L-ARAZZI GOBELINS – fil-PALAZZ, Il-BELT

L-ARAZZI  GOBELINS

Il-Palazz tal-Granmastri

il-Belt, Valletta

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Introduzzjoni

Waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastri li l-aktar taffaxxina lill-viżitaturi hi dik magħrufa bħala s-Sala tal-Kunsill. Din is-sala għandha sett ta’ għaxar arazzi li jiksu l-erba’ ħitan tagħha. Il-kelma arazzi tintuża flok il-kelma twapet, li fihom xogħol tas-suf u l-ħarir minsuġ apposta biex joħolqu tapizzerija ddisinjata u kkulurita u ta’ sengħa kbira. Il-kelma arazzi ġejja minn Arras, l-isem ta’ belt Fjamminga fejn dan it-tip ta’ xogħol kien manifatturat.

L-arazzi li hemm fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta, kienu kkommissjonati mill-Gran Mastru Raimondo Perellos y Rocaful fl-1708, biex iżejnu s-sala fejn kienu jiltaqgħu s-sittax-il Kavallier Gran Croce (l-aktar uffiċjali għolja tal-Ordni ta’ San Ġwann). Dawn it-twapet, illum huma magħrufa bħala, l-Arazzi Gobelins, minħabba li dawn inħadmu fil-fabbrika ta’ Gobelins,  li għadha teżisti u li tinsab fil-kwartier tal-Lvant ta’ Pariġi. Illum, din il-fabbrika hi f’idejn il-Gvern Franċiż u hi kkunsidrata bħala patrimonju nazzjonali. Fiha għadu jsir xogħol tal-insiġ bl-istess teknika tradizzjonali, biss, ħafna drabi b’suġġetti meħuda minn artisti moderni. 

Fis-sekli li għaddew,  ix-xogħol tal-arazzi kien imfittex sew minn familji rjali, nobbli u sinjuri, l-aktar għaliex l-arazzi kienu oġġetti ta’ tiżjin artistiku u prestiġjuż, li jirriflettu l-istatus tal-propjetarju taghhom. Apparti minn hekk, l-arazzi kellhom użu prattiku għaliex kienu jiddendlu mal-ħitan tas-swali kbar tal-palazzi biex inaqqsu l-kesħa fix-xhur tax-xitwa.

L-arazzi tal-Palazz il-Belt, huma magħrufa bħala, Les Tentures Des Indes, (bil-Malti, it-twapet tal-Indji). Dak iż-żmien l-isem ’Indi’ kien jirriferi b’mod ġenerali għall-pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u l-Karibew. Id-disinji fuq dawn it-twapet jittrattaw l-annimali u l-pjanti slavaġġ li fis-seklu sbatax kienu għadhom qed ikunu skoperti mill-Ewropej, l-aktar fil-kontinenti tal-Amerika ta’ Isfel u fl-Afrika.

Kap ta’ tribù jinġarr – ħajr tar-ritratt: Wonders of the World / Heritage Malta

Id-disinji ta’ Eckhout u Post – minn tpinġijiet isiru arazzi

Il-pittur Frans Post

It-tpinġjiiet tal-flora u l-fauna kienu oriġinarjament, iddisinjati minn Albert van den Eckhout (1610 – 1665), pittur li kien jispeċjalizza fi tpinġijiet tal-annimali u figuri umani, u Frans Post (1612  – 1680), li kien mitfugħ fuq tpinġija tal-pajsaġġ naturali. Dawn iż-żewġ artisti kienu akkumpanjaw lill-Prinċep Johan Maurits de Nassau-Siegen – meta fl-1636, dan kien ivvjaġġa lejn il-kontinent tal-Amerika ta’ Isfel biex hemm sar il-gvernatur ġenerali tar-reġjun tat-tramuntana tal-Brażil (1637 – 1644). Dan ir-reġjun kien taħt il-ħakma Olandiża, biss ma damx, għaliex ftit wara, fl-1654, ħaduh f’idejhom il-Portugiżi.

Dawk iż-żminijiet, kienet ħaġa normali li l-vjaġġaturi sinjuri kienu jqabbdu xi artist/i apposta biex waqt il-vjaġġ ipinġu dak kollu li kien ta’ interess viżwali, daqslikieku qed jieħdu r-ritratti. Is-suġġett ta’ annimali eżotiċi flimkien ma’ suġġetti oħra fil-kontinenti mbegħda kienu  jaffaxxinaw bil-bosta lin-nies għonja u ta’ skola.

