Introduzzjoni
L-istat kostrutt iseħħ meta żewġ nomi jingħadu jew jinkitbu wara xulxin biex jesprimu stat ta’ rabta bejniethom. L-ewwel nom hu speċifikat mingħajr artiklu qabel it-tieni nom li ġeneralment jieħu l-artiklu, biex b’hekk juri li l-ewwel nom hu fil-pussess tat-tieni nom.
Biex nispjega b’mod aktar sempliċi, nużaw l-istat kostrutt biex flok ngħidu, il-Bieb tal-Belt, ngħidu Bieb il-Belt; flok ngħidu l-ilsien tal-lifgħa ngħidu lsien il-lifgħa; flok is-sehem tal-mara, ngħidu sehem il-mara, ras ir-Randan u qsim il-qalb, eċċ. Meta t-tieni nom ikun isem ta’ xi ħadd jew imkien, hawn ma jintużax l-artiklu; pereżempju ngħidu, Ġebel Ciantar, laqam Toni jew Ras Ħanżir. L-istess meta t-tieni nom jkun fl-indefinittiv, bħal meta ngħidu, merħla nagħaġ, qatta tiben jew xehda għasel. Meta l-ewwel kelma tkun fil-femminil u tispiċċa bil-vokali din ġieli tieħu t-’t’ marbuta. Flok ngħidu, il-mara ta’ Toni, ngħidu, mart Toni jew widnet il-baħar.
Fil-komunikazzjoni ta’ kuljum ma’ tantx għadna nużaw l-istat kostrutt għax nippreferu nużaw il-partiċella ta’, tant komuni fil-ġenettiv. Biss, għad hemm bosta okkażjonijiet fejn l-istat kostrutt jintuża, bħal meta nirreferu għal xi ismijiet ta’ lokalitajiet u toroq, ismijiet ta’ pjanti, u meta nużaw ċerti espressjonijiet partikolari.
Hawn ser issibu għażla ta’ espressjonijiet u termini li bosta minnhom huma qodma, jew minsijin għal kollox. Dawn sibthom f’bosta dizzjunarji antiki u sorsi oħra. Fejn dawn ma għadhomx jinftiehmu tajt it-tifsira tagħhom.
—–
IMKEJJEN FIL-GŻEJJER MALTIN
Bieb il-Belt – Bieb il-Bombi – Bieb il-Gżira (dan tal-aħħar għadu jeżisti bħala arkata fi triq li tagħti għal Rue d’Argens, qrib l-Imsida) – Bieb il-Għarreqin (id-daħla ta’ isfel, tal-Imdina) – Bieb is-Sultan (jinsab fis-swar, barra l-Birgu li jagħtu lejn Ħaż-Żabbar.)

Bir id-Deheb Fil-ktieb tiegħu Place-names of the Maltese Islands, 1300 – 1800, l-awtur Godfrey Wettinger, jgħid li flok Bir id-‘Deheb’, hu aktar probabbli li l-isem għandu jkun bir id-dwieb (plural ta’ debba.) Wieħed isaqsi għaliex mhux bur id-dwieb, jiġifieri, il-wesgħa ta’ art fejn jirgħu l-bhejjem, bħal fil-każ ta’ Bur Mula, li dan ukoll hu stat kostrutt. (Wisq probabbli Bur Mula hu l-isem oriġinali ta’ Bormla). Fil-Malti antik dan tal-aħħar kien x’aktarx jinftiehem bħala Bur ta’ mula – is-sid, jew Mula (jekk kien kunjom.)
Ġebel Ciantar (promonotorju f’xifer is-sisien ta’ Ħad-Dingli.) – Ġebel San Martin (imkien li jinsab in-naħa ta’ isfel taż-Żejtun.)
Ġnien is-Sultan Ġnien li kien jeżisti barra l-Belt, Valletta, sewwasew fuq ix-xellug tad-daħla magħrufa bħala Porta Del Monte, (jew Porta Marina, u llum Victoria Gate.) Imsejjaħ hekk għaliex il-ġnien kien proprjetà tal-Gran Mastru, li mal-Maltin kien magħruf bħala s-Sultan. Hemm lokalità oħra magħrufa bħala Ġnien is-Sultan, li tinsab ’il barra mir-Rabat, fin-naħa ta’ Wied il-Qlejgħa.

