PORTIJIET FIL-MEDITERRAN
b’konnessjoni storika ma’
MALTA
Mill-eqdem żminijiet, il-Maltin kienu kontinwament jikkumerċjaw ma’ pajjiżi oħra fil-Mediterran, kemm biex jimpurtaw il-ħtiġijiet tagħhom, bħal ma kien il-qamħ u l-injam kif ukoll biex jesportaw il-qoton u l-kumin fost affarijiet oħra. Fi żmien meta l-Ordni ta’ San Ġwann kien il-ħakkiem ta’ Malta, leħaq kien hawn daqs għoxrin konslu f’Malta li kienu jmexxu n-negozju tagħhom u ta’ nies oħra minn pajjiżhom (V. Mallia Milanes, 1993). Fl-istorja twila ta’ Malta, kienu aktarx il-ħakkiema barranin milli l-Maltin li kienu jiddeċidu ma’ min seta’ jsir il-kummerċ u ma’ min kellna nkunu ħbieb jew għedewwa.
Hawn taħt qiegħed nippreżenta paragrafi żgħar b’informazzjoni dwar il-portijiet fil-Mediterran u xi oħrajn fil-qrib u l-konnessjoni tagħhom ma’ Malta matul is-sekli. F’din il-lista ser naraw kif il-baħar li jiżola lill-gżejjer Maltin fiċ-ċentru tal-Mediterran, kien ukoll kapaċi jgħaqqad lil Malta mal-qbija tal-pajjiżi l-oħra, kemm għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin. Il-lista tal-portijiet hi ppreżentata b’mod alfabetiku.
—–
AGRIGENTO, LICATA u GELA Belt li tinsab fin-Nofsinhar ta’ Sqallija li fi żminijiet antiki kien isservi bħala l-ewwel port biex issir waqfa għall-baħħara Maltin u ta’ kummerċ għan-negozjanti li kienu qed jivvjaġġaw lejn il-Punent ta’ Sqallija u anki ħafna drabi aktar ‘il bogħod minn hekk. Din il-belt antikament kienet magħrufa bħala Girgenti isem li hawn bħalu f’Malta fl-inħawi tas-Siġġiewi. Fi żmien il-medjuevu, lil hinn minn Agrigento, aktar lejn il-Lvant imma dejjem mal-kosta tan-Nofsinhar, kien hemm żewġ portijiet li kellhom kuntatt għal skopijiet ta’ kummerċ ma’ Malta. Dawn kienu Licata u Gela, (din tal-aħħar kienet magħrufa bħala Terranova). Minn hawn il-Maltin kienu jimpurtaw il-qamħ u ċ-ċiċri. Min-naħa tagħhom in-negozjanti Maltin f’kull port imsemmi kienu jbigħu il-qoton (Henri Bresc, 1991).


ALICANTE Port fi Spanja li jinsab ’l fuq minn Andalusija. Tissemma kemm-il darba għal konnessjoni ma’ Malta l-aktar minħabba l-esportazzjoni tal-qoton minn Malta. Minn hemm kien impurtat l-inbid li jġib l-istess isem. Intant ir-reġjun ta’ Andalusija kien magħruf sew mal-Maltin. Mikiel Anton Vassalli fid-dizzjunarju tiegħu Ktyb Yl Klym Malti – jew kif inhu magħruf bħala l-Lexicon (1796), iniżżel isem dan ir-reġjun kif kien isejħulu l-Maltin ta’ żmienu bħala Indlusija. F’dan ir-reġjun kienu u għadhom isiru purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, fl-istil ta’ dak li nafu bihom aħna. L-istatwi tagħhom huma mogħnija b’ilbies ta’ veru bħal ma huma dawk tal-Birgu u xi postijiet oħra. Dan x’aktarx ifisser il-vjaġġaturi Maltin kienu ispirati minn dak li raw hemm u għamlu bħalhom.