Il-Prinċep Johan Morits

Meta l-Prinċep Maurits irritorna lejn beltu, Den Haag (The Hague) fl-Olanda, dan sebbaħ id-dar lussuża tiegħu bit-tpinġijiet li ż-żewġ artisti kienu pinġew. Snin wara, fl-1679, il-Prinċep Maurits irregala t-tpinġijiet ta’ Eckhout lir-re ta’ Franza, Lwiġi XIV (Le Roi Soleil). Kien Maurits stess li ħajjar lir-Re Lwiġi XIV biex it-tpinġijiet ikunu kkupjati f’insiġ artiġjanali grandjuż maħdum fuq in-newl (C. Anderson, 2019). Ir-Re, Lwiġi XIV, qabbad lill-artist Carl / Charles Le Brun, il-pittur uffiċjali tal-Palazz, jipprepara d-disinji ta’ Eckhout u Post biex minn fuqhom jintisġu l-arazzi. L-ewwel sett tal-arazzi li nħadem minn fuq dawn l-abbozzi sar fl-1687. Sal-1730, kienu ntisġu tmien settijiet, kollha bbażati fuq l-istess suġġett. Wara, fl-1735, dawn id-disinji mbidlu xi ftit, biss, din it-tieni verżjoni baqgħet tkun ikkupjata sal-1794. Biex iż-żewħ verżjonijiet jintagħrfu, l-arazzi l-ġodda bdew jissejħu, Les Nouvelles Indes u dawk antiki, li bħalhom hemm il-Palazz il-Belt, huma magħrufa bħala, Les Anciennes Indes.    

Annimal predatur (jagwar) jattakka tapir. Ħajr: Wonders of the World / Heritage Malta

Il-Gran Mastru Perellos jikkommissjona l-arazzi għall-Palazz

Gran Mastru Perellos y Rocaful – mill-Arazzi Fjamingi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Kif ġa għedna, l-arazzi li kien kkommissjona l-Gran Mastru Perellos bdew jinħadmu f’Ottubru tal-1708, u tlestew f’Marzu tal-1710. Dawn saru apposta fuq qisien preċiżi li jaqblu mal-qisien tas-Sala tal-Kunsill. L-għoli tagħhom hu ta’ 470 ċm, (J. Grima, 2023) biss il-wisa’ tagħhom ivarja, u huma bejn 3 sa 5 metri. Fit-2 ta’ Ġunju tal-1710, dawn ġew ippakkjati f’erba’ balal kbar u nġarru fuq karettuni miġbuda minn bgħula, minn Pariġi sa Marsilja biex hemm ittellgħu fuq brigantin li salpa lejn Malta. Waqt il-vjaġġ, meta l-bastiment kien għoddu wasal qrib Messina, inħataf minn xi kursara. Dawn talbu prezz għoli għal fidwa tal-arazzi. Jingħad li l-kaptan, wara ħafna negozjati, aċċetta li jħallas il-prezz mitlub (P. Mizzi, Heritage Encyclopedia Vol II) biex il-bastiment seta’ jkompli fi triqtu lejn Malta.

Wieħed jista’ jimmaġina l-għaġeb tal-kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann meta dawn raw l-arazzi mdendla għall-ewwel darba fis-Sala tal-Kunsill. Mhux għax il-Kavallieri ma kinux raw diġà għeġubijiet simili. Ta’ min wieħed ifakkar li l-istess Gran Mastru Perellos kien irregala xi snin qabel, sett ta’ arazzi Fjammingi lill-knisja konventwali ta’ San Ġwann. Dawn għandhom bħala tema, ‘It-Trionf tar-Reliġjon’. L-arazzi tal-palazz għandhom suġġett aktar frivolu, relatat mas-sbuħija tan-natura eżotika, b’tant kuluri li jpaxxu l-għajnejn. L-arazzi mdendlin fis-sala, f’daqqa waħda biddlu l-ambjent minn wieħed ċass u monotonu għal wieħed ħaj u mimli annimali u pjanti eżotiċi. Aktar minn hekk, wieħed jista’ jimmaġina l-effett tax-xemgħat mixgħula li kienu jdawwlu mhux biss is-sala iżda anki d-disinji tal-annimali, għasafar u ħut, maħduma mil-ħarir u s-suf.  

Iż-żewġ barrin. Ħajr Wonders of the World / Heritage Malta

Fhiex jikkonsistu l-għaxar Arazzi

L-arazzi għandhom kwantità ta’ annimali li bosta minnhom qed juru xi moviment jew ieħor biex ix-xena tkun aktar imqanqla, ħajja u awtentika. Hekk pereżempju, jidhru xi xadini jiddendlu maz-zkuk ta’ siġra, diversi annimali predaturi qed jattakkaw annimali oħra biex joqtluhom u jikluhom; nies ta’ tribujiet primittivi jikkaċċjaw l-għasafar, waqt li jidhru ukoll kapijiet ta’ tribujiet, wieħed riekeb żiemel u ieħor jidher jinġarr fuq branda. Hemm ukoll, ħut jgħum u rettili jitkaxru ’l hawn u ’l hinn.   