Ħarq Ħamiem Jeżistu żewġ postijiet li għandhom dan l-isem: wieħed minnhom hu għar li jinsab fl-inħawi ta’ San Dimitri, barra l-Għarb, Għawdex. L-ieħor qrib il-bajja ta’ San Ġorġ, ħdejn San Ġiljan. Jista’ jkun li ‘Ħamiem’ tirriferi għall-ħamiem tal-barr li seta’ kien jgħix f’dawn l-inħawi. Inkella, din hi kelma li ġejja minn ħammam (għajn u banju jew lok tal-ħasil.)
Għajn Dwieli (illum l-isem hu relatat mal-ambjent magħruf bħala l-Mina ta’ Bormla) – Għajn Rażul (ambjent speċifiku f’San Pawl il-Baħar fejn hemm niċċa ta’ San Pawl u ħawt.) – Għajn Ħadid (ambjent qrib il-baħar, wara Selmun, il-Mellieħa.) Għajn Tuffieħa.
Għar Qawqla Għar li jinsab eżattament mal-baħar, taħt is-sisien li hemm mal-kosta tal-Lvant ta’ Marsalforn. Qawqla tfisser art għolja.
Mġarr ix-xini Bajja maqtugħa għalija taħt is-sisien li hemm bejn ix-Xewkija u l-Imġarr.
Miġra l-ferħa Post li jinsab fl-irdumijiet, taħt l-Imtaħleb. Dan l-isem jimplika li fl-inħawi (kien jew għad hemm ?) miġra. Miġra hi dik ir-radda mikula fl-art mill-ilma tax-xita. Il-plural hu Mġar (li issa saret Mġarr u tat isimha lil żewġ lokalitajiet f’Malta u Għawdex).
Wied il-Għasel Wied li jaqsam il-Mosta f’żewġ partijiet u jibqa’ sejjer sa taħt in-Naxxar, lejn T’Alla u Ommu.
Xatt il-Barriera (imkien barra s-swar tal-Belt Valletta, qrib il-pixkerija l-antika fejn darba kien hemm barriera tal-injam li kienet imwaqqfa biex ma tħallix lin-nies ta’ fuq ix-xwieni jitħalltu man-nies tal-lokal meta jinżlu l-art.)

Xrob/b il-Għaġin L-inħawi madwar Dellimara. Il-kelma xrobb tfisser ‘mustaċċi’ twal jew xagħar tal-annimali, li jinżel sew fuq il-ħalq. Xrobb tista’ tfisser ukoll xoffa. Tgħid f’dan is-sens xrobb qed tirriferi għall-art ippuntanta (xoffa) u ħierġa ‘l barra fil-promonotorju? Intant, il-plural ta’ ‘xrobb’ hu xwiereb.
—–
L-ISTAT KOSTRUTT F’ESPRESSJONIJIET u TERMINI OĦRA
Bin il-barr Deskrizzjoni dispreġġjattiva għal xi ħadd li hu bla manjieri; xi ħadd li mhux ta’ man-nies. Barr tfisser art xagħrija u selvaġġja. X’imkien ’il bogħod mill-abitat. Sors: E.S.I.
Fard il-barr Barri selvaġġ; rif. partikolari għall-barrin li kienu jkunu impurtati mill-Afrika ta’ Fuq.
Belq in-nhar / Sbieħ il-jum. Ifissru l-istess ħaġa. Belq tfisser kulur abjad miżjud ma’ xi ħaġa oħra. Sors: E.S.I.
Bewl il-ħmir Agius de Soldanis jgħid hekk: […] nebbia dal cielo caduta, da se stessa dannosa che guasta ed annorba la solla [silla], essendo ancora in terra verdeggiante […]’. V. Busuttil fid-dizzjunarju tiegħu (1900) jgħid li hi ‘xorta ta’ marda tas-siġar,’ u bl-Ingliż jgħidilha blight.
Bażżar l-art Bniedem li jifrex il-bżar / demel bħala fertilizzant fl-għelieqi.
Beżża’ l-art / Bażża’ l-art 1. Bniedem li b’surtu u b’għemilu jintimida u jbeżża’ lin-nies. Xi ħadd li biex tgħaddi tiegħu jgħedded lil min jikkuntlarjah. Ing. bully. 2. L-iskultura forma ta’ wiċċ ikrah jew figura ta’ xi mostru li jbeżża’ bħal ma jidhru kultant fis-saljaturi taħt il-gallarija.