AWGUSTA Port fi Sqallija, li jinsab mal-kosta bejn Catania u Sirakuża. Hawn, għal ħafna żmien, l-Ordni ta’ San Ġwann kellu l-imħażen u magħhom forn tas-Sinjorija (jiġifieri tal-Ordni) fejn kienu jissajru l-galletti wara li kienu jkunu ppreparati f’Malta għall-baħrin ta’ fuq ix-xwieni tal-Ordni. Dawn il-galletti kienu jittieħdu biex jissajru fil-fornijiet ta’ Awgusta minħabba li f’Malta ma kontx issib biżżejjed injam biex tbaqqab dawk il-fornijiet għal produzzjoni ta’ kwantità hekk kbira kif meħtieġ. Meta seħħ it-terrimot tal-11 ta’ Jannar tal-1693 fi Sqallija fejn kienu mietu eluf kbar ta’ nies, kienu mietu wkoll bosta Maltin li inzertaw f’din il-belt. Ħafna minnhom kienu baħħara tax-xwieni tal-Ordni li nzertaw kienu hemm. Tant mietu baħrin u qaddiefa li l-Ordni talab lill-Papa biex jibagħat numru kbir ta’ lsiera għax ma kellux biex jarma x-xwieni aktar (M. Ellul, 1993). Mijiet tas-snin wara, mill-istess inħawi fit-Tieni Gwerra Dinjija, wara li Mussolini ddikjara gwerra fuq Franza u l-Ingilterra, kienu ta’ spiss itiru skwadri tal-Aeronatica Militare Italiana u wara xi ftit xhur, dawk tal-Luftwaffe Ġermaniża biex jattakkaw lil Malta. B’kollox Malta kienet attakkati mill-ajru daqs 3,300 darba. Fis-26 ta’ Lulju tal-1941 kienu wkoll lelqgħu minn hawn diversi biċċiet tal-baħar biex jattakkaw il-Port il-Kbir. Dan l-attakk u magħruf l-aktar bħala l-E-Boats attack. Ara: E-BOATS.


BARĊELLONA Fi żmien l-Ordni, kien isir ħafna kummerċ ma’ din il-belt fi Spanja l-aktar bil-bejgħ tal-qoton li l-Maltin kienu jesportaw hemm. Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) jinkludi isem din il-belt fid-dizzjunarju tiegħu biss isejħilha Balzrona (1796). Bosta jsostnu li fl-akkwati tal-Furjana magħrufa bħala ta’ Balzunetta kienu jgħixu xi nies minn Barcellona. Jista’ jkun li Balzunetta hi msemmija hekk għax xebh tagħha li l-Maltin kienu jaraw f’Barceloneta, lokalità fis-subborgi ta’ Barcellona fi Spanja, għax l-isem donnu iżjed jogħqod. Intant ara ir-ritratt ta’ triq f’Barceloneta li tixbah lil waħda minn dawk li hemm il-Furjana.

BONA Idjoma popolari fost il-Maltin kienet, ‘(dak) ikrah daqs id-dagħa, (jew) daqs il-ħalfa ta’ Bona!’ Dan il-paragun jingħad għal xi persuna jew xi oġġett ta’ kruha kbira. Bona kien l-isem antik ta’ Abbana, port ewlieni fl-Alġerija. Fis-seklu dsatax kienu emigraw eluf ta’ Maltin lejn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq biex isibu x-xogħol. Fl-1865, fl-Alġerija kien hemm daqs 10,000 Maltin, u li wara żdiedu anke sa erbatx-il elf. Fosthom kien hemm komunità mdaqqsa li kienu jgħixu f’Bona. L-idjoma x’aktarx oriġinat mill-fatt li kemm-il darba xi Malti tal-affari tiegħu kien isiefer lejn Bona f’dan iż-żmien li qed insemmu u jisma’ lil xi emigrant Malti jfaqqa’ kliem vulgari dan kien jinħasad u jiġi jgħid bih, għax, ngħiduha kif inhi, li tisma’ kliem faħxi f’pajjiż ’il bogħod minn Malta hi esperjenza li ma tinsihiex malajr.
CAGLIARI Fis-seklu 14, xi Lhud Maltin kienu qed jagħmlu negozju tajjeb billi jitilgħu Cagliari, il-port ewlieni ta’ Sardinja biex ibigħu il-qoton u l-ilsira. Dawn tal-aħħar kienu dawk li jinqabdu mill-kursara Maltin. (S. Fiorini, 2018).

