A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Il-FLUS f’Malta fis-seklu dsatax
Introduzzjoni – żmien il-Franċiżi
Meta l-Ingliżi ħadu lil Malta taħt idejhom fl-1800, kien għad hawn fiċ-ċirkolazzjoni l-flus tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-Franċiżi (1798 – 1800) ma kinux introduċew il-valuta tagħhom fis-sentejn li damu Malta. Anzi, ħaġa kurjuża, dawn baqgħu jistampaw il-muniti tal-Ordni, b’wiċċ l-aħħar Gran Mastru, Ferdinand von Hompesch, anki jekk stess dan kienu tturufnawh minn Malta, flimkien mal-Ordni, hekk kif niżlu l-art, f’Ġunju tal-1798. Biss, il-Franċiżi kienu ħarġu xi ingotti tad-deheb u l-fidda, wara li dewbu dak li sabu fil-Monte di Pietà. Fiċ-ċirkolazzjoni, bdew jiċċirkolaw 364 ingotta tad-deheb – kull waħda tiżen 17.50-il gramma, b’kobor ta’ 22 x 20 millimetru, kif ukoll ingotti tal-fidda tal-valuta ta’ 30 tari. Kurjuża wkoll li l-ingotti tad-deheb kellhom l-emblema tal-iljun rampanti bħala s-simbolu tal-Ordni għall-Belt Valletta, waqt li dawk tal-fidda kellhom is-Salib tal-Ordni.

Fi żmien l-Ingliżi
Appena l-Ingliżi ħadu l-amministrazzjoni tal-gżejjer Maltin f’idejhom, il-makkinarju taz-zekka tal-Ordni twarrab u qatt ma ntuża aktar biex ikunu stampati l-flus ta’ żmien l-Ordni li l-Maltin kienu għadhom qed jużaw. Fl-1828, wara li sewwew il-makkinarju, l-Ingliżi sabu l-bejgħ tiegħu għand il-gvern Grieg għas-somma ta’ £100.
Għall-ewwel ħamsa u għoxrin sena tal-preżenza Ingliża f’Malta, il-flus fl-idejn, baqgħu li kienu, jiġifieri, il-ħabba, it-tari, l-iskud, u l-uqija u z-zekkin. Aparti dawn, f’dan iż-żmien u matul parti kbira tas-seklu dsatax baqgħu jiċċirkolaw anki bosta flus barranin, u għalhekk, is-sitwazzjoni fil-qasam tan-negozju kienet waħda kaotika. Biex nagħti eżempju, kien hawn fiċ-ċirkolazzjoni d-dubluni Spanjoli u d-dollari Sqallin, kif ukoll il-munita tal-ħames franki (magħrufa bħala l-Lwiġi għal Louis Philippe, ir-Re ta’ Franza, (1832 – 1848). Bil-mod il-mod, fl-ewwel deċenni, bdew ukoll deħlin xi flus Ingliżi li s-suldati stazzjonati f’Malta u l-eluf ta’ baħrin li kienu jinżlu l-art, bdew iħallsu bihom għal ħtiġijiet personali tagħhom.


F’Ġunju tal-1825, fi żmien l-amministrazzjoni tal-Gvernatur Francis Rawdon Hastings (Gvernatur ta’ Malta, 22 Marzu, 1824 – 28 Novembru, 1826), l-Ingliżi introduċew il-muniti tagħhom tal-fidda u tar-ram (il-five shillings (ħames xelini), il-half crown, (it-tmintax irbiegħi), ix-shilling (ix-xelin), is-six pence (sitt soldi), il-penny u l-half penny. Għax-xiri ta’ oġġetti ta’ kuljum, fl-1827, l-Ingliżi ħasbu li aħjar jintroduċu munita Ingliża flok il-ħabba ta’ żmien l-Ordni (magħrufa wkoll bħala l-grano). Għalhekk l-Ingliżi introduċew il-One Third Farthing li ħadet post il-ħabba (sors: Central Bank of Malta, 1988). Il-Maltin malajr bdew jużaw din il-munita, u bdew isejħulha, ‘il-ħabba Ingliża’. Issa, il-munita l-ġdida, flok kellha x-xbieha tal-Gran Mastru u l-arma tiegħu, kien hemm ix-xbieha tar-Re George IV fuq quddiem, u l-immaġini tal-Britannia bilqiegħda fuq it-tron, fuq in-naħa l-oħra tal-munita. Tnax-il ħabba, jew twelve grains, kienu jiswew penny. Il-ħabba Ingliża – it-third farthing – baqgħet tkun stampata sal-1913.