Bieb Alla Din il-frażi, jew espressjoni, kienet tingħad hekk: ‘Sejjer għal bieb Alla,’ jiġ., sejjer għal għonq it-triq, bħallikieku min jgħidha, mhux ċert fejn sejjer sewwa sew, u jafda fil-ħniena ta’ Alla biex jasal fejn għandu jasal fis-sliem.
Boton fniek Boton tfisser żaqq. Għalhekk meta ngħidu ‘boton fniek’ inkunu qed infissru l-istat ta’ meta l-fenka tkun tqila u lesta biex twelled (tferrgħet) numru ta’ fniek f’daqqa.
Dawl il-Punent Id-dawl ta’ nżul ix-xemx. Francis Vella jispjega din il-frażi fil-ktieb tiegħu Maltese Grammar etc., (1831) bl-Ingliż bħala twilight.
Demm id-dars Idj. ‘ħadu fuq demm id-dars’, jiġ., aċċetta lil xi ħadd kontra qalbu; ngħidu wkoll ‘għamel li kellu jagħmel fuq demm id-dars’, jiġ., għamel xi ħaġa mingħajr ħajra u għax sfurzat. M.A. Vassalli (1796) jispjega l-frażi ‘demm id-dars’ hekk: ‘prendere o soffrire mal volentieri; soppracuor; contro genio.’ Għal aktar informazzjoni ara: DEMM ID-DARS.
Dejr il-bniet Riferenza antika għal kunvent tas-sorijiet.
Denb il-far Serrieq żgħir u rqajjaq li jkun ġej għal ponta. Dan jintuża għal xogħol żgħir fl-injam, biss ta’ ċerta reqqa. Eżempju ta’ dan hu, meta wieħed ikun irid jagħmel toqba fl-injam, bħal bejta ta’ serratura. P. Bugeja (1956) jagħtih bħala key-hole saw, u compass-saw.
Farxa ħġieġ Espressjoni li jsemmiha Juan Mamo biex jirriferi għall-vetrina tal-pożaplatti. Ara: Juann Mamo, Ġrajja Maltija, p. 74. (Mark Vella, 2010). L-Għawdxin kienu għadhom jafu sa ftit ilu li “farxa” tfisser “xkaffa”.
Fiswet il-kelb Glandola fil-ġisem li tinħass l-aktar taħt il-griżmejn, taħt il-abt jew bejn il-koxox qrib l-organu sesswali. Il-glandola tintnefaħ meta dik il-parti tal-ġisem tkun effettwata b’xi infezzjoni, marda jew ġerħa. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM.
Ġidri r-riħ Marda li tittieħed, ikkawżata mill-virus varicella soster. Din tolqot l-aktar lit-tfal. L-inkubazzjoni tal-virus u s-sintomi ta’ min jinfetta ruħu tieħu bejn 10 u 20 jum. Fost is-sintomi li jidhru huma tbabar ħomor u infafet fuq il-ġisem li jikkawżaw il-ħakk. L-infafet jinxfu wara ħames jew sebat ijiem. Ing. chicken pox. Ġidra tfisser kull tip ta’ marka li tħalli warajha ġerħa jew marda.