ĊEFALONIA u KORFU Minħabba l-faqar kbir u n-nuqqas ta’ xogħol li kien hawn f’Malta fl-ewwel deċennji tas-seklu dstatax, il-gvern Ingliż beda jħajjar lill-Maltin biex jemigraw. L-ewwel ma bdew jemigraw kien lejn il-gżejjer Ioniċi li llum jagħmlu parti mill-Greċja, iżda li dak iż-żmien kienu fidejn l-Ingliżi. Fost il-gżejjer fejn marru jsibu x-xogħol il-Maltin kien hemm Ċefalonja (Kefalonja) u Korfu. Dan sar qabel ma bdiet l-emigrazzjoni lejn l-Alġerija u t-Tuniżija. L-esperiment ta’ Ċefalonja ma rnexxiex l-aktar għaliex dawk li bdew jaħdmu bħala bdiewa ma kinux qed jagħmlu qliegħ. Bil-mod il-mod, ħafna mill-Maltin telqu, jew lejn Korfu, fejn ittantaw xortihom għal darb’oħra jew inkella rritornaw lejn Malta. F’naħat oħra tal-Greċja wkoll stabbilew ruħom xi Maltin, bħal pereżempju f’Ateni. Illum f’dawn il-postijiet imsemmija għadek issib dixxendenti ta’ dawn l-ewwel emigranti Maltin fil-Greċja. (Ch. A. Price, 1987).
DUBROVNIK Port li jinsab mal-kosta tal-Kroazja fil-Baħar Adriatiku. Antikament din il-belt marittima kienet magħrufa bħala Raguża. Sa nofs is-seklu erbatax il-port ta’ Raguża kien jagħmel ma’ Venezja. Wara l-1358, din il-belt saret repubblika indipendenti u malajr bdiet tistabbilixxi ċertu kummerċ ma’ pajjiżi oħra fil-Mediterran. L-Ordni ta’ San Ġwann kien ta’ spiss jimporta l-injam maqtugħ mis-siġar ta’ hemm li kien tant meħtieġ għal-flotta. Raguża tissemma bosta drabi b’konnessjoni ma’ Malta u kemm-il darba niżlu iġfna minn Raguża bil-merkanzija meħtieġa f’Malta.

ĠENOVA Fl-1106, il-Maltin kienu jesportaw kwantità kbira ta’ qoton lejn il-port ta’ Ġenova. Minn hemm imbagħad kien impurtat tip ta’ drapp ‘panni de Genua’. Fi żmien il-medjuevu Malta kienet attakkata kemm-il darba mill-kursara ta’ Ġenova. Fl-1274, kursara minn Ġenova attakkaw lil Għawdex u ħarbtu kull ma kien hemm. Fl-1371, kien seħħ attakk ieħor fejn il-pirati kienu mill-istess belt marittima ta’ Ġenova (S. Fiorini, 2018). Intant fi żminijiet differenti tal-perijodu medjevali, Malta kienet ukoll maħkuma minn diversi konti Ġenoviżi, fosthom dawk li użaw lil Malta bħala bażi għal piraterija – bidu tas-seklu tlettax. Fost dawn l-aktar famuż kien il-Konti Enrico Pescatore. L-Ordni ta’ San Ġwann kellu relazzjonijiet tajba ma’ Ġenova. Fl-1601 kien ikkomissjonaw żewġt ibwieq tax-xwieni (pl. ta’ BUQ) biex jinbnew fit-tarzna ta’ hemm (Ivan Grech, 2018).