Fost il-pjanti u s-siġar, hemm kwantità ta’ frott tropikali, fosthom siġar tal-palm, siġra tal-banana u pjanti li jixxebilku. Fost il-frott, tispikka l-aktar il-lanġasa. Din tidher fi kwantità u fil-qies naturali tagħha fuq siġra minnhom; imbagħad tidher lanġasa oħra maħduma f’kobor esaġerat fuq naħa ta’ wieħed mill-arazzi biex b’mod simboliku turi biċ-ċar li l-arazzi kien ħallas għalihom il-Gran Mastru Perellos. Dan għaliex, l-arma tal-Gran Mastru Perellos hi fil-fatt magħmula minn tliet lanġasiet.     

Kull waħda mix-xeni tal-arazzi l-kbar ingħatat isem skont is-suġġett li tirrapreżenta. Hekk insibu:

Iż-żiemel irrigat  –  Iż-żewġ barrin  –  L-iljunfant  –  Iż-żiemel ta’ kulur kannella ċar  –  Il-kaċċatur Indjan  –  In-ngħam  –  Ġlieda bejn annimali slavaġġ  –  Ir-re merfugħ (fuq branda)  –  Il-kap ta’ tribù Indjan fuq żiemel  –  Is-sajjied.

Kap ta’ tribù Indjan fuq żiemel. Ħajr Wonders of the World / Heritage Malta

Xi dettalji u kummenti dwar il-pitturi

  • L-arazzi, fl-istat komplut tagħhom swew 120 livres kull ell kwadru. Dak iż-żmien, l-ell kien tip ta’ misura li tintuża fi Franza, li bejn wieħed u ieħor kienet tagħmel daqs it-tul ta’ minn bejn il-polz u l-minkeb tad-driegħ – 67½ ċentimetri / 27  pulzier. (P. Caruana Galizia, 2008).
  • Fl-arazzi, ma teżistix distinzjoni bejn il-flora u l-fawna li jikbru u jgħixu fl-Afrika minn dawk li hemm fl-Amerika ta’ Isfel. Xi studjużi jgħidu li Albert Eckhout kien pinġa l-annimali u t-tjur Afrikani meta dan kien akkumpanja lill-Kurunell Olandiż Hans Coen fl-1637, waqt spedizzjoni fil-Kosta tal-Punent tal-Afrika, magħrufa bħala The Gold Coast, (illum magħruf bħala l-Ghana). Hemm dan il-kmandant kien rebaħ il-fortizza Portugiża ta’ El Mina f’isem il-kumpanija Olandiża, Verreenigde Oostindische Campagne (bl-Ingliż, The Dutch East Indies Company). Din il-belt kienet ċentru ta’ kummerċ fejn dawk l-iskjavi Afrikani maqbuda kienu jitgħabbew fuq il-bastimenti biex ikunu ‘esportati’ lejn il-kontinent Amerikan. (Encyclopedia.com)
  • Ir-rinoċeronte mhuwiex xogħol ta’ Eckhout jew Post, iżda x’aktarx hu meħud minn inċiżjoni fl-injam (Ing. woodcut) li l-artist famuż Albert Dürer kien ħadem fl-1515 (M. Shaw, 1997).
  • Mid-dehra, Eckhout, qatt ma kien ra żebra. It-tpinġija taż-’żiemel irrigat’, jiġifieri, iż-żebra, hi żbaljata għall-aħħar. Jidher li xi ħadd tah deskrizzjoni ta’ żebra bħala żiemel bl-istrixxi, u wara, pinġieh kif immaġina hu. (M. Shaw, 1997).
  • Il-’’cassowary’’, tip ta’ għasfur qisu nagħma, biss, iqsar u b’ġismu iswed,  ma jgħix la fl-Amerika ta’ Isfel u lanqas fl-Afrika. L-ispeċi li jidher fuq it-tapizzerija jgħix fuq xi gżejjer tal-Indoneżja. Mid-dehra, għasfur bħal dan kien inqabad u ttieħed fiz-zu ta’ Versaille fejn imbagħad il-pittur Peter Boel fl-1668 pingieh (D. Dandria, 2007).
In-nagħmi – intant ta’ wara hu ngħama – ta’ quddiem hu l-cassowary. Ħajr: Heritage Malta

