Annibale Preca (1832 – 1901)
u l-Malti ta’ żmienu
Introduzzjoni
Annibale Preca hu meqjus bħala wieħed mill-pijunieri tal-kitba u l-ortografija tal-Malti. Kien studjuż ta’ diversi ilsna, fosthom dawk Semitiċi. Preca twieled f’Ħal Lija, fl-1832. Bejn l-1852 u l-1860 kien surmast ta’ skola żgħira fil-Mosta. Kien bniedem reliġjuż sa ruħ ommu u f’Ħal Lija kien midħla sew tal-knisja parrokkjali u tal-kappillan tal-istess parroċċa, Dun Mattew Cortis. Spiċċa anki sar prokuratur tal-knisja ta’ Ħal Lija u anki Segretarju tal-Propoganda tal-Fidi.

Ta’ min wieħed iżid li Annibale Preca kien ukoll mitħla ta’ ħu l-kappillan, qassis ieħor, Dun Xand Cortis li nafuh bħala l-awtur ta’ ħafna stejjer umoristiċi, li kien ippubblika f’diversi kotba u perijodiċi, fosthom antaloġija ta’ 29 storja fi Ħrejjef u Ġrajja (sors: Ġorġ Mifsud, 1991). Bejn Annibale u l-aħwa Cortis kien hemm għaldaqstant interessi komuni, dak tal-kitba bil-Malti u dak tat-tagħlim reliġjuż. Tant hu hekk illi Annibale Preca jammetti f’wieħed mill-kotba tiegħu, Storja Sagra, (ir-raba’ volum) li l-informazzjoni dwar il-ħajja tal-Madonna f’Kapitlu XVI ġabarhielu Dun Xand Cortis.
Mhux ta’ b’xejn Annibale Preca ffoka ħafna mill-kitbiet tiegħu fuq temi reliġjużi (J.J. Camilleri, 2003). Ma’ dawn it-tliet persunaġġi għandna wkoll inżidu lil Alfons Maria Galea. Dan kien student ta’ Annibale Preca li għal xi żmien kien jaħdem bħala skrivan ma’ missieru. Meta kiber Alfons kien imħeġġeġ minn Preca biex jippubblika kotba li bihom iħajjar lill-Maltin jaqraw kotba bil-Malti. Preca u Galea spiċċaw biex ikkollaboraw flimkien biex joħroġ il-perijodiku Qari ta’ Mgħodija taż-Żmien, u li fih Preca kkontribwixxa ħafna drabi b’artikli f’bosta edizzjonijijet (A.M. Galea, 1928).
Ix-Xirka Xemija
Preca kien imsieħeb fil-għaqda tal-Malti ‘Ix-Xirka Xemija’ li kienet ħadmet ħafna biex tinħoloq ortografija ġdida u dejjiema tal-Malti. Din l-għaqda nħolqot fl-1880 u fiha barra Preca kien hemm bħala membri, Napuljun Tagliaferro, Dwardu Bellanti, u Dwardu Cachia kif ukoll oħrajn. Ix-Xirka Xemija kienet tħoss li r-regoli eżistenti tal-Malti ma kinux korretti. Fl-1882, l-alfabett imfassal minn din l-għaqda kien aċċettat mid-Direttur tal-Edukazzjoni, Sigismondo Savona. Biss, hekk kif Savona kien irriżenja minn direttur fl-1887, il-kap tal-edukazzjoni l-ġdid dlonk abbanduna dan it-tagħlim u reġa’ żamm mal-alfabett u l-ortografija ta’ qabel (M. Schiavone, 2009). Fost ix-xogħlijiet miktuba minn Preca jispikkaw il-Malta Cananea u li ġie ppublikat wara mewtu (1904). Dan il-ktieb volimunuż ta’ ’l fuq minn 700 paġna jiffoka dwar il-konvinzjoni ta’ Preca li l-ilsien Malti oriġina mill-Feniċju u għalhekk anki mill-Lhudi, għax dawn it-tnejn kienu ġejjin mill-ilsien Akkadji u Aramajk li bihom kien jitkellem Kristu.
L-Erbgħa Volumi tal-Istorja Sagra
Xogħol ieħor importanti ta’ Preca kienu l-erba’ volumi ta’ Storja Sagra, (1895) li fihom jirrakkonta l-istorja bibblika. Fl-erba’ volumi, Preca jirrakkonta mit-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid b’mod pjuttost romantiċizzat waqt li jżomm qrib ħafna dak li hemm miktub fil-Bibbja għalkemm mhux kelma b’kelma. F’dan ix-xogħol Preca jagħmel minn kollox biex iżomm komunikazzjoni diretta mal-qarrej u kontinwament hu u jirrakkonta jgħaddi kummenti tiegħu personali lill-qarrej dwar dak li jħoss għall-avvenimenti u l-imġiba tal-karattri Bibbliċi.