ĠIBILTÀ Din l-art li tinsab fit-tarf tan-Nofsinhar ta’ Spanja. Fis-sena 711, Ġibiltà invadewha l-Arab immexxija mill–kmandant Tarik u għalhekk saret magħrufa bħala Ġebel Tarik li tfisser il-muntanja ta’ Tarik. Intant, Mikiel Anton VassallI (M.A.V.) jagħti l-mod ta’ kif kien jingħad l-isem ta’ din roqgħa art bil-muntanja ismu bil-Malti, Ġibiltar u bil-Latin, Mons Taric (1796). Fl-1713, bit-trattat ta’ Utrecht, Ġibiltà saret ‘territorju barrani Ingliż’. Fi żmien l-Ingliżi f’Malta, Ġibiltà kienet l-aħħar art fejn kienu jieqfu l-bastimenti wara li jsalpaw mill-portijiet tar-Renju Unit, qabel ma jkomplu triqthom lejn Malta. Għalhekk il-kuntatt bejn iż-żewġ artijiet fis-seklu dsatax kien frekwenti u bosta Maltin li kienu ingaġġati mal-flotta Ingliża kienu għaldaqstant imdorrijin jinżlu l-art tant li xi Maltin spiċċaw anki jgħixu hemm b’mod permanenti. Illum, daqs tmienja fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Ġibiltà, li tlaħħaq mat-30,000 ruħ, hi ta’ dixxendenza Maltija. Ara: MAKAKK.

ĠERBA Gżira żgħira li tagħmel mal-kosta tat-Tuneżija. Kienet magħrufa sew mill-Ordni ta’ San Ġwann għal raġunijiet diversi, mhux l-inqas għaliex mhux l-ewwel darba li l-kursara ta’ Ġerba attakkaw lil Malta. L-Ordni ta’ San Ġwann min-naħa tiegħu għamel l-istess lil din il-gżira. Jingħad li fuq din il-gżira, għad hemm jgħixu xi Maltin dixxendenti ta’ dawk li xi darba nħatfu bħala lsiera u meħuda hemm. Maltin oħra marru hemm minn jeddhom fis-seklu dsatax, meta ħafna bdew jemigraw lejn it-Tuneżija. Illum, Ġerba hi magħrufa l-aktar mal-Maltin għal ‘ful ta’ Ġerba’. Intant, interessanti l-fatt illi n-nies tal-Birgu jgħidulhom Ġirbin. Hawn min jgħid li hemm xi konnessjoni bejn Ġerba u n-nies tal-Birgu.
ISTANBUL Din il-belt tinsab fil-kosta tal-Istrett tad-Dardanelli u l-Baħar ta’ Marmara. Storikament din il-kapitali tal-Imperu Ottoman kienet l-għadu ewlieni tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kien is-Sultan Suleiman II, li mill-palazz tiegħu f’Istanbul ordna li jsir l-attakk fuq Malta mill-qawwiet Ottomani, fl-1565. Gianpietro F. Agius de Soldanis (1712 – 1720), fid-’Dialoghi’ jgħid hekk: ‘[…] Ma nistax nemmen li qatt jiġu [it-Torok]; Stambur wisq bogħod minn Malta […]’. Intant M.A.V. ukoll isejjaħ din il-belt bħala Stambuli (1796). Intant, daqs 150 sena wara, jiġifieri min-nofs is-seklu dsatax lil hinn, il-Maltin jgħixu hemm kienu jlaħħqu daqs 2,000 ruħ, din id-darba dawn ma kinux ilsiera maqbuda minn fuq ix-xwieni, iżda Maltin mħeġġa mill-gvern Ingliż biex jemigraw hemm. (Ch. A. Price, 1989).

KRETA Gżira li antikament kienet magħrufa bħala Kandia. Għal bosta snin din il-gżira kienet f’idejn ir-Repubblika Venezjana. Ix-xwieni tal-Ordni kienu ta’ spiss jagħmlu użu minn din il-gżira bħala bażi biex minn hemm joperaw il-korso, jiġifieri, l-avventuri tal-piraterija u jattakaw l-imriekeb Ottomani. Kien anki minħabba f’hekk li 1648-1669 Kandja sfat assedjata kemm-il darba mill-qawwiet tas-Sultan Ottoman. Għalhekk mhux ħaġa tal-għaġeb li l-Ordni ta’ San Ġwann kien ingħaqad f’alleanza ma’ Venezja u bagħat hemm il-kavallieri tiegħu u suldati Maltin biex jgħinu lill-Venezjani jiddefendu din il-gżira.