Apparti l-għaxar arazzi kbar, fis-sala tal-Kunsill, hemm ukoll sitta oħra ta’ daqs iżgħar. Ħamsa minn dawn huma mdendla ’l fuq mill-wesgħat tat-twieqi kbar u l-bibien tas-sala. Tapit ieħor jinsab fuq il-bieb tad-daħla prinċipali. Dawn it-twapet iż-żgħar għandhom fuqhom l-arma tal-familja Perellos (it-tliet lanġasiet), kif ukoll, il-bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann. Jidhru wkoll xi skjavi u armamenti Torok, bħallikieku dawn kienu maqbuda mill-kavallieri tal-Ordni waqt xi battalja mal-għadu dejjiemi tagħhom.

Hi ħaġa tal-iskantament kif it-truppi Franċiżi, taħt Vaubois, ma żarmawx dawn l-arazzi u ħaduhom magħhom lura Franza. Fi żmien l-Ingliżi, dawn l-arazzi kienu stmati bħala xogħol artistiku u ta’ preġju kbir, tant li madwar l-1895, kienu ntbagħtu Franza biex ikunu rrestawrati – dawn inġabu lura fl-1910 (C. Bonavia, 2012). Sir Harry Luke, li kien Gvernatur Logutenent tat-truppi Ingliżi f’Malta bejn 1937 – 1940, u li ħadem u għex fil-Palazz – fil-ktieb tiegħu, Malta – An Account and an Appreciation, jikkummenta hekk dwar l-arazzi: ‘[…] we would wander from time to time (inside the Chamber), to feast our eyes on its glow of colour and pictorial banquet … the panels represent, in an almost indescribable wealth and riot of detail quite amazing […]’.

Matul is-seklu dstatax u l-ewwel snin tas-seklu għoxrin, is-sala kienet tintuża għal funzjonijiet u riċevimenti żgħar (C. Bonavia, 2012). Mill-1921, din inbidlet bħala sala tal-parlament Malti u baqgħet hekk sal-1974. Kien matul l-ewwel leġislatura tal Gvern Awtonomu Malti (1921 – 1923) meta membru parlamentari, waqt argument sħun li nqala’, gara kjostru tal-linka lejn l-avversarju politiku tiegħu, biss, flok laqgħat lill-min kellu jolqgħot, il-kjostru ħabat ma’ wieħed mit-twapet imdendla qrib u tabba’ parti żgħira tat-tapit. Fortunament, it-tebgħa li ħalliet din il-linka tneħħiet.   

Is-Sala tal-Kunsill / is-Sala tal-Parlament Malti (1921 – 1974)

Għalkemm saru kwantità ta’ settijiet oħra bħalhom, is-sett tal-arazzi li hemm fil-Palazz, il-Belt, huwa l-uniku fid-dinja li baqa’ sal-lum miżmum f’kollezzjoni waħda. Is-settijiet l-oħrajn huma mxerrda f’biċċiet, f’diversi pajjiżi.   

© Martin Morana

5 ta’ Lulju 2023

http://www.kliemustorja.com

Bibliography

Anderson Carrie,’The Old Indies at the French Court – Johan Maurits’s Gift to Louis XIV’, EMLC Journal, June 2019.

Caruana Galizia Paul, ‘Woven Beauty  – the stunning Les Ancien Indes Tapestries at the Grand Master’s Palace and the magnificent tapestries made St John’s Cathedral get a closer look’, Flair, No 18, November 2008.

Dandria David, ‘The Cassowary Conundrum’, The Sunday Times of Malta. July 1, 2007.

Galea Michael, The Palace of the Grandmasters and the Armoury. MJ Publications. 1988.

Grima Joseph, ‘The Palace Tapestries completed in 1710’, Times of Malta, March 5, 2023.

Luke Harry, Malta  – An Account and an Appreciation. Corgi Books. 1968.

Manduca John, ‘Exotic Tapestries of the Indies’, Treasures of Malta, Summer 1995, Vol 1.

Mizzi Paul, ‘The Gobelins Tapestries’, Heritage Encyclopedia, Vol. II. Midsea Books Ltd, Malta.

Shaw Michael, ‘The Gobelin Tapestries in the Grand Master’s Palace’, Treasures of Malta Christmas 1997, Vol IV.

‘The Tapestries at the Palace’, The Malta Independent, January 1, 2012. (a journalistic report on lecture delivered by Ms. Claire Bonavia, restorer at Heritage Malta).

‘The Old Indies at the French Court’, emlcjournal.org.  

‘Eckhout Albert (c. 1610 – 1665)’, in Encyclopedia.com.

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn: 

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Leave a comment