Għatab ix-xbieb (Damma) Cosso. Un piccolo enfiato cagionato per lo più da umori acuti e viene communamente nel viso dei giovani. E.S.I. u J.A. din il-frażi ma jagħtuhiex. Biss bil-Malti llum ngħiduluhom komunament akne. (J.A.)
Għerq id-demm Kwalunkwe vina fil-ġisem.
Għid il-Ħamiem Isem ieħor għall-Epifanija. Ħamiem hi kelma li nbidlet biż-żmien minn ħammam, jiġ., banju li fih tinħasel jew taħsel il-ħwejjeġ. Qawl: Agius de Soldanis jagħti dan il-qawl: Għall-Ħamiem erfa’ l-moħriet minn qiegħ il-wied (Damma.) Ara: EPIFANIJA.
Għid il-Ħamsin Din il-festa liturġika, imsejħa wkoll Pentekoste, hi ċċelebrata ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir. Dan il-jum ifakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. Pentekoste bil-Grieg tfisser: Ħamsin Jum. Bl-Ing. L-Għid il-Ħamsin hu magħruf bħala Whitsunday.

Ħadd il-Palm – Ħadd il-Għid – Ħamis ix-Xirka
Ħmar il-lejl Mument meta bniedem, waqt l-irqad iqum idur jimxi fid-dar mingħajr ma jkun konxju x’qed jagħmel. Ħeddiela. Sonnambula (E.S.I.). J.A. jagħtiha bħala nightmare u somnambulism.
Ħodon fjuri Bukkett fjuri ta’ ċertu kobor, kemm jista’ jinżamm bejn is-sider u d-dirgħajn. F. Vella (1843) jispjega din il-kelma bit-Tal., braciata u bl-Ing. an armful.
Kewkba feġġa Kewkba li tfiġġ fis-sema mingħajr stennija u li tgħib wara ftit sekondi (Ing. shootingstar). F’Ward ta’ Qari Malti, (1945), il-poeta V. Mifsud Bonnici kiteb poeżija twila li ġġib dan l-isem. L-ewwel stanza ta’ din il-poeżija tgħid hekk:
Kewkba feġġa
Li bħal vleġġa
tgħaddi tiġri ġe’ smewwiet,
nindaħallek
jekk nagħmillek
jiena dal-mistoqsijiet?
Kewkbet is-safar Rif. bil-Malti għall-iStella Polaris (Ing. Polar Star / Northern Star). Għal mijiet ta’ snin, l-aktar mis-seklu ħmistax ’il quddiem, din l-istilla kienet meqjusa bħala punt ta’ riferiment għall-baħħara biex isegwuha bħala punt ta’ direzzjoni fin-navigazzjoni tal-bastiment.
Kliem ix-xiħ Riferenza għal parir(i) li jagħti bniedem ta’ età avvanzata biex jgħallem bih lil dawk ta’ inqas esperjenza minnu. Insibu din l-espressjoni fil-qawl: kliem ix-xiħ żomm fih.
Laħam il-fard Appel. għall-annimali bovini. Laħam taċ-ċanga u laħam ieħor tal-bovini li jittiekel mill-bniedem. Fig. ‘bniedem laħam il-fard’ – jiġ. raġel mibni b’saffejn – bniedem li ma jimradx kif ġieb u laħaq. Sorsi: J.A. u E.S.I.
Laħam il-kelb Appel. għall-annimali ekwini, jiġ., iż-żwiemel, il-bgħula, il-ħmir eċċ. Kull tip ta’ laħam minn dawn l-annimali li jitqatta’ għall-ikel. Dan jissejjaħ hekk għax tradizzjonalment, kien laħam li x’aktarx jingħata lill-klieb. Fig. Ngħidu, ‘dak ir-raġel laħam il-kelb.’ – tingħad għal xi raġel ħażin u malizzjuż. Sorsi: E.S.I. u J. A.
Lenza raba’ L-istess bħal ħabel raba’, term. li jintuża fil-kejl tar-raba’.
Lsien il-bieb Battent. Dik il-parti tal-ġenb tal-bieba li tirkeb il-bieba l-oħra, biex it-tnejn li huma jingħalqu sew ma’ xulxin (Damma.)
Lsien San Pawl Waqt it-tħaffir fil-blat, ta’ spiss jinstabu fossili trijangolari, li fil-fatt huma snien tal-klieb il-baħar li għexu miljuni ta’ snin ilu, meta l-blat tal-gżejjer Maltin kien għadu sempliċi sediment f’qiegħ il-baħar. Fl-antik, meta l-ħaddiema tal-barrieri kienu jsibu dawn it-tip ta’ fossili, kienu jxebbhuhom ma’ ilsna ta’ sriep. Hemm leġġenda li tgħid li San Pawl, meta gidmitu l-lifgħa, amar li s-sriep ma jibqgħux velenużi u dlonk difinhom fl-art.