LAMPEDUSA Gżira li tinsab daqs 165 kilometru ’l bogħod, fil-Lbiċ ta’ Malta. Agius de Soldanis ( 1720 – 1769) jagħti dan l-isem bħala Lendusa. Hu jgħid li x-xwieni tal-Ordni kienu jmorru hemm ta’ spiss. Dan hu minnu għax il-kaptani tal-iġfna tal-Ordni kienu jissoponu li jiltaqgħu ma’ xwieni tal-korso mill-Barbarija u kienu jkunu lesti biex jiġġildulhom. De Soldanis jgħid li darba minnhom xi mirkeb tal-Ordni kien ġarr minn hemm ‘l-Istatwa tal-Grotta’ lejn Trapani biex tkun mħarsa hemm. Hu jgħid ukoll li fuq din il-gżira kien hemm ħafna baqar, nagħaġ, fniek u fkieren (R. Carabott Ed., 2016).

LIXANDRA Belt marittima fl-Eġittu. Il-ġifen li fuqu rikeb San Pawl biex jitlaq minn Malta lejn Ruma kien minn dan il-port (Atti Kap. 28: 11-15). Dan għandu mnejn jindika li anki fi żmien meta Malta kienet taħt Ruma, kien hawn kummerċ bejn Malta u Lixandra x’aktarx ibbażat fuq l-importazzjoni tal-qamħ. Fi żmien l-Ingliżi din il-belt marittima kienet importanti għall-komunikazzjoni bejn l-Ingilterra u l-Indja. Sakemm il-kanal tas-Swejz kien għadu ma nfetaħx, kull min ried jivvjaġġa lejn l-Indja kien irid jiżbarka f’dan il-port u jaqbad trasport tal-art biex jasal fil-Baħar l-Aħmar fejn imbagħad kien jirkeb fuq bastiment ieħor li jwasslu fl-Oċean Indjan. Eluf ta’ Maltin kienu mħajra mill-amministrazzjoni Ingliżi biex jemigraw hemm biex isibu x-xogħol. Hekk ġara. Aparti dawn kien hemm eluf ta’ Maltin oħra fil-Kajr, u oħrajn imxerrda f’komunitajiet, l-aktar meta fl-1865 kien beda x-xogħol fuq il-Kanal tas-Swejz li tlesta fl-1869. Ħafna mill-ħaddiema spiċċaw

baqgħu hemm u tellgħu l-familji tagħhom jgħixu magħhom. Leħaq kien hemm mal-4,000 Malti jgħix f’Lixandra. Dari, f’Malta ta’ spiss kont tisma’ b’nies imlaqqmin bħala ‘Ta’ Lixandra’. Meta fl-1882, l-Ingliżi assedjaw Lixandra, il-Maltin kollha kellhom jerfgħu sorrithom u jirritornaw lejn Malta. Meta mbagħad is-sitwazzjoni kkalmat, ħafna reġgħu marru lura. Sal-1926, il-Maltin tal-Eġittu kienu jlaħħqu b’kollox mal-20,000 (Ch. A. Price, 1989). Fl-1956, fil-Kriżi tas-Swejż, il-Maltin kollha tkeċċew minn hemm u kellhom jiġu Malta.