F’Diċembru tal-1825, id-dipartimenti tal-Gvern ingħataw struzzjonijiet biex jibdew iżommu l-kotba u l-kontijiet tagħhom ibbażati fuq l-Isterlina biss. Minkejja din l-ordni, il-banek, in-negozjanti u l-bejjiegħa Maltin xorta baqgħu jikkuntjaw bis-sistema tal-iskud bħala munita bażika. Fis-sena 1826, l-Ingliżi kienu daħħlu l-pound u l-half pound Sterling (il-lira, u n-nofs lira Sterlina). Imbagħad f’Novembru ta’ l-1827, il-muniti tar-ram Ingliżi ġew iddikkjarati bħala l-uniċi muniti tar-ram legali f’Malta. F’April tas-sena ta’ wara, il-muniti tar-ram tal-Ordni ġew irtirati waqt li dawk tal-fidda baqgħu fiċ-ċirkolazzjoni.
F’Ottubru ta’ l-1855, l-Isterlina kienet ipproklamata bħala l-valuta legali waħdanija f’Malta. Minkejja dan, fiċ-ċirkolazzjoni kien għad baqa’ bosta muniti tad-deheb u tal-fidda ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Mhux talli hekk, talli kien għad hawn bosta muniti ta’ pajjiżi barranin, fosthom dawk tal-Amerika ta’ Isfel, li magħhom kien isir il-kummerċ. Finalment, il-muniti tal-fidda u tad-deheb ta’ żmien l-Ordni ġew irtirati f’Novembru tal-1886. Sa Novembru ta’ dik is-sena, kienu tpartu ma’ flus Ingliżi, bejn zekkini u skudi, daqs 1,699 munita tad-deheb, u 73,835 munita tal-fidda li kienu jvarjaw bejn tari u iskudi, (J. C. Sammut, 2000).
Il-flus Ingliżi baqgħu jintużaw f’Malta matul is-seklu għoxrin, sa wara l-Indipendenza, sakemm fl-1972, il-Gvern Malti biddel totalment is-sistema tal-flus Ingliżi ma’ dik deċimali u b’hekk introduċa muniti u karti ġodda Maltin.
X’kienu jiswew il-flus fl-idejn fis-seklu dsatax?
Fittixt fil-ktieb ta’ Dominique Miège, Histoire de Malte (1841), ktieb mimli informazzjoni preċiża meħuda minn sorsi uffiċjali li Miège ġabar matul is-snin tletin tas-seklu dsatax, meta kien serva bħala konslu Franċiż f’Malta. F’diversi kapitli jissemmew bosta prezzijiet ta’ oġġetti u ta’ servizzi essenzjali li kont trid tħallas għalihom bl-iskud, bit-tari jew bil-ħabba. Hawn qiegħed nagħti ftit eżempji tal-prezzijiet kif imniżżla fil-kitba ta’ Miège.
Prezzijiet tal-ikel
| Tużżana Bajd | 3 tari |
| Kartoċċ (1.69 litru) ħalib | 1 tari u 4 ħabbiet |
| 12-il sigarru | bejn 12 u 15-il ħabba |
| Tiġieġa | skud u 7 tari |
| Għasel ta’ Malta | 4 tari r-ratal |
| Bajtar tax-xewk | 5 ħabbiet it-tużana |
| Larinġ | bejn 2 – 5 tari t-tużana |
| Rummien | 1 tari r-ratal |
| Tuffieħ u lanġas | bejn 5 – 6 tari r-ratal |
| Kwart butir | nofs skud |
Rati ta’ xi servizzi
| Biex taqsam mill-Isla għal Belt bid-dgħajsa | 1 ħabba |
| Kirja ta’ dgħajsa għal kwart ta’ jum | 8 tari |
| Kirja ta’ kaless għal nofs ta’ nhar | 1 skud u 2 tari |
Il-qliegħ mix-xogħol
Tajjeb li wieħed ikun jaf il-qliegħ medju ta’ ħaddiem mhux imħarreġ f’xi sengħa. Skont Miège, ħaddiem mhux tas-sengħa (labourer), u mhux impjegat fiss, kien jaqla’ daqs 4 tari u 12-il ħabba kuljum. Miège jistma li l-bżonnijiet ta’ familja – koppja b’sitt itfal – f’sena kienu jlaħħqu mal-116-il skud. Il-missier tal-familja, jekk dan kien ikun wieħed bieżel u kapaċi, kien idaħħal 108 skud fis-sena. Skont Miège, dan ifisser li dan il-ħaddiem kien jagħlaq is-sena b’defiċit ta’ 8 skudi. Ħaddiem li jkun imqabbad jaħdem fl-għelieqi, flok ħlas bil-flus, ta’ spiss kien jitħallas b’porzjon żgħir tal-prodott li jkun ħasad jew ħadem fih, (eż., ħemel wieħed jew aktar mill-istess prodott). Jiġifieri, jekk dan il-ħaddiem ħasad il-qamħ jew ix-xgħir, dan kien intitolat, skont il-ftehim, għal nitfa ta’ porzjon żgħir minnu. Anki min kien jagħmel xogħol ieħor, bħal ngħidu aħna xogħol ta’ kostruzzjoni, flok flus kien jitħallas b’ikel – ikla kuljum li l-ħaddiem u min jimpjegah kienu jaqblu li kien dovut bi dritt bħala ħlas.
Sors ieħor ta’ informazzjoni huma d-dokumenti ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-bini tal-knisja tal-Mosta (1833 – 1860). Il-ħlas lill-bennejja kien ivarja. Bosta mill-ħaddiema kienu jitħallsu daqs 24 ħabba kuljum (żewġ soldi). Oħrajn kienu jitħallsu skont kemm il-barkata jiġifieri knaten, kienu jtellgħu biex tinbena l-knisja. Dawn kienu jitħallsu 3 karnijiet (żewġ soldi u nofs) kull barkata. Il-kapumastru li kien jissorvelja x-xogħol tal-bennejja għall-ewwel (1833 u s-snin ta’ wara) kien jitħallas 6 irbgħajja u karlin. Fl-1842, dan l-istess kapumastru kien talab, u ngħata ż-żieda, u beda jitħallas skud kuljum (xelin u tmien soldi). (E. B. Vella, 1930).
Il-flus barranin li bihom kienu jikkummerċjaw il-Maltin
Kif ġa semmejt, matul bosta deċennji tas-seklu dsatax, f’Malta kienu jiċċirkolaw bosta muniti barranin, l-aktar ta’ dawk il-pajjiżi li l-Maltin kienu jagħmlu l-kummerċ magħhom. Fosthom kien hemm:
Il-BAJOKK Munita tal-fidda li kienet tiswa tnax-il dinar. Din kienet munita li fis-seklu dsatax bdiet tiċċirkola fl-Istati tal-Papa, kif ukoll fi Sqallija. Fis-sena 1865, din il-munita ma baqgħetx tkun mitbugħa għax il-Vatikan kien iddeċieda li jintroduċi l-flus bis-sistema deċimali kif kienu qegħdin jagħmlu dak iż-żmien, bosta pajjiżi Ewropej. Minflok il-bajokk kien daħal is-sold. Il-bajjokk isemmieh F. Vella, fid-Dizionario Portatile (1843). Ara: SOLD. Tal. baiocco.

