IS-SEĦER TAL-GĦAJN

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

It-twemmin fl-għajn matul is-sekli

Introduzzjoni

F’bosta kulturi, kemm dawk tal-passat kif ukoll dawk preżenti, jemmnu fil-qawwa tal-għajn li tista’ tkun trasmessa minn bniedem għal ieħor, jew lejn annimali, pjanti jew affarijiet oħra, kemm biex tagħmel it-tajjeb kif ukoll il-ħażin. Dan it-twemmin imur lura għal żmien iċ-ċiviltà fil-Mesopotamja, madwar 3,000 Q.K. Il-qawwa sopranaturali tal-għajn tista’ tkun ġejja direttament mill-allat jew l-ispirti li n-nies jemmnu fihom, biss tista’ tinsab ukoll fil-bniedem komuni li jixtieq u kapaċi jagħmel il-ġid jew id-deni.

Għajnejn l-allat fuq il-bniedem

L-Eġizzjani ta’ żmien ir-renju tal-faragħuni (2686 – 30 Q.K.) kienu jemmnu fl-għajn bħala qawwa li ġejja direttament mill-allat. Din kienet taffettwa kemm in-natura kif ukoll il-bniedem. Is-simbolu tal-għajn kien assoċjat mal-alla Ħorus, raffigurat bħala seqer, jew forma ta’ bniedem b’ras ta’ seqer. Dan kien jipproteġi l-bniedem anki wara mewtu u għalhekk r-rappreżentazzjoni tal-għajn ta’ Ħorus tidher bosta drabi fl-oqbra tal-faragħuni. Dan is-simbolu kien magħruf bħala wadjet jew ugiat u kien jintlibes bħala talisman biex jagħti s-saħħa u jipproteġi kontra l-mard.

Fit-tempji megalitiċi ta’ Malta wkoll seta’ ntuża s-simbolu tal-għajn kif jindikaw il-forom ta’ xi wħud mill-ispirali li nstabu mnaqqxa fuq il-ġebel, bħal dawk li hemm f’Ħaġar Qim u fit-tempju ta’ Ħal Tarxien. Dawn l-ispirali huma mxebbha ma’ par għajnejn li setgħu għamluha ta’ għassiesa tal-partijiet sagri tat-tempju. Din hi t-teorija tal-istudjużi tal-arkeoloġija, biss għadha m’hix ippruvata.

Jekk fuq dan għad hemm id-dubbji, mhux l-istess nistgħu ngħidu dwar is-simbolu tal-għajn li ġabu magħhom il-Feniċi. Dan kien l-istess simbolu li l-Eġizzjani kienu jużaw biex jipproteġihom, għax il-Feniċi, barra li kellhom l-allat tagħhom, kienu wkoll jemmnu fl-allat u simboli Eġizzjani. Dan is-simbolu ġabuh magħhom madwar seba’ mitt sena Q.K. u fis-sekli ta’ wara. F’Malta instabu amuletti jew taliżmani f’siti arkeoloġiċi, fosthom f’tal-Ħorob, Għawdex. Sal-lum għadna naraw l-għajnejn fuq il-pruwa tal-luzzijiet li għandhom mnejn kienu xi darba influenzati jekk mhux mill-Feniċi, min-nies oħra tal-Mediterran.

Il-qawwa tal-għajn fil-bniedem 

 L-għajn hi maħsuba wkoll li tkun trasmessa mill-bniedem li kapaċi jipproduċi minnu n-nifsu, indipendentement mill-allat jew mix-xitan. It-twemmin fl-għajn ħażina hu mifrux tista’ tgħid mad-dinja. Fil-Ġermanja din hi magħrufa bħala Die Böse Blick, fil-pajjiżi Anglo Sassoni, bħala the Evil Eye, u fl-Italja bħala l-malocchio. Tisma’ lil min jwiddeb, ‘attent minn dak, għax dak jgħajjen!’ Jew ‘dak il-bniedem hu ta’ intern ħażin’, bħalikieku l-ħażen twieled u kiber miegħu.    