F‘dan ix-xogħol nindunaw li Preca normalment juża dak il-Malti kif mitkellem fi żmienu. Dan jidher biċ-ċar għaliex l-istil tar-rakkont tiegħu tal-Bibbja hu kollokwiju u mhux poetiku, daqs li kieku qiegħed jirrakkonta u jiddiskuti dak li qed jikteb ma’ xi erbat iħbieb. Kultant, meta xi kliem hu kemxejn diffiċli, l-awtur jitfa’ kelma oħra eħfef ħdejha f’parentesi, jew inkella jniżżel xi notamenti dwarha fil-qiegħ tal-paġna.
Kliem u tifsiriet ibsin minn dawn kien hemm bosta. Dawn jien ġbarthom u inkludejthom bit-tifsira kompluta skont dak li stajt nikkonferma kemm mil-kuntest kif ukoll minn xi dizzjunarji, bħal dawk ta’ Joseph Aquilina u ta’ Erin Serracino Inglott. Dawn il-kliem li għalina huma arkajċi tistgħu ssibuhom infilsati fil-paġni tas-sezzjoni ’Enċiklopedija’ ta’ din il-website.
Waqt il-qari ta’ dawn l-erba’ volumi sibt ukoll bosta espressjonijiet li Preca juża li huma ta’ interess sostanzjali bħala tagħrif ta’ kif il-Malti kollokwiju kien mitkellem minn Preca. Għedt ta’ minn dawn nippreżentahomlkom f’dan l-artiklu għal gost tagħkom. Xejn xejn nerġgħu naqilgħuhom mill-kexxun magħluq fejn huma u minsija. Araw daqsxejn b’liema mod il-Maltin kienu jesprimu ruħhom lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. L-espressjonijiet qed inpoġġiehom testwalment u fil-kuntest kif iġibhom Preca. Magħhom, fejn hemm bżonn, tajt it-tifsira kif fhimtha jien. Inkludejt ukoll xi kwotazzjonijiet li bihom l-istess awtur jurina hu stess li dak li kien jingħad fi żmienu jista’ jkun mod f’naħa u mod ieħor fil-bqija tal-gżejjer Maltin. Ma ninsewx li Preca, apparti li kien studjuż kbir u tħallat mas-soċjetà istruwita kien ukoll jgħix f’ambjent pjuttost rurali.
It-test ikkwotat kelma b’kelma mill-kitba ta’ Preca jidher fil-parentesi kwadri – ‘[…]’. Xi tifsiriet żgħar li tajt jien qrib dan it-test huma immarkati b’parentesi differenti – {…}. Il-paġni rriferuti mill-erba’ kotba huma dawk tal-edizzjoniji li ġiet ippubblikata fl-1947 / 48.
ESPRESSJONIJIET
meħuda mill-erba’ volumi tal-Istorja Sagra
- EWWEL KTIEB

MIŻŻ / ŻEWĠEJN Fir-rakkont ta’ Noè u l-arka, naqraw hekk: ‘[…] Minn kull annimal nadif – nagħaġ, għoġol eċċ., [dawk tajba għas-sagrifiċċju] – daħħal miegħu seba’ pari, nisa u rġiel; minn kull annimal miżż, {jiġ. dawk li ma jiswewx għas-sagrifiċċju}, il-ħanżir, iċ-ċawla eċċ., żewġejn […]’, (p. 72)., {jiġ., żewġ pari minn kull speċi}.
—
TGĦABBA BL-INBID Dwar meta Noè, wara li jixrob ħafna inbid, jintilef minn sensieħ naqraw hekk ‘[…] L-imsejken Noè ma kienx jaf li l-inbid jitla’ għar-ras: ġieh mela tajjeb u tgħabba […]’ (p. 76), {jiġ., xorob xarba nbid sew}.
—
FL-AĦJAR TAT-TRIQ ‘[…] Aġar {is-seftura ta’ Abram} u t-tifel tagħha ħarġu lejn ix-xagħra ta’ Bersabea. Fl-aħjar tat-triq {f’nofs il-vjaġġ} spiċċat il-ftit tal-ilma li kellha fil-kus […]’ (p. 88). L-istess insibu fit-tielet ktieb fejn naqraw dwar meta, wara l-mewt tiegħu, Kristu jidher lil żewġ dixxipli li kienu fi triqithom lejn Emmaus: ‘[…] Fl-aħjar {tat-triq} jiltaqa’ magħhom wieħed raġel, mix-xeħta tiegħu frustier sejjer għal triq twila, u ssieħeb magħhom […]’, (p. 230).