Milwa zalzett Qatgħa zalzett marbut flimkien; iz-zalzett kif ikun miżmum fir-rita tal-musrana marbut mit-truf.
Naqx is-sema Tip ta’ sħab żgħir abjad u maqtugħ minn xulxin.
Qabil is-suf Il-kelma qabil tfisser l-ispeċi jew ir-razza tal-annimal. Qabil is-suf hi riferenza għal kull tip ta’ annimal ovin, jiġ., nagħaġ jew mogħoż.
Qabil ix-xagħar Riferenza għal dawk il-bhejjem li għandhom ix-xagħar, pereż., iż-żwiemel jew il-bgħula u l-ħmir.
Qabil il-bagħal Riferenza għall-ħmar, iż-żiemel, id-debba, u l-bagħal – bhejjem li jiġu miż-żwiemel – kollha jagħtu biż-żewġ – Il-kelma qabil tapplika għall-bnedmin ukoll: f’dan il-każ, il-qbejjel huma t-tribujiet. Ngħidu aħna, il-Lhud kellhom tnax-il qabil, jiġiferi, tnax ir-razza.
Qalliegħ is-snien Dentist. Qalliegħ il-ġlied, wieħed li jqanqal l-inkwiet. Sors: E.S.I. Agius de Soldanis jagħti t-tifsira ta’ qalliegħ bħala acquistatore (Damma.)
Qart il-għoxx L-iżgħar wild fost l-aħwa (Damma.)
Qbur il-Lhud Ġan Franġisk Abela, fil-ktieb tiegħu Della Descrizione di Malta eċċ. (1647, Libro Primo, p. 82), meta jirriferi għall-oqbra fil-blat fl-inħawi tal-Imtarfa sejħilhom ‘kibur eliħut.’
Reqqet ir-Ruħ Ġieli kienet tingħad bħala reqt ir-riħ. 1. Ħass ħażin; ħlewwa ta’ qalb. 2. Nuqqas ta’ ħila li ma tkunx tista’ tiflaħ għal xi esperjenza li tkun tal-biża’. Ġużè Muscat Azzopardi juża din il-frażi fir-rumanz tiegħu Susanna (1883): ‘[…] L-imsejkna kienet tatha reqqet ir-ruħ li setgħet tibqa’ taħtha […]’
Riħ il-ħamsin Dan hu r-riħ qawwi mis-Saħħara, magħruf sewwa fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, kultant jilħaq anki l-gżejjer Maltin kif ukoll l-Ewropa, u jikkawża maltempata tar-ramel li tagħmel il-viżibiltà ħażina. L-effett ta’ dan il-fenomenu f’Malta ngħidulu, ‘xita tar-ramel.’
Ruħ il-qodos Terminu ieħor għall-Ispirtu s-Santu. Qodos hu n-nom għall-istat ta’ qdusija.
Sabb id-demm Isem ieħor għad-disenterija; infezzjoni fl-imsaren minn xi virus, minn xi batterju, jew inkella minn xi parassita. Din l-infezzjoni hi norm. ikkawżata minn ikel jew xorb ikkontaminat, jew inkella minħabba l-kuntatt bejn bniedem u ieħor, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ iġene. Din il-marda tirriżulta fis-sabb tad-demm, jiġ., emorraġija tad-demm li joħroġ mal-ippurgar. Sorsi: J.A., E.S.I. u Kalepin (1941). M.A.V. jgħid, flusso di sangue.
Sieq it-tiġieġa 1. Fi żmien l-Ingliżi, kull fejn kien hemm proprjetà tal-Militar jew tal-Ammiraljat, l-awtoritajiet kienu jnaqqxu simbolu partikulari fil-ħajt jew mal-art li jindika li dik kienet proprjetà tal-monarkija Brittanika. Dan is-simbolu għandu l-forma ta’ vleġġa, jew, kif kienu jsejħulu l-Maltin, Sieq it-Tiġieġa. Bl-Ingliż dan is-sinjal jafuh bħala pheon jew crow’s foot.