Għalkemm l-għajn ma tidħol xejn fit-twemmin tal-Knisja Kattolika li l-Maltin ilhom isegwu għal mijiet tas-snin, bosta huma dawk li kienu u għadhom jemmnu fil-ħażen li ċerti nies jiġġeneraw minnhom infushom u li kapaċi jużawh billi jwaddbu l-magħmul lejn dak li jkun. Intant, din l-enerġija mhux dejjem tkun użata konxjament minn dak li jippossediha; kultant, skont it-twemmin superstizzjuż, din tista’ tkun iġġenerata minn xi ħadd li hu stess ma jafx qiegħda ġo fih. Fi kliem ieħor wieħed jista’ jagħmel il-magħmul mingħajr ma jkun jaf li qiegħed jagħmlu. Antikament, jekk bniedem kien ikollu għajnejn żoroq, ħodor, inkella suwed u kbar, jew xi ħadd li miskin jinzerta werċ, malajr kien jiġi ttimbrat li għandu l-kapaċità li jisħet u jagħmel il-magħmul.

Biex il-magħmul jaħdem, dak li jagħmlu ikun jaf, jew iltaqa’ mal-vittima, bħal ngħidu aħna, xi ħadd li għandhu għaliha, kemm jekk miġġieled magħha kemm għax għajjur għaliha u għalli għandha. Għad hawn ommijiet li jibżgħu mill-kumplimenti li nies jagħmlulhom lejn it-trabi tagħhom. Hawn minn jitmeżżeż meta xi ħadd iħares lejn it-tarbija u jfaħħar is-sbuħija tagħha ma’ ommha. Ta’ b’xejn l-omm ma’ tissuspettax li dak il-kumpliment sar b’intenzjoni ħażina. Hawn min, fil-premm tat-tarbija, jaħbi xi labtu jew xi werqa żebbuġa li hu mifhum li jipproteġu t-tarbija kontra l-għajn (G. Lanfranco, 2017). Inkella biex it-trabi jkunu protetti mill-għajn ħażina, l-ommijiet kienu jdendlulhom baħbuħa (Ing. cowrie shell) ma’ għonqhom (Cassar Pullicino, 1992). Il-persuna li tagħti kumpliment lil dak li jkun għandha mill-ewwel iżżid fl-istess ħin il-frażi, ‘Alla jbierek!’ biex b’hekk mat-tifħir ikun hemm inkluż l-isem u l-barka t’Alla. F’każ ta’ suspett minn xi għajn ħażina, hawn min joħroġ is-saba’ l-werrej u saba’ ż-żgħir, biex jagħmel il-qrun, għax dan is-simbolu għandu l-qawwa li jitfa’ lura l-ħażen min fejn ikun ġej.

Il-bdiewa, ukoll jibżgħu minn xi għajn ħażina li xi ħadd jittanta jitfa’ fuq il-bhejjem jew fuq l-uċuh tar-raba’. Bosta kienu, u xi wħud għadhom idendlu qrun ta’ barri fuq il-bieb tar-razzett biex jipproteġu lilhom infushom u dak kollu li jippossjedu. Lill-baqar kienu wkoll idendlulhom qanpiena żgħira, jgħidulha n-naqus, biex din iżżomm l-għajn ħażina ’il bogħod minnhom. Kienu wkoll iħobbu jbaħħru r-razzett u l-bhejjem tagħhom (Cassar Pullicino 1992).