—–
LIEMA MNEJN Dwar l-istorja ta’ Aġar u t-tifel tagħha mixjin fid-deżert inkomplu naqraw ‘[…] It-tifel tagħha ħadu l-għatx. Imma liema mnejn iġġiblu ommu? […]’, (p. 88). {jiġ., minn fejn?}.
—–
ININ Imbagħad ‘[…] Aġar, qalbha nqasmet għal binha … kellha toqgħod tħares lejh inin irqiq irqiq […]’, (p. 88)’. {mill-verb NIEN jiġfieri}, beda jitlef is-saħħtu bil-mod il-mod.
—–
DIEB Mill-istess episodju naqraw hekk ‘[…] Ħin bla waqt jidhrilha anġlu … urieha għajn tal-ilma u dieb […]’, (p. 88) {jiġ. ‘għeb, sparixxa’}.
——
ĦAJNA (pl. ħjiena) – Makakkerija. Aġġ. mill-verb ħan. Kelma li A. Preca juża kemm-il darba fl-erba’ kotba. Tfisser ħażen. Malizja. Bniedem ħjieni, hu bniedem kollu ħażen li jagħmel kemm jiflaħ biex idaħħal lil dak li jkun f’xi nassa. “Bla ħjiena” tingħad għal xi ħadd fidil u sempliċi. Mill-verb ħan joħroġ il-verb tat-tieni forma ħajjen. Lagħab u inganna lil xi ħadd. Eż., ‘Is-sajjied ħajjen il-ħut bil-ħniex.’ Qawl: Il-ħajjen ma jurix fiex inhu. (M. A. Vassalli. 1828).
—–
ĦAĠA ĦAĠA A. Preca juża din l-espressjoni flok kif nafuha llum ħaġa muħġaġa. Fl-episodju bibbliku dwar Sansun naqraw hekk: ‘[…] Sab tletin żgħażugħ u qalhom, ‘Ħaġa ħaġa: Minn min jiekol ħareġ l-ikel u mill-qawwi ħarġet il-ħlewwa? Jekk taqtgħu nagħtikom liżar u qmiż kull wieħed […]’, (p. 234).
—–
JIĠI MELA Hawn l-awtur jgħid hekk: ‘[…] Jiġi mela {jiġ., dan ifisser} li s-salmi huma 150, biċċa twal u biċċa qsar […]’, (p. 34).
—–
RUXXAN U MBERGĦEN Fir-rakkont ta’ Ġakobb u Eżaw naqraw hekk: ‘[…] Eżaw {ħu Ġakobb} kien ruxxan u imbergħen għal ħuh […]’, (p. 108), {jiġ., skurmentat u rrabjat}.
—–
SIEĦ Verb bħal meta tgħid isejjaħ isem ta’ xi ħadd jew xi ħaġa. Dan il-verb Preca jużah kemm-il darba. F’paġna 39, naqraw hekk: ‘[…] Fit-Testment il-Qadim, hekk ukoll fil-ġdid il-kotba jitqassmu f’erba’ taqsimiet – Legali, Storiċi, Sapjenzjali u Profetiċi. Bosta drabi mbagħad ilkoll flimkien jinsieħu bl-isem ta’ Evanġelju, jiġifieri l-Liġi l-Ġdida […]’. U ftit aktar ’l isfel naqraw hekk: ‘[…] Il-kotba morali tat-Testment il-Ġdid huma l-ittri li kitbu l-appostli lill-ewlenin Insara. Dawn l-ittri jinsieħu bl-isem ta’ Epistoli, kelma Griega li tfisser l-ittra […]’.
—–
WAĦDA B’WAĦDA Dwar il-vjaġġi ta’ San Pawl, naqraw hekk: ‘[…] meta infatti San Pawl dam Ruma, San Luqa ma kienx waħda b’waħda ma’ ġenbu […]’, (p. 42) {jiġ., ma kienx il-ħin kollu miegħu}.
IT-TIENI KTIEB

ABAZIJA TAL-LHUD Din ma kinetx xi expressjoni meħuda mill-Bibbja, biss Preca mument minnhom jinfurmuna li l-Mostin ta’ żmienu kienu jużawha biex jirriferu għal dak is-sit arkeoloġiku li jinsab fil-wied Ta’ Binġemma, sewwa sew taħt il-kappella tal-Madonna tal-Ittrija. Dan għaliex dak iż-żmien kienu jemmnu li hemm, f’dawk li il-ħofor fil-blat li jixhbu għerien żgħar, kienet tgħix komunità Lhudja.