MARSILJA Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, Marsilja kien port importanti immens għaliex hawn kien il-port fi Franza minn fejn il-maġġorparti tal-bastimenti kienu jivvjaġġaw biex jiġu Maltaa. Fi żmien l-Ordni bosta bastimenti Franċiżi bbażati hawn kienu jkunu fornuti bl-ilsiera li kienu jinbigħu minn Malta, biex jservu ta’ qaddiefa fuq ix-xwieni Franċiżi. Fi żmien l-Ingliżi, Marsilja baqgħet port ta’ importanza kbira meta wieħed kien irid jivvjaġġa bil-baħar lejn Malta. Mill-1880 ‘il quddiem Marsilja bdiet tiġbed ħafna emigranti Maltin biex imorru hemm biex isibu x-xogħol u sa 10 snin wara kien hemm mal-500 Malti jgħix hemm (Ch. A. Price (1989.) Xi statwi tal-knejjes li jintrefgħu fil-festi f’Malta huma magħmulin f’Marsilja għax dawn kienu ntogħġbu ħafna. Fost dawn l-istatwi insibu (i) l-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura tal-Gudja, (ii) dik ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop, (iii) dik tal-Madonna ta’ Loreto, f’Għajnsielem (iv) tal-Kunċizzjoni tal-Qala (v) San Pietru u San Pawl tan-Nadur u (vi) Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Meta fil-Gudja, il-Madonna taċ-Ċintura toħroġ mill-knisja fil-festa tagħha, il-miġemgħa għadha sa llum tinfexx tgħajjat ‘Viva l-pupa ta’ Marsilja.’

ODESSA Kienet tingħad idjoma, ‘dak fih daqs barri ta’ Awdissa’. Din kienet riferenza għal xi bniedem li kien qawwi, mibni saffejn u jarmi s-saħħa. (G. u A. Muscat Azzopardi, (1975). Fis-seklu dsatax, il-Maltin kienu jimpurtaw il-barrin minn Odessa, port qrib il-Krimea, fil-Baħar l-Iswed. Dak iż-żmien, Odessa li llum tagħmel parti mill-Ukrajina kienet tagħmel mar-Russja, imbagħad bejn l-1922 sal-1991 saret parti mill-Unjoni Sovjetika. Minn hawn, fi żminijiet aktar riċenti, beda jkun impurtat il-qamħ.

POZZUOLI Din hi belt żgħira li tinsab mal-kosta, ’l isfel minn Napli. Min kien jagħmel it-traġitt minn Malta lejn Napli kien x’aktarx jieqaf ukoll f’din il-belt. Pozzuoli tissemma fl-Atti tal-Appostli, kapitlu 28, għax San Luqa jirrakkonta li meta l-ġifen kif telaq minn Malta salpa lejn Sirakuża, waqaf Reggio u kompla tiela mal-kosta tal-Italja dritt lejn Pozzuoli biex ikompli l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma. F’din il-belt għad hemm xi fdalijiet ta’ bini ta’ żmien ir-Rumani. Jgħidu li biex inbena l-akwadott ta’ Wignacourt, kienu ġabu trab vulkaniku magħruf bħala pozzolana minn hemm għax kien aktar ideali biex ikaħħlu fis-sod il-ġebel tal-kanal li minnu kien jgħaddi l-ilma bi pressa biex dan ma jiskulax l‘barra. Kien hawn fl-antik idjomi li tgħid, ‘antik daqs ta’ Pizzolu’ (jiġ., Pozzuoli) probabbilment riferenza għal fdalijiet antiki Rumani li min kien jieqaf f’dan il-port kien żgur jinnota. (G. & A. Muscat Azzopardi, 1975). Intant, Erin Serracino Inglott, fil-Miklem juri li ma jaqbilx mat-tifsira li jagħtu dawn u jgħid li l-kelma pizzolu fil-frażi ‘antik ta’ pizzolu’ ġejja mill-Isqalli ‘npizzuolo – da molto tempo – bħal fit-Tal. un pezzuolo.
PANTELLERIJA Gżira żgħira li tinsab daqs 180 kilometru fil-Majjistral ta’ Malta. Fi żmien il-preistorja kien jintużaw f’Malta ġebel iswed ileqq qisu ħġieġ msejjaħ ossidjani li kien inġieb minn din il-gżira. . Din il-ġebla vulkanika taqta ħafna mix-xifer tagħha u għalhekk kienet tintuża għal diversi raġunijiet, fosthom biex jinħadmu skieken jew ponot tal-vleġeġ jew għodda oħra. Fi żmien l-Ordni mhux l-ewwel darba li din il-gżira serviet bħala refuġju kemm mill-kursara tal-Barbarija kif ukoll mix-xwieni tal-Ordni ta’ San Ġwann. Antikament, Pantellerija kienet magħrufa mill-Maltin bħala Qawsra. Oriġ. l-isem bil-Latin kien Cosyra.