It-tbaħħir kontra l-għajn ħażina

It-tbaħħir kien u għadu jsir ukoll fid-djar wara li n-nies tiddobba xi ftit weraq taż-żebbuġ waqt il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm. F’Sibt il-Glorja dan ikun maħruq f’taġen biex wara jduru bit-taġen idaħħan, u jsir it-tbaħħar mad-dar kollha minn fuq sa isfel, ħalli d-dar tkun ippurifikata minn enerġija negattiva, xi spiriti ħżiena, u anki jkun skansat xi magħmul. Kontra l-għajn kienu jżidu xi ftit melħ jew ras ta’ tewma. Hawn min kien jgħid il-kredu jew inkella jżid, ‘jekk hawn xi għajn ħażina toħroġ …!’. Din tat-tbaħħir hawn min kien jagħmilha mal-mota tal-Ħamis (G. Lanfranco, 2017). Apparti t-tbaħħir kien hawn drawwa oħra, dik li jimlew bomblu bl-ilma u jqiegħduh fl-intrata tad-dar, għax kienu jemmnu li jekk xi ħadd li jgħajjen jidħol f’darek, l-għajn ħażina tinġibed mill-ilma fil-bomblu u prova ta’ dan il-bomblu jinfaqa’. (Angelo Dougall, 1995). Kontra l-għajn kien hemm anki xi ġakolatorja, bħal ngħidu aħna: ‘San Barnabaw, daħħal l-għajn it-tajba u oħroġ il-ħażina minn hawn’, jew, ‘San Pawl ta’ Ruma jekk hawn xi għajn reġġagħha lura (G. Lanfranco, 2017).

Pietru Pawl Castagna, drammaturgu u studjuż tal-istorja u s-soċjetà Maltija (1827 – 1907), jgħid li fi  żmienu, bosta kienu għadhom jemmnu fl-għajn, u waqt li jiddieħek bit-twemmin eżaġerat fis-superstizzjonijiet inġenerali, jammetti li kien jemmen biha ‘[…] jien ukoll wara dawk l-esperjenzi li għaddejt minnhom […]’. Biss, kien jidħak meta jisma’ li biex wieħed jikkumbatti l-għajn ħażina, kien irid jiddobba biċċa mill-ħwejjeġ ta’ min jgħajjen biex jaħraqha u jitbaħħar biha ‘[…] u hekk mad-duħħan tagħha tmur l-għajn ħażina minn fuqu u minn taħtu […]’ (P.P. Castagna, 1863).

L-għajn protettriċi

Is-sajjieda Maltin u Għawdxin għadhom ipinġu l-għajn fuq il-luzzu tas-sajd – illum, pjuttost bl-intenzjoni li jżidu element dekorattiv mad-dgħajsa mlewna tagħhom. Biss il-par għajnejn fuq il-pruwa kienu antikament isiru biex jipproteġu lis-sajjieda minn kull tip ta’ periklu li jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jkunu fuq il-baħar. Fenomenu naturali inkwetanti li s-sajjieda kienu jibżgħu minnu, kienet it-tromba tal-arja – riħ li kien kapaċi jiġi fuqek qisu kolonna ddur fuqha nfisha u tfarraklek il-luzzu jekk ma tgħarrqux ukoll. Mela hawn l-għajn isservi ta’ ġid u mhux ta’ deni. Minkejja li dan it-twemmin superstizzjuż donnu għeb mid-deher, xorta waħda xi sajjieda għadhom ifesfsu bejniethom, bejn ċajt u serjetà, u jgħidu, ‘mingħajr l-għajnejn fuq il-pruwa ma taqbadx ħut!’

© Martin Morana

16 ta’ Novembru, 2023

Biblijografija

  • Bonanno Anthony, Malta – Phoenician, Punic, and Roman. Midsea Books Ltd. 2005.
  • Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press, 1992.
  • Castagna Pietru Pawl, Malta Bil Ghżejer Tahha u Li Għadda Min Għalija. 1863.
  • Dougall Angelo, ‘L-Għajn u l-Bomblu’, L-Imnara nu. 19, 1995.
  • Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.
  • Maple Eric, ‘Eye’, Man, Myth and Magic Encyclopedia. Ed. Richard Cavendish.
  • Zarb Tarcisio, Folklore of an Island. Publishers Enterprises Group. 1998.
A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

PUBBLIKAZZJONIJIET tal-istess awtur …

Leave a comment