—–
(i)BARRI / JIĦTAR ‘[…] barri il-ħażin u jiħtar it-tajjeb […]’, (p. 102), {jiġ., jeskludi jew jinbarra} ’l-ħażen u jiħtar {jagħżel} it-tajjeb.
—–
ĦAWDA Fir-rakkont tal-konfront bejn David u Goljat {sic}, Preca jirrakkonta hekk: ‘[…] Goljat hawn ħalef ħawda lil allat tiegħu […]’, (p. 18). Għandna nifhmu b’dan li Goljata dagħa dawgħa b’disprezz lejn l-allat tiegħu.
—–
ĦTEJT Dan hu verb, fil-passat, l-ewwel persuna singular, mill-verb ħata, naqas {lil xi ħadd}. Waqt kwistjoni ta’ bejniethom, David lil Sawl jgħidlu hekk ‘[…] Għala ma tiftaħx għajnejk u tara li jiena qatt ma ħtejt għalik? […]’, (p. 27).
—–
IŻŻA ĦAJR Din għadna nisimgħuha jew naqrawha l-aktar meta fil-letteratura jintuża Malti tal-qedem. Preca jużagħha kemm-il darba: ‘[…] Iż-żgħażagħ lil Elijodoru qalulu, ‘Iżżi, iżżiħajr {irringrazzja} lil Onija, għax bit-talb tiegħu Alla raġa’ tak il-ħajja’ […]’. U fil-paragrafu ta’ wara: ‘[…] Elijodoru iżżiħajr lil Onija u mar jagħti lil sidu l-aħbar talli ġralu […]’, (p. 171).
—–
KIF DARI Fl-istorja ta’ Ġuditta meta qatlet lil Oloferne naqraw hekk ‘[…] Ġuditta u l-mara li kienet tistenniha jgħaddu minn nofs il-kamp kif dari bla ħadd ma jkellimhom […]’, (p. 118), {jiġ., marru / imxew bħas-soltu, kif kienu mdorrijin’} .
—–
MEĦDUL Part. pass. ta’ ĦEDEL jiġ., tilef il-ħila. Meħdul hu l-istat ta’ bniedem li ma jistax jiffunzjoni sew fiżikament jew mentalment. Preca jirrakkonta l-istorja Bibblika meta Tobija ltaqa’ ma Sara u ried jiżżewwiġha. Talab lil missierha Ragwel iżda ‘[…] Ragwel ħass ilsienu meħdul għaliex seba’ darbiet kienet iżżewġet l-imsekjna u s-seba’ għarajjes kien qatilhom id-demoni l-ewwel lejla fuq it-tieġ. […]’, (p. 95).
—–
MRIĠĠEL {Imtawwal wisq}. Meta Preca jsemmi lil Nabukodonossor, is-sultan tal-Babilonja, jgħaddi rimarka ħafifa li turina kemm fi żmienu ċertu kliem kienu jingħadu f’ċerti rħula biss. L-awtur jgħid hekk: ‘[…] X’isem hux, kemm hu twil u mriġġel, biex ingħidu bħall-Mostin! […]’, (p. 107). Hawn din l-espressjoni tfisser, ‘mogħti riġel jew riġlejn itwal’. Ta’ min wieħed iżid li E.S.I. jispjega il-verb RIĠĠEL bħala ‘jwaqqaf fuq is-saqajn’ jew ‘jagħti riġel lil min ma għandux’. Dan il-kumment u bosta oħra bħalu fl-erba’ kotba jixhed kemm l-awtur juża mal-qarrej lingwaġġ personali u ddjalogali b’metafori komuni tal-poplu.
—–
PASPAR {Ħawwad u vvinta}. ‘[…] Jeroboham qabad triq ħażina: ra kif għamel biex l-Israeliti jinsew il-liġi ta’ Musè {sic – Preca dejjem hekk isejjħalu ’l Mosè}. Paspar mela reliġjon ġdida, waqqaf żewġ għeġiela tad-deheb u ġagħalhom jadurhawhom […]’, (p. 66).
—–
TA MEJDA ‘[…] Wara li Salamun qala l-grazzja li ried mingħand Alla, mar Ġerusalem jagħmel sagrifiċċju lil Alla biex jiżżiħajr. Bil-ferħ dakinhar ta mejda lin-nies tiegħu […]’, (p. 51), {jiġ., ta ikla, għamel festin}.
—–
TLIEF ‘[…] Iż-żiemel xteħet għal fuq Elijodoru b’saqajh ta’ quddiem u għamlu tlief […]’, (p. 170). Il-kelma tlief tirriferi għall-istat ta’ meta oġġett jispiċċa fix-xejn. F’rabja ngħidu, ‘Ara ma nagħmlekx tlief!’
