timxi lejn il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Anki hawn il-kuluri u d-dettalji fl-ilbies tal-kleru kienu jagħtu pjaċir lin-nies għax dawn bl-ilbies tagħhom, u l-mozzetti, kienu jintarfu mill-poplu min huma fil-ġerarkija tal-kleru. Dakinhar, eluf kbar ta’ Maltin kien jitilgħu lejn l-Imdina bi ħġarhom, tant li kienu jħallu raħalhom kważi vojt. Uħud, flok kienu jitilgħu fil-jum proprju tal-festa, kienu jerħulha lejn l-Imdina l-lejl ta’ qabel biex igawdu t-tiżjin tad-dwal fuq il-Katidral u binjiet oħra. Imbagħad, filgħodu kienu jattendu waħda minn ħafna quddisiet li kienu jsiru f’ħin bikri fil-Katidral. Matul din il-festa ma setax jonqos li kien ikun hemm konsum ta’ ħafna ikel u xorb, għax dawk li kienu jiġu mill-bogħod kienu jġibu magħhom mid-dar. Filgħaxija, bosta kienu jerħulha lejn il-Buskett. Kien hemm dawk li kienu jattendu għt-tiġrijiet tal-bhejjem taħt is-Saqqaja.

Il-Festa ta’ San Girgor

Tlett ijiem wara l-Għid il-Kbir, kien isir pellegrinaġġ ieħor, dak ta’ San Girgor. Din id-darba, eluf ta’ nies, fosthom bosta fratellanzi u mijiet ta’ membri tal-kleru minn Malta kollha kienu jipparteċipaw fil-pellegrinaġġ li kien jibda minn Ħal Tarxien u jispiċċċa fil-parroċċa l-antika ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun – illum magħrufa bħala ta’ San Girgor. Din il-festa, bħal dik tal-Imnarja, ukoll kienet toħloq sens kbir ta’ stennija mill-poplu kollu. In-nies mhux biss kienet tipparteċipa fil-purċissjoni solenni li ssir b’dinjità, immexxija mill-Isqof, u tinġabar madwar il-knisja ta’ San Girgor, iżda wara t-tmiem taċ-ċeremonja, in-nies kienet tibqa’ ż-Żejtun jew inkella tmur lura lejn Ħal Tarxien biex hemm tintasab u ddur għall-ikel li tkun ġabet magħha. Mal-ikel wieħed seta’ jgawdi d-daqq tal-kitarri u strumenti oħra flimkien mal-għana u l-geġwiġija tan-nies. Ma’ dawn kien ikun hemm anki minn jiżfen mad-daqq – dawn kienu jkunu rġiel biss bejniethom, għax dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa aċċettabli li n-nisa jiżfnu fid-deher. B’hekk din il-festa li kienet intenzjonata li tkun biss pelegrinaġġ solenni, sa nofsinhar kienet tinbidel f’waħda ta’ tbahrid. Ara x’jgħid fuqha, l-awtur tal-fuljett Ġiaħan, ippubblikat, fl-1847.
Min jista jpingi f’dan il fuljett
San Ghirgor taghna – dac iz-zufjett
Minn coll nies tara – f’dac Hal Tarxiel [sic]
Li trasset jieklu u imbiet bi kliel !
Aħmed Faris el Xidjaq, studjuż Libaniż li kien jgħix Malta għal xi erbatax-il sena, (bejn l-1830 u l-1845), jikkonferma li waqt festi bħal dawn, ħafna kienu jispiċċaw f’sakra ma jarawx art. L-istess awtur isemmi wkoll id-diversi tiġrijiet ta’ żwiemel, bgħula u ħmir li kienu jsiru bħala parti mill-festi f’ċerti lokalitajiet. Il-ġerrejja kienu jirkbu l-bhejjem mingħajr sarġ, u matul it-tiġrijiet, ir-rikkieba mhux l-ewwel darba jew tnejn kienu jispiċċaw jaqgħu minn fuq l-bhima. Barra minn hekk, skont Ex-Xidjaq, fil-festi li kienu jsiru fil-lokalitajiet qrib il-baħar kienet ta’ spiss issir il-ġostra. In-nies kien jaqalha għaqilha tara l-kontestanti jippruvaw jimxu fuq l-arblu mdellek bix-xaħam bl-iskop li jaħtfu l-bandiera fit-tarf. Dawk preżenti kienu jidħku kemm jifilħu meta l-kontestanti jitilfu l-bilanċ u jispiċċaw jaqgħu bla grazzja fil-baħar. Daqstant ieħor, l-awtur jgħid li l-logħob tan-nar li kien isir fil-festi kien popolari ħafna. (F.X. Cassar, 1985).