SIRAKUŻA Dan il-port, li ġeografikament u storikament kien tant importanti għall-kummerċ bejn Malta u Sqallija. Fi żmien il-medjuevu kien hemm żmien meta Malta kienet taqa’ taħt id-djoċesi ta’ Sirakuża sakemm imbagħad ġiet mgħoddija lid-djoċesi ta’ Palermo. Fl-ewwel nofs tas-seklu ħmistax minn Sirakuża ta’ spiss kienu jkunu impurtati l-aktar, il-qamħ, iċ-ċiċri u l-imbid H. Bresc, 1991. Minn Malta kien esportat il-qoton lejn l-istess belt. Fil-ktieb ta’ Ineż Farruġ l-awtur Anton Manuel Caruana (1889) jirrakkonta hekk: ‘[…] Ma’ nofsinhar daħlu Serquża, ferħan kulħadd li ma ltaqgħu mal-ebda Torok u waslu bis-sliem […]’.
TAORMINA Din il-belt li tinsab bejn Katanja u Messina hi inkluża fid-dizzjunarju ta’ M.A. Vassalli (1796) u jsejħilha Tabernina u Tawermina. Għaldaqstant dan jġagħlna nifhmu li dan kien raħal żgħir li għalkemm mhux ta’ wisq ilqugħ kontra l-maltemp kien magħruf mal-Maltin ta’ żmienu. u S. Fiorini jgħid li fl-1493 kien impurtat minn hawn injam tas-siġar li kienu jikbru fl-inħawi (2018). Minkejja li ma nsibux wisq kitba li turi l-kuntatt tal-Maltin ma’ din il-belt, mhix ħaġa kbira li minn hawn kienu jkunu sfruttati prodotti oħra għaliex l-ambient tal-madwar hu muntanjuż u fertili.

TRAPANI Fis-seklu 15 kien isir ħafna kummerċ bejn Malta u Trapani. Minn din il-belt kien jiġi impurtat anki xi nbid kif ukoll il-korall. Fi Trapani kien hemm kommunità Maltija ta’ daqs 40 ruħ stabbilita sew f’ħafna oqsma tal-ekonomija ta’ Trapani. (A. Cassola, 2011). Fil-Lexion ta’ Mikiel Anton Vassalli (1796) l-isem tal-belt hu Trapna.

TRIPLI Meta r-Re Karlu V ta Malta lill-Ordni ta’ San Ġwann dan kien bil-ftehim li l-Ordni kellu jiddefendi Tripoli milli taqa’ taħt l-Imperu Ottoman. Xorta waħda fl-1551 Tripli waqgħet taħt it-Torok li attakkaw il-fortizza tal-Ordni. Minn hemm salpaw matul is-snin bosta kursara li żbarkaw fil-gżejjer Maltin biex jaħtfu kull ma jsibu u jkaxxkru magħhom ukoll ħafna Maltin bħala lsiera.