—–
TEFTIEFA ‘[…] David u Sawl kellhom teftiefa x’jaqtgħu bejniethom […]’, (p. 23), jiġ., kellhom kwistjoni taħraq bejniethom.
—–
TIRQIĦ jew TARQIGĦ Fil-kitba ta’ Preca din insibuha fil-kuntest ta’ qawl li kien jingħad fi żmienu: ‘Tirqiegħ fil-qadim ħsara akbar jagħmel’. Preca jiktibha tirqiegħ (p. 39). Nom li ġej mill-verb raqqa’. B’dan l-awtur irid jgħid li xogħol fuq ieħor eqdem jispiċċa bħal meta wieħed isewwi l-pannu bil-qara’ aħmar.
It-TIELET KTIEB

BALLEĠ Esklamazzjoni li tindika stagħġib. E.S.I. jagħtiha bħala balleċ u jgħid li hi kelma vulgari għax fiha jintuża l-isem ta’ Alla meta’ t-tieni kmandament jgħid: ‘la ssemmiex l-isem t’Alla fil-batal’ {fil-vojt}. Intant A. Preca jqiegħed din il-kelma f’ilsien Ġuda li għadu kemm itradixxa lil Kristu: ‘[…] u wiżnuli bi ħlas tiegħi tletin fidda. U jien ħadt it-tletin fidda, kimxa sabiħa balleġ! […]’, (p. 171).
—–
BANS Kelma li antikament kienet tintuża ta’ spiss u insibuha wkoll fil-kitba ta’ Preca meta jgħid, ‘[…] Bans, dan il-flus ma jiswiex {sic.}, nixtħuhom fil-qorban {jiġ., kaxxa tal-elemożina} […]’, (p. 183). G. B. Falzon. (1845) jispjega l-kelma bans bħala, certamente innegabile. Hemm aktar tifsiriet dwar din il-kelma. Ara aktar hawn: BANS fis-sezzjoni ‘Enċiklopedija’.
—–
BATTAL Aġġ. li jindika bniedem li ma għandux x’jagħmel. Fil-parabbola li Ġesù jirrakkonta biex ixebbah is-saltna tas-smewwiet ma’ missier li ried jippremja lil min jaħdem u kawtiel insibu din ‘[…] Raġa’ ħareġ il-missier fit-tielet siegħa u ra ħaddiema oħra battala fil-misraħ […]’, (p. 185), {jiġ., bla xogħol u ma jagħmlu xejn}.
—–
BINI GĦATX / BINI L-ĠUĦ F’dan il-ktieb, Preca juża din il-frażi tliet darbiet: … l-ewwel darba meta Ġesù talab lill-mara s-Sammaritana tagħtih jixrob ‘[…] Mara agħtini nixrob; bini l-għatx […]’, (p. 57); darb’oħra fir-rakkont tal-Passjoni, meta fuq is-salib Ġesù, jitlob biex jisquh (p. 211); u f’paġna 159: ‘[…] għax bini l-ġuħ u ma tmajtunix […]’.
—–
ĊENAKLU Nom magħruf sew illum għax jirriferi għal fejn l-Appostli għamlu ‘l-aħħar ċena’ flimkien ma’ Ġesù, lejliet il-mewt tiegħu. Biss, A. Preca dehrlu li għandu jagħti t-tifsira ta’ din il-kelma li ġejja mir-Romanz, bħallikieku dan kien terminu mhux komuni għall-żmienu. (p. 162).
—–
DARU LI DARU ‘[…] Ħarġu mela l-Appostli jduru mal-ibliet u r-rħula, jagħmlu dak li kien qallhom Imgħallimhom: u ma ħarġux għalxejn… Daru li daru […]’, (p. 99). {jiġ., daru fuq li daru}.
——
ĦARĠA ŻEBBUĠ Roqgħa art fejn jikber dan il-frott. Tista’ l-istess tgħid, ħarġa tadam jew ħarġa tursin jew ħarġa patata. Fir-rakkont ta’ meta Ġesù mar fl-ort tal-Ġetsemani naqraw hekk: ‘[…] Ftit ’il barra minn Ġerusalem, fin-naħa tal-Lvant hemm ħarġa żebbuġ […]’, (p. 172).
—–
ĦABBTILHA JDEJH Flok ngħidu ċapċpilha. Fir-rakkont tal-martirju ta’ San Ġwann Battista, naqraw hekk: ‘[…] Ġiet li Erodi għalaq sninu u għamel stedina dak inhar lill-kbarat kollha. Wara l-mejda, it-tifla ta’ Erodijade {il-konsorta ta’ Erodi} bdiet tiżfen u żifnet tant tajjeb li kulħadd ħabtilha jdejh […]’, (p. 84).