Waħx il-baqar Barri salvaġġ (is. xj. Bos bubbalus). Dari kienu jbeżżgħu lit-tfal bil-waħx il-baqar, bħallikieku dan kien xi mostru li jibla’ t-tfal. Bl-Għarbi ‘waħx il-ħmar’ hu l-isem mogħti liż-żebra.
—–
SIĠAR u PJANTI
Beżżul il-baqra / beżżul il-baqar – daħnet l-art – denb id-dib – denb il-ħaruf – fiswet il-kelb – fomm il-lipp – ġarġir il-ġemel – għeneb id-dieb – għerq is-sinjur – ħalib it-tajr – ħass il-baħar – ħaswejn il-kelb – ħaxix iż-żġieġ – karfus il-ħmar – leħjet ix-xiħ – lsien il-mara / ilsien in-nisa -tursin il-bir – widnet il-baħar – xeħt ir-riħ – żabret l-għaġuża

—–
BHEJJEM, INSETTI ĦUT u GĦASAFAR
Werżieq il-lejl (insett) – Ħanżir l-art (insett) – Xaħmet l-art (rettilu) – Qerd in-naħal (għasfur) Kelb il-baħar.

TERMINI LI X’AKTARX ORIĠINAW MINN STAT KOSTRUTT
Dellimara (dejr il-mara) Il-promontorju li jinsab fuq in-naħa tat-tramuntana ta’ Marsaxlokk. L-isem ta’ dawn l-inħawi jġiegħluk taħseb jekk hux ġej minn Dejr il-mara – jiġ.’ id-dar tal-mara’, rif. għal xi persuna partikulari li kienet tgħix hemm jew hi riferenza għal-fdalijiet qodma ta’ Tas-Silġ li kienu f’bosta żminijiet meqjuma bħala tempji ta’ alla mara. Interpretazzjoni oħra tista’ tkun ukoll ‘dejr limara’- jiġ., id-dar tal-emmirat. (Sors etim: J.A.)
Qawsalla – (Qaws Alla)
Qamħirrun (qamħ ir-rum) Ċereali li minnu jeżistu diversi tipi. Is. xj. Frumentum indicum. Ing. maize, corn jew Indian corn (rif. għall-Indjani Amerikani). Ara: PULENTA.
Sidilsiera – (Sid l-ilsiera) Ġużè Muscat Azzopardi (1853-1927) juża ta’ spiss dan l-isem fl-istorja tiegħu Toni Bajjada (1887), meta jirriferi għall-argużin, dak li kien jieħu ħsieb iċ-ċorma fuq ix-xwieni. Terminu wżat ukoll għal dak li fil-firxa tal-Imperu Ottoman kien jieħu ħsieb l-ilsiera. Ara: ARGUŻIN.

© Martin Morana
Ħajr lil Ġużi Gatt għall-għajnuna tiegħu.
26 ta’ Diċembru 2025
Biblijografija
Bugeja Paul (Capt.), Kif titkellem bl-Ingliż – Dizzjunarju Malti-Ingliż. The Bookshop Sliema. 1956.
Busuttil Edgar D., Kalepin – Damm il-Kliem Malti Ingliż. St. Joseph Institute Printing Press. 1942.
Carabott Rosabelle (editur), Damma Tal-Kliem Jartaġinis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. L-Akkademja tal-Malti, et al. 2016.
Manduca John S. & Mifsud, Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group. (PEG). 1989.
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. Klabb Kotba Maltin. 1974 – 1989.
Vella Mark, Juann Mamo – Ġrajja Maltija – Ġabra ta’ Novelli. Klabb Kotba Maltin. 2010.
Vassalli, Mikiel Anton, Ktyb yl Klym Malti (Lexicon). 1796.
Vella Francis, Maltese Grammar for the use of the English. Glaucus Masi. 1831.
Vella F. Dizionario Portatile, della Lingua Maltese, Italiano, Inglese. Stamperia degli Artisti Tipografi, Livorno. 1843.