TOULON Hawn l-Ordni ta’ San Ġwann ġieli ikkummisjona l-bini tal-iġfna tiegħu. Fl-1705 kienu nbnew żewġ vaxxelli fit-tarzna ta’ Toulon.
TUNEŻ Fi żmien il-medjuevu, Malta kienet attakkata kemm-il darba mill-kursara ta’ Tuneż. Jissemmew dawn id-dati: 1390; 1423, meta inħatfu Maltin bħala lsiera, fosthom l-Isqof ta’ Malta; u 1493. Fl-1655 l-Ordni ta’ San Ġwann attakka lil Tuneż u fis-sena 1605, attakka wkoll il-fortizza ta’ Ħammamet li tinsab ftit lil hinn. Wara l-1842, meta l-immigrazzjoni tal-Maltin lejn l-Afrika ta’ Fuq bdiet sew, kien hemm daqs 3,000 ruħ jgħixu f”Tuneż u l-madwar. (Ch. A. Price, 1989).
VENEZJA Lejn l-aħħar tas-seklu sittax l-Ordni kellu prijorat fir-reġjun ta’ Venezja, li b’kollox kien fih 21 komanderija. Minnu l-Ordni kien idaħħal mal-2,000 skud fis-sena. Ta’ spiss kienet tinħoloq alleanza militari bejn ir-repubblika ta’ Venezja u diktal-Ordni bħal ma ġara fil-gwerra mġebbda ta’ Kandja (1648-1669). Il-kummerċ bejn Venezja u Malta kien konsiderevoli. Minn Venezja kien jiġi impurtat f’Malta ħafna injam (twavel) għall-bini u t-tiswijiet tal-bastimenti tal-Ordni. Nafu li bejn l-1697 u l-1713, fil-Port il-Kbir kienu daħlu mat-tletin bastiment Venezjan. Kienu seħħew bosta żwiġijiet bejn Maltin u Venezjani (S. Mercieca, 2006). Minħabba l-kummerċ li kien isir fi żmien l-Ordni, Venezja kellha l-ewwel konslu tagħha f’Malta mill-1723 (V. Mallia Milanes, 1988 u 1993).

© Martin Morana
12.04.2024
Pubblikazzjoniiet ta’ artikli u kotba mill-istess awtur .. ikklikkja hawn ..
Bibliografija
Bresc Henri, ‘Sicile, Malte e Monde Musulman’, Malta – A Case Study in International Cross Currents (Ed. S. Fiorini & E Mallia Milanes). Malta University Publications. 1991.
Carabott Rosabelle Ed., Damma ta’ Klym Cartaġinis fil-Fom tal-Maltin u l-Ghaudcin ta’ Francesco Agius de Soldanis. Kunsill Tal-Ilsien Malti et al. 2016.
Carabott Rosabelle,‘De Soldanis’ Dialogues’, De Soldanis – an Eighteenth Century Intellectual. (Vella Godwin & Vella Olvin Eds.) Heritage Malta & Ministry for Gozo. 2012.
Cassola Arnold, Malta – People Toponomy, Language (4th century B.C. – 1600). The Farsons Foundation. 2011.
Dalli Charles, Malta – The Medieval Millenium. Midsea Books Ltd. 2006.
Ellul Michael, ‘The Earthquake of 1693 – A Historical Survey’, Mdina and the Earthquake of 1693. Heritage Books. 1993.
Fiorini Stanley, ‘Aspects of Malta’s Harbours before 1530’, The Port of Malta. 2018.
Grech Ivan, ‘Dealing with Manpower Shortages in the Mediterranean: The Order of St. John’s Labour Force’s Problems during the long 17th Century’, The Port of Malta. University of Malta. 2018.
Grima Rita, ‘Some Economic Effects of the Crimean War on Malta’, Melita Historica, Vol. VII n. 4, 1979.
Luttrell Anthony, ‘Malta and Dubrovnik Towards the Year 1380’, Melita Historica, Vol 5, no 2, 1969. 158-164.
Mallia Milanes Victor, Descrittione di Malta Anno 1716 – A Venetian Account. Bugelli Publication. 1988.
Mallia Milanes Victor (Ed.), Hospitaller Malta 1530-1798. Mireva Books. 1993.
Mercieca Simon, ‘Marriage Prospects in Early Modern Malta: The Integration of Venetian Subjects in an alien country’. Melita Historica, Vol. XIV n. 3, 2006.
Muscat Azzopardi Gino u Anna , Kif Ngħiduha. Klabb Kotba Maltin (1975).
Price Charles A., Malta and the Maltese – A study in Nineteenth Century Migration. Georgian House Melbourne. 1989.
Vassallo Carmelo & Mercieca Simon (Eds). The Port of Malta. University of Malta. 2018.
Vassalli Mikiel Anton, Ktyb Yl Klym Malti. 1796.