—–
FIL-QABDA Fl-episodju tat-Tieġ ta’ Kana, naqraw hekk: ‘[…] Kien hemm fil-qabda {jiġ., fil-ġabra} sitt ġarar kbar sew u Ġesù ġagħalhom jimlewhom bl-ilma […]’, (p. 52).
—–
INBID GĦAJJIEN Fl-istess episodju insibu hekk: ‘[…] F’imwejjed bħal din l-ewwel iressqu nbid mill-aħjar, u meta kulħadd ikun xorob kemm ried, iġibu nbid għajjien […]’, {jiġ., inbid li ma jkunx iffermenta tajjeb, inbid nieqes mill-alkoħol}.
—–
JABNI Fil-mod sempliċi, tagħha din l-espressjoni tfisser ‘Ja ibni’ – terminu ta’ mħabba minn ġenitur lejn l-iben. Biss kienet tintuża ħafna drabi, b’mod ironiku, bħal meta wieħed jgħid, ‘ajma ħej’ għajma żaqqi, tgħid mhux hekk!’ Araw kif jużaha f’sentenza minnhom A. Preca ‘[…] Il-Protestanti jgħidu li l-qassisin ivvintaw il-qrar .. Jabbni {sic.} ma nafux x’għandhom mill-qrar il-qassisin! […]’, (p. 236). E.S.I. jgħid li din l-esklamazzjoni tintuża bħal meta wieħed jgħid: ‘Għoffi għalik!’
—–
KIEL BIR-RIEQDA F’notament Preca jinfurmana li ‘[…] Illum, il-Lhud u n-nies tal-Lvant jieklu mimdudin {fl-art?}, jew bir-rieqda, […]’, (p. 168), {jiġ., mitluqin laġenba}.
—–
LĦIĦ (Aġġ). Rif. għal xi ħadd li dejjem isus wara dak jew dik ix-xi ħaġa li jrid. Bniedem insistenti b’mod li jdejjaq lil dak li jkun. Persistenti għall-aħħar. Preca jgħid hekk: ‘[…] Semagħha t-talba lħiħa l-ħanin Ġesù […], (p. 206).
——
MA JAĦBATX {jiġ., ma jaqbilx}. ‘[…] Il-boloh qalu lill-għaqlin ‘Agħtuna qatra żejt’ … Qabżu l-għaqlin: isma biex nibqgħu bla żejt aħna ma jaħbatx […]’, (p. 156).
—–
MUSBIEĦ Preca jagħmel parentesi fin-notamenti tal-aħħar biex jinfurmana li l-musbieħ fi żmienu ma kienx wisq użat u għalhekk il-kelma mhix daqstant magħrufa ma’ kulħadd ħlief fl-irħula. Fi kliemu, ‘[…] mur għid lampa jew flixkun {hawn qiegħed jirriferi għan-nies tal-irħula}. Fl-irħula jafu biss, musbieħ, kus jew imnara […]’, (p. 160).
—–
OFFJA GĦALIK ‘[…] L-imgħallem qal lix-xrik {jiġ., lill-impjegat tiegħu} Offja għalik ja xrik tajjeb u fidil! […]’, (p. 157), {jiġ., mur obsor għalik!}.
—–
SUSA FIL-QALBA Espr. metaforika ‘[…] Il-fariżej kellhom is-susa f’qalbhom għal Kristu […]’, (p. 127). {jiġ., il-fariżej kienu għajjurin waħda sew għal Kristu}.
—–
KOFRU {Qofor?}. Dan hu verb. Fir-rakkont tal-Passjoni naqraw hekk: ‘[…] Il-farisej kofru, daru fuqu {Ġesù} qatta waħda u bdew jgħajruh […]’. F’notament fil-qiegħ tal-istess paġna, Preca jagħti tifsira ta’ din il-kelma ‘[…] Kelma Maltija sa ruh ommha: tfisser siblu {għalih} jew inkurlaw […]’. B’dan il-kumment nifhmu li ma kinetx kelma li tintuża wisq fi żmienu. Lanqas fid-dizzjunarji ta’ Aquilina u ta’ Serracino Inglott ma sibtha din il-kelma. L-istess naraw dan il-verb fir-raba’ volum fejn naqraw hekk dwar il-martirju ta’ San Pietru u San Pawl ‘[…] Neruni kofor meta ra li dawn iż-żewġ Appostli ma jhedewx ixandru l-fidi Nisranija ‘[…]’, (p. 88).