Il-Bajjokk tal-Vatikan
ID-DUBLUN Munita Spanjola tad-deheb. Kienet tiswa 2 escudos jew 32 real. Bl-Ispanjol magħrufa bħala, Doblon, bil-Franċiż, Doubloon. Minħabba l-kummerċ bejn Malta u Spanja, speċjalment fil-qasam tal-esportazzjoni tal-qoton lejn dan il-pajjiż, din il-munita kienet valuta aċċettata f’Malta kemm fi żmien l-Ordni, kif ukoll fi żmien l-Ingliżi matul is-seklu dsatax. Fi flus Maltin, id-dublun kien jiswa daqs 40 skud.

Il-GORDA Din il-munita jsemmiha l-kittieb u drammaturgu, P. P. Catagna, fil-kitba tiegħu għall-palk, ‘It-Tliet Għomi Vagabondi Ħallelin’ (1891). Hu jsemmi l-foqra fit-toroq li kienu jaqilgħu l-gordi, (Marco Galea, 1999). Etim. gorda bl-Ispanjol tfisser, ‘ħoxna’. Fl-1869 u 1870, fi Spanja kienu ħarġu muniti ġodda, fosthom waħda tar-ram tal-għaxar centimo. Din kellha ljun fuqha. Xi nies immaġinaw li din il-figura ma kinetx ta’ ljun imma ta’ kelb oħxon. B’hekk din il-munita tlaqqmet perra gorda – kelba ħoxna, u l-munita baqqgħet tissejjah, hekk.

Il-Gorda Spanjola
IN-NAPULJUN Munita tad-deheb Franċiża. Kienet tissejjaħ hekk minħabba l-wiċċ ta’ Napuljun it-Tielet (President ta’ Franza 1848 – 1952 / Re u Imperatur ta’ Franza 1852 – 1870), li hemm stampat fuqha. Din kienet waħda mill-muniti li kienet tiċċirkola l-aktar fis-settur tal-kummerċ Malti mal-barranin. Din il-munita tissemma wkoll fil-kummiedja li ġa semmejt, ‘It-Tliet Għomi Vagabondi Ħallelin’ (1891): ‘[…] Muntiera bil-flus għal Peppu. Ħbiżtejn u qartas b’għaxar napuljuni għal Gori […] ’. Imbagħad f’p. 210 insibu hekk: […] lira Franċiża, b’Napuljun fin-nofs, bil-muskettiera taħt leħitu […]’. (Marco Galea, 1999).