Maturin M. Ballou, kittieb Amerikan li żar Malta fl-1887, jirrimarka hekk dwar il-festi Maltin, “Id-divertiment li jidher l-aktar li jirrikorri għalih il-poplu Malti huwa l-festi. F’dawn l-okkażjonijiet, il-Maltin huma mdorrija, bi skuża tad-devozzjoni lejn il-qaddis, jagħtuha għax-xalar’’.
Il-marċi tal-baned tal-militar Ingliż ipaxxu l-Maltin
Mod ieħor kif il-Maltin kienu jgawdu kien bis-saħħa tal-militar Ingliż. Aħmed Faris Ex-Xidjaq jinnota kemm il-Maltin kienu jieħdu gost jattendu għall-parati militari li ta’ spiss kienu jsiru, sew jekk fil-Furjana, kif ukoll fi Pjazza San Ġorġ, quddiem il-Palazz, il-Belt. Matul is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, il-baned tal-armata u tal-flotta Ingliża kien jagħmlu dawn il-parati, l-ewwel nett biex juru kemm il-militar Ingliż kien impekkabbli kif ukoll biex jiġbdu s-simpatija tal-poplu Malti lejhom. William Domeier jgħid, li l-baned tar-reġimenti kienu jagħtu kunċert fil-Pjazza San Ġorġ, tliet darbiet fil-ġimgħa, waqt li fil-ġnien tal-Argotti, il-kunċerti kienu jsiru kull nhar ta’ Ħadd, bejn nofs ir-Rebbieha sa nofs il-Ħarifa. (W. Domeier, 1810).

Okkażjonijiet oħra ta’ ċelebrazzjonijiet
Barra dawn, kien ikun hemm okkażjonijiet speċjali meta l-Ingliżi kienu jiċċelebraw xi avveniment importanti, bħal ngħidu aħna xi anniversarju ta’ xi membru tal-Familja Rjali, jew inkella xi rebħa militari li l-Ingliżi jkunu għamlu f’xi pajjiż jew ieħor. L-organizzaturi tal-festa tal-lokal kienu jitolbu l-Kmandant tal-Militar f’Malta jibgħat xi banda fil-festa tagħhom biex tagħti programm mużikali u l-Logutenent Gvernatur kien jaċċetta. Il-Maltin kienu jitpaxxew bil-kwalità tal-mużika mill-baned militari Ingliżi. Dan seta’ wassal biex il-Maltin jitħajru joħolqu l-baned tagħhom, għax xi wħud kienu ngaġġati bħala bandisti fil-militar. Ma’ dan wieħed irid isemmi wkoll l-influenza tal-baned Sqallin.

Imbagħad kien hemm okkażjonijiet oħra ta’ festeġġjamenti kbar, bħal meta minn żmien għal ieħor, xi membri tal-Familja Rjali kienu jżuru Malta. F’okkażjoni bħal dawn, it-toroq tal-Belt Valletta kienu jkunu mżejna b’kull xorta ta’ dekorazzjonijiet, u n-nies kienet tidħol il-Belt biex tgawdi l-ispettaklu. Biex nagħti eżempju, meta f’Diċembru tal-1838, ir-Reġina Dowager, Alexandra, mart William IV, ġiet Malta biex tqatta’ ftit xhur hawn, għal raġunijiet ta’ saħħa, din intlaqgħet bi briju liema bħalu. Michael Galea, fir-rakkont qasir iżda dettaljat tiegħu tal-wasla tar-Reġina, jgħid li l-Belt Valletta kienet ippreparata sew għall-okkażjoni. Il-Gvernatur Bouverie, liebes bir-regalia militari, laqa’ lir-Reġina hekk kif niżlet l-art, fuq it-taraġ tad-Dwana. Hemmhekk, hi ġiet mogħtija Gun Salute ta’ 21 tir, sparati mill-Forti Sant’Anġlu. Imbagħad ir-Reġina u dawk ta’ madwarha ttieħdu lkoll fi tliet karozzelli miġbuda miż-żwiemel, biex daħlu l-Belt Valletta b’akklamazzjoni kbira tal-poplu. It-triq mill-Port il-Kbir sal-Palazz tal-Gvernatur kienet skjarata b’fillieri sħaħ ta’ suldati, xejn inqas minn sitt reġimenti. Fi triqitha, il-karozzella tar-reġina twaqqfet kemm-il darba biex ir-Reġina tirċievi bukketti tal-fjuri ppreżentati lilha minn tfal imqabbda apposta. Il-folol ferħu u tpaxxew kemm felħu għal dan l-ispettaklu majestuż. Dakinhar il-Palazz tal-Gvernatur u ħafna bini ieħor fil-Belt, kemm pubbliku kif ukoll privat, kien imdawwal b’eluf ta’ lampi mixgħula biż-żejt. Anki saħansitra, il-faċċati tal-kunventi ta’ bosta ordnijiet reliġjużi kienu mixgħula bil-fjakoli (M. Galea, 1970).