—–
SEMMEJNA WISQ ‘[…] Hemm tinsab il-għadira ta’ Ġeneżaret li semmejnieha wisq. […]’ (p. 237). {Jiġ. Semmejnieha kemm-il darba, ħafna drabi}.
—–
ŻEWĠ ŻEWĠ ‘[…] Ġesù wara dik it-taħdita lid-dixxipli tiegħu bagħathom żewġ żewġ {jiġ., tnejn tnejn} fir-rħula ta’ dawk in-nħawi […]’, (p. 97).
—–
IL-MEJDA INTASBET F’parabbola minnhom Kristu jgħid hekk: ‘[…] Is-sultan għamel l-għors {jiġ., festin} lill-ibnu u bagħat għall-mistednin: il-mejda ntasbet, {jiġ., tqiegħdet f’postha}, inqatlu l-ifrat (ara: FART) u l-bhejjem l-oħra msemmnin […]’, (p. 153).
—–
Ir-RABA’ KTIEB

RUĦ IL-QODOS {jiġ., l-Ispirtu s-Santu}. Preca jikkwota parti mill-’Innu tal-Għid il-Ħamsin’:
‘[…] Meta niżel Ruħ il-Qodos
Fuq l-Appostli miġmugħin
Lilna s-sema dal-jum raġġa’
Jum jagħmilna ferħanin
[…]’, (p.14).
—–
ĦRAM Dnub, ħaġa li mhux suppost tagħmilha skont il-liġi u t-twemmin tar-reliġjon ipprattikata. Fost affarijiet oħra, dan jista’ jirreferi għal xi projbizzjoni ta’ ikel li jittieħed jew użanzi oħra. Naqraw hekk: ‘[…] ħaġa kbira u ħram għal-Lhud għax ġot-tempju ma jistgħux jidħlu l-ġentili […]’, (p. 68).
—–
JIEKOL IMBATLA Dwar meta San Pawl kien għal xi żmien f’Korintu, Preca jgħid hekk: ‘[…] Pawlu nġabar għandhom u beda jaħdem magħhom għax ma riedx jiekol imbatla {jiġ., b’xejn minn fuq daharom}, biex ma jneffaqx flus lill-Insara […]’, (p. 60). L-aġġ. imbatla ġej mill-verb BATAL, qagħad kwiet ma jagħmel xejn, bla xogħol. Bniedem batal hu dak li qiegħed idu fuq żaqqu.
—–
ĊANA U ALKA Espr. li tingħad b’mod metaforiku meta wieħed irid jirriferi għal xi ħaġa, persuna jew soluzzjoni li ma tiswa xejn. A. Preca jgħid hekk: ‘[…] dak Iż-żmien kien hawn il-Libertini, illum għandna l-Liberali: ċana u alka […]’, (p. 24), {jiġ., żewġ partiti jew nies ta’ ideoloġija irrelevanti}.
—–
UTIEQ San Pawl ‘[…] ġabar l-Insara u wissihom li jtuqu {jiġ., jżommu sodi} f’tagħlimu. INGĦAŻEL {jiġ., issepara ruħu} minnhom u telaq lejn il-Maċedonja […]’, (p. 64). F’paġna 70 imbagħad naqraw hekk ‘[…] Dak il-lejl Ġesù deher lil Pawlu u qallu: ‘Pawlu, kun utiq {sic} fil-fidi’ […]’. Utieq mela tfisser stabbli, sod u kostanti. Sorsi oħra: F. Vella (1843), Damma u E.S.I. (1989).
—–
Il-BAĦAR KILEB Fir-rakkont tal-vjaġġ ta’ San Pawl mill-Art imqaddsa lejn Ruma, u l-maltempata li seħħet, Preca jirrakkonta ‘[…] Ir-riħ għola, il-baħar kileb, qamet tempesta […]’, (p. 72). Fir-raba’ ktieb nerġgħu niltaqgħu mal-istess verb li din id-darba jintuża b’mod metaforiku. […] Pietru mar joqgħod ’il bogħod minn fejn il-kiefer {jiġ., Erodi{jiġ.,}. Dan ma setax isibu, u aktar kileb għalih […]’, (p. 44). {jiġ., irrabja għalih}.
BGĦID MID-DINJA Espr. metaforika li tirreferi għal meta xi ħadd ikun mitluf fi ħsibijietu. ‘[…] Fost dawk l-eluf kien hemm xwejjaħ li mill-bixla {xeħta} tiegħu, kien bi ħsibijietu bgħid mid-dinja […]’, (p. 85).