Il-PATAKKA Din il-munita kienet tiswa erba’ rbgħajja, (80 ħabba). – jew, sitt soldi u tmien ħabbiet. Vincenzo Busuttil isemmiha fid-dizzjunarju tiegħu (1900) bħala waħda mill-muniti li baqgħet fl-idejn sa żmienu. Biż-żmien, il-valur ta’ din il-munita naqas ħafna u isimha sar sinonimu ma’ oġġett li ma jiswa kważi xejn, jew anki ma’ munita falza. (E. Serracino Inglott jgħid li din il-munita kienet issarraf daqs tliet tari jew tnax il-BAJJOKK, u fi żmien l-Ingliżi daqs ħames soldi). Tal. Patacca. Fr. Pataque; Sp. Pataca. Fil-kummiedja, ‘Żwieġ ġol-Mandraġġ’ (1871), ta’ Pietru Pawl Pellegrini, Grezzja tgħid lil Luret, ‘[…] X’jidhirlek minn dawn il-par imsielet? Infaqt tiegħu ħdax-il skud u patakka […]’. (Marco Galea, 1999).

IS-SOLD Isem li bih il-Maltin kienu jsejħu l-penny Ingliż. Is-sold kien ekwivalenti għal tnax-il ħabba. Tnax-il sold kienu jiswew xelin (Ing. shilling). Mitejn u erbgħin sold kienu jiswew lira Ingliża. Jidher li minkejja li s-sold kienet munita Ingliża, it-terminu n-nifsu ġej mit-Taljan. Fl-Italja, bejn il-perijodu Napoleoniku u l-ħolqien tal-istat Taljan (1870), is-soldo kien valuta legali f’forma ta’ munita tar-ram. Billi l-penny Ingliż kien ukoll munita tar-ram, dan ix-xebh seta’ influwenza lin-negozjanti Maltin li kienu jagħmlu l-kummerċ mal-Italja u Sqallija, biex isejħu l-munita Ingliża l-ġdida, sold. Idj. Etim. Tal. soldo; final. mil-Lat. soldus jew solidus.


Il-Penny tal-1827 – magħruf bħala s-sold
Kemm kienu jiswew il-muniti Ingliżi
| Crown / 5 shillings | Uqija / 3 skudi |
| Half Crown / 2 shillings 6 pence | tmintax irbiegħi / skud u nofs |
| 1 Shilling | 12-il sold / 7 tari u 4 ħabbiet |
| Sixpense | 6 soldi / 4 irbgħajja |
| Threepence / thruppence | 3 soldi tal-fidda (fl-1937 saret munita forma ta’ skorfina) |
| 1 Penny | 12-il ħabba |
| Half Penny | nofs sold / 6 ħabbiet |
| 2 pennies h/penny | 3 karnijiet (proprjament karlinijiet) |
| 1 farthing | 3 ħabbiet |
| One third farthing | ħabba |
Il-flus Maltin kienu jinqasmu hekk:
Skud wieħed 12-il tari = 1 shilling eight pence
Rbiegħi waħda 20 ħabba (grains)
4 irbgħajja 80 ħabba (grains) + 6 pence
9 irbgħajja 1 shilling 3 pence
© Martin Morana
5.09.2023
Ħajr tal-kollaborazzjoni lill-Malta Numismatic Society, b’ringrazzjamnent speċjali lill-Kaptan Colin Formosa.
Bibliografija
Galea Marco, It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax – It-tieni Volum. Mireva Publications, 1997.
Clare Arthur G., ‘Features of an Island Economy’, The British Colonial Experience, 1800 – 1964. Ed. V. Mallia Milanes. Mifreva Publications. 1988.
Miège Dominique, L’Histoire de Malte. M.J. Gregoire & V. Woutre, Brusselles. 1841.
Sammut Joseph C., ‘Withdrawal and disposal of the coins of the Order’, The Sunday Times of Malta, December 3, 2000.
Sammut Joseph, ‘The story of the Maltese ħabba or grano’. Heritage Encyclopedia, Vol. 1.
Vella E.B., Storja Tal-Mosta bil-Knisja Tagħha, Empire Press. 1930.
Currency in Malta XXth Anniversary Commemorative Exhibition 19th – 29th April 1988. Central Bank of Malta.
Currency in Malta – A Brief History. Central Bank of Malta. 1986.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-ISTESS AWTUR
ikklikkja hawn …