L-istess ġara meta fl-1887, kienu saru ċelebrazzjonijiet kbar fl-okkażjoni tal-Ġublew tar-Reġina Vittorja. Għal dik l-okkażjoni kienu organizzati kwantità kbira ta’ avvenimenti. Uħud saru ġewwa l-Palazz tal-Gvernatur għal mistednin distinti, oħrajn saru barra biex igawduhom in-nies. Biex in-nies tipparteċipa żgur, is-servizz tal-ferrovija mir-Rabat sal-Belt kien għamel bosta vjaġġi aktar mis-soltu. Għal dik l-okkażjoni, ġiet organizzata tombla grandjuża fi Pjazza San Gorġ għal mijiet ta’ Maltin. Saru wkoll tiġrijiet tad-dgħajjes ġewwa l-Port il-Kbir. Filgħaxija, il-Gvernatur Lord Simmons u martu għamlu party grandjuż fil-ġonna tal-Argotti għal madwar 900 mistidnin. Eluf ta’ Maltin inġabru fuq il-Fosos tal-Furjana, biex setgħu jieħdu gost jaraw id-dinjitarji deħlin fil-ġonna b’ilbies u l-uniformijiet li jlellxu. Wara, il-folla setgħet ukoll tgawdi l-logħob tan-nar li sar tard billejl, hemmhekk stess, fl-aħħar tal-avveniment. (M. Galea, 1970).
Il-Karnival

Fl-1863, Gian Anton Vassallo, awtur pijunier ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti, ippubblika ktejjeb ċkejken bl-isem ta’ Ħrejjef u Ċajt. It-titlu ma jikkorrispondix mal-kontentut tal-ktejjeb, peress li la fih rakkonti u lanqas ċajt. Minflok, fih hemm ġabra ta’ xi 120 poeżija li jittrattaw b’mod ħafif bosta temi. Waħda mill-poeżiji, jisimha, ‘Cliem tal-Poplu’ (‘Leħen il-Poplu’) b’s-sottotitlu, ‘Sibt il-Karnival’. Wara li l-awtur jagħti ħafna dettalji dwar il-kostumi li kienu jintlibsu fil-jiem tal-Karnival, dan juri l-preokupazzjonijiet tiegħu dwar il-futur ta’ dan l-avveniment hekk ferrieħi. Lejn l-aħħar ta’ din il-poeżija, Vassallo jitlob lill-awttoritajiet biex ma jfettillhomx iwaqqfu milli jibqa’ jsir l-Karnival, għax dan kien iservi ta’ okkażjoni ta’ darba fis-sena li fiha, in-nies setgħu verament jiddevertu kemm jifilħu. Vassallo jikteb hekk:
Aħna il baxxi, u n-nies tas-snaja,
L’impjegati ucoll miż-żgħar.
Illi nagħmlu l’acbar numru,
Ma ’nffitxux ħlief ix-xalar.
—-
© Martin Morana
22 ta’ Ġunju 2023.
Biblijografija
Cassar Carmel, ‘Everyday life in nineteen and twentieth century Malta’, in The British Colonial Experience, 1800 -1964,
Cassar Francis Xavier, El Wasita fil-Maghrifat Ahwal Malta, Ahmed Faris ash-Shidyaq. 1985.
Cassar Pullicino Joseph, A Study in Maltese Folklore, University Press. 1992.
Ballou M. Maturin, The Story of Malta, 1878.
Bigelow Andrew, Travels in Malta and Sicily with Sketches of Gibraltar. Carter Handee & Babcock, Boston. 1831.
Boissevain Jeremy, ‘Festa Partiti and the British – Exploding a Myth’, The British Colonial Experience, 1900 – 1964.
Borg Cardona Anna, ‘Sights and Sounds of 19th Century Valletta’, Treasures of Malta, Summer, 2001.
Badger George Percy, ‘Amusements’, in Description of Malta and Gozo.
Domeier William, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta. J. Callow, Medical Bookseller, London. 1810.
Ellul Michael, History In Marble. Publishers Enterprises Group. 1998.
Galea Bjagju, L-Imdina ta’ Tfuliti. Klabb Kotba Maltin, 1975.
Galea Michael, ‘A Roaring Welcome to Governor More O’Ferrall,’ Malta – Historical Sketches, 1970.
Galea Michael, Queen Victoria Jubilee Celebrations in Malta’, Malta – More Historical Sketches. 1970.
Galea Michael, ‘1846 – An Eventful Carnival’, Malta – More Historical Sketches. 1970.
Ganado Albert,’Il-Versi ta’ Richard Taylor dwar l-Inċident tal-Karnival tal-1846′, L-Imnara, Vol 10, nru 4, ħarġa 39.
Vassallo Gian Anton, Ħrejjef u Ċiait bil-Malti, 1863.
Giahan, April 8, 1847.
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