—–
XEGĦEL ‘[…] Wara li ħaġġru lil San Stiefnu, il-kapijiet tal-Lhud xegħelu kontra l-Insara […]’, (p. 27), {jiġ., ħaduha qatta bla ħabel kontrihom}. MIXGĦULIN KONTRA (p. 64). Din l-espressjoni nsibuha darbtejn fl-istess kuntest. ‘[…] Neruni xegħelhom għal Pawlu […]’, (p. 63).
—–
SAĦĦA SEBA’ SAĦĦIET Dwar il-ħżunija ta’ Neruni Preca jgħid hekk: ‘[…] Li qatel lill-għedewwa, saħħa seba’ saħħiet {ilum ngħidu, fiha u ma fihiex} : qatel ‘il ħbiebu, qatel ’il niesu, qatel ’l ommu stess! […]’, (p. 85). Intant Din il-frażi kienet mid-dehra tingħad sew għaliex niltaqgħu magħha fil-poeżija ‘Is-siġra tat-Tabakk ta’ G. A. Vassallo (1864). Vers minnhom jispiċċa hekk:
Li kont nagħmel ħawħ, tuffieħ
Lanġas, naspli, nuċipresk
Saħħa, ngħid seba’ saħħiet!
—–
KAXX {prob. qaxx} Preca jagħmel notament dwar din il-kelma fil-qiegħ tal-paġna 80: ‘[…] Naf li kaxx hi bil-Għarbi, iżda bil-Malti wkoll: staqsi lin-nies tar-raba’. Iffisser dak il-laqx u xewk u friegħi niexfa li jitlaqqtu mir-raba’ biex tagħmel QABŻ {koċċ ħatab għan-nar} […]’. Ara: Il-QIXX u l-MiXX.
—–
LIĠWA Preca jgħid hekk ‘[…] Jien għidt ġuħ: ġuħ mhux biżżejjed. Kien imissni għidt liġwa ‘[…]. Imbagħad jispjega aktar f’notament fil-qiegħ tal-paġna ‘[…] Liġwa jew koħta {qoħta – żmien ta’ nixfa kbira} ifissru ġuħ kbir, aktar minn ġuħ. Lil Għawdxin ma għandix bżonn infissirhielhom […]’, (p. 149). Tgħid l-awtur qiegħed jindika li din il-kelma kienet tingħad aktar mill-Għawdxin milli mill-Maltin?
—–
Fost il-kitba tiegħu Preca jagħmel użu tal-suffissi pronominali, pereżempju, naqraw: ‘[…] Ġakobb rafa’ ċlienqu […]’ {jiġ., rafa’ ċ-ċulqana tiegħu}.
LIBSTI {jiġ., il-libsa tiegħi}.
MGĦALLMNA {jiġ.} l-imgħallem tagħna u Mgħallimhom – l-imgħallem tagħhom}.
SJIEDHOM {jiġ., is-sidien tagħhom; sjied hu l-pl. ta’ sid} .
XI LWIEN Preca jiddiskrivi fid-dettall it-Tabernaklu Lhudi (tinda rettangolari mgħammra b’oġġetti li jsebbħuha) fejn fiha kellha tkun meqjuma l-Arka bit-twavel tal-Kmandamenti. Hawn l-awtur jiddeskrivi xi oġġetti, eż., ‘[…] Il-velu għani – purtiera – irrakmat mill-lewn il-porpra, mil-lewn demm il-baqra, il-ġaċinti, kulur brinġieli, jew vjola, u l-iskarlat, mil-lewn il-peprin […]’.
Martin Morana ©
9 ta’ Jannar 2025
Bibliografija
Camilleri J. J., ‘Annibale Preca u l-Mosta’. Artiklu fil-ktieb tal-festa, ippubblikat mis-Soċjetà Filarmonika Nicola Isouard, 2003.
Cachia L., L-Ilsien Malti, Ilbieraħ u Llum. Sensiela Kotba Soċjalisti. 1994. p. 10, 22-23.
Duncan Herman, Annibale Preca – an author and Philologist’, The Malta Independent, August 8, 2019.
Galea Alf. M., ‘ Annibale Preca’, Il-Malti, Ħarġa Numru 3. 1928.
Mifsud Ġorġ, Il-Praspar Miktuba minn Dun Xand Cortis. P.E.G. 1991.
Preca Annibale, Storja Sagra, (erba’ volumi). 1947 – 1948.
Salafia Simon, ‘Kurżitajiet lingwistiċi dwar xi annimali’. L-Imnara, Vol. 12 Nru 1, Ħarġa nru. 44. 2021.
Schiavone Michael, Dictionary of Maltese Biographies. Pubblikazzjoni Indipendenza. 2009).
Schiavone Michael, Biorgraphy: ‘Annibale Preca – Philologist and author’, Times of Malta, 22nd March 2024.
