Ikklikkja fuq waħda minn dawn l-ittri biex tidħol fil-paġni ta’ din il-website Enċikopedija KliemuStorja …
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Matul is-seklu dsatax, gruppi żgħar ta’ mużiċisti kienu ta’ spiss jiffurmaw ruħhom f’baned ta’ mhux aktar minn nofs tużżana nies. Dawn kienu, minn żmien għall-ieħor jinkrew biex iferrħu bil-mużika sempliċi tagħhom f’okkażjonijiet speċjali, ħafna drabi f’xi festin tal-familja, kemm jekk xi twelid u magħmudija, kif ukoll tiġijiet. Anki meta xi ħadd mill-familja jkun ser isiefer, kienu jmorru jdoqqu jew quddiem id-dar ta’ dak li jkun, qabel ma jitlaq biex iferħu, jew inkella, meta xi emigrant jirritorna mis-safar, kienu jilqawh ix-xatt il-Belt, hekk kif jinżel l-art minn fuq il-vapur. L-istrumenti li dawn il-mużiċisti kienu jdoqqu kienu varji, l-aktar tal-korda, bħal vjolini, kitarri, xi mandolina, barra xi akkordju u tamburlin.
Mużicisti kien hawn kemm trid. Bosta minnhom kienu jkunu għomja, għaliex fis-seklu dsatax, minħabba li ħafna kienu jimirdu u jitilfu d-dawl ta’ għajnejhom bit-trakoma, dawn, meta jkunu għadhom żgħar kienu jiġu mgħallma xi strument ħalli meta jikbru jkollhom mod ta’ għixien bħala daqqaqa.
Il-kamp tad-divertiment mużikali fis-seklu dsatax kien naturalment jirrikkjedi wkoll mużiċisti mħarrġa u organizzati sew, kif kien il-każ fit-teatri. Dawk kienu jkunu mużiċisti li jdoqqu f’kunċerti kif ukoll f’opri li kienu jittellgħu, kemm fit-Teatru Manoel, kif ukoll fir-Royal Opera House. Apparti dan kien hemm ukoll bosta bandisti u anki surmastrijiet li kienu jservu fiż-żewġ riġmenti Maltin, – ir-Royal Malta Artillery u r-Royal Malta Militia.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Il-bidu tal-baned tal-festi kif nafuhom illum jmur lura, bejn wieħed u ieħor lejn nofs is-seklu dsatax. Kien żmien fejn il-kuntatt ma’ Sqallija issa kien kiber, anki bis-saħħa tar-refuġjati tar-Risorgimento li kienu ta’ spiss jaħarbu lejn Malta. Il-Maltin li kienu jitħalltu magħhom bdew jitħajru biex fil-festa tar-raħal takkumpanja banda kif kien isir fl-irħula u l-ibliet ta’ Sqallija. Meta tajt daqqa t’għajn il-websites fuq dan is-suġġett sibt illi l-baned ta’ Sirakuża, Avola, Lentini, Noto u Augusta – l-eqreb bliet lejn Malta – imorru lura sa bejn l-1830ijiet u l-1860ijiet. Kien għall-istess raġuni li f’dan iż-żmien il-festi Maltin bdew jikbru f’dak li hu festeġġjament ta’ barra.
Jgħidu li l-eqdem banda tal-festa li kienet twaqqfet kienet dik ta’ Ħaż-Żebbuġ. Din iffurmaha ċertu Indri Borg, mużiċist għami, bniedem kapaċi sew, tant li kien anki jsewwi l-istrumenti mużikali. Alfred Delmar jikkwota l-kitba ta’ Dun Salv Ciappara, prokuratur tal-paroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ li għex f’dak iż-żmien. Dan jgħid li fl-1860 inħolqu żewġ skejjel u baned tal-mużika – dik ta’ Indri Borg u l-oħra ta’ Anġlu Galea. Aktar tard, l-istess Indri Borg waqqaf il-banda ta’ L’Isle Adam, ir-Rabat – imlaqqma ta’ ’Ndri. Illum għadna nirriferu għal xi banda żgħira jew antikwata bħala ‘il-Banda ta’ Indri’ minħabba dan l-individwu li għaqqad l-eqdem baned f’Malta. Dawn malajr bdew jiżviluppaw f’baned ikbar u mħarrġa sew. Issa l-istrumenti ta’ dawn il-bandisti mbidlu u bdew ikunu aktar simili għal dawk li kont tara fi Sqallija u fil-baned militari lokali, jiġifieri, l-istrumenti saru aktar tal-bokkin tar-ram (brass) kif ukoll tal-bokkin tal-għuda (woodwind).

L-istoriku P.P Castagna jgħid illi sal-1890, f’Malta diġà kien hawn 22 lokalità li bejniethom kellhom 34 banda. Dan ifisser li tnax minn dawn il-lokalitajiet kellhom aktar minn banda waħda. Dan seħħ minħabba li wara li ġew stabbiliti l-ewwel baned biex jakkumpanjaw il-festi ta’ barra tal-qaddis titular, xi fratellanzi li kellhom devozzjoni lejn xi qaddis ieħor fl-istess knisja, riedu li l-qaddis tagħhom jkollu l-istess trattament. Raġuni oħra għat-tieni banda fl-istess lokalità kienet li wara ftit, li xi membri fl-ewwel banda ma qablux bejniethom, inqassmu u saru tnejn. Dan apparti l-fatt illi xi ftit mil-lokalitajiet kienu maqsuma f’komunitajiet ta’ knejjes u qaddisin differenti u għalhekk il-parruċana kellhom devozjonijiet lejn qaddisin oħra.
Biex jiddistingwu ruħhom minn xulxin bosta minn dawn il-baned kienu magħrufa bil-laqam partikulari tagħhom. Hekk insibu li meta fost il-membri tal-banda Pinto ta’ Ħal Qormi (1862) kien hemm xi disgwid, xi bandisti ffurmaw banda ġdida, dik ta’ San Ġorġ Martri (1893). Din it-tieni banda kienet imlaqqma Tal-Werqa, waqt li ta’ Pinto kienu jgħidulha tal-Qalba – analoġija ovvja, għaliex mill-qalba joħroġ il-weraq.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Tal-Ajkla u tal-Istilla
Fost l-ewwel laqmijiet insibu dawk tal-ajkla u dawk tal-istilla. Minn dawn, fil-Belt hemm il-banda li llum hi magħrufa bħala l-King’s Own (1874), li oriġinarjament kienet magħrufa bħala La Stella – minħabba li nħolqot biex idoqq għall-festa ta’ San Duminku, u għalhekk żammet l-istilla, relatat ma dan il-qaddis bħala s-simbolu tagħha. Intant, is-Socjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette (1875) ta’ San Pawl, saret magħrufa bħala tal-Ajkla. Hawn min jgħid li dan hu hekk minħabba li fuq l-arma tal-Gran Mastru la Vallette li l-banda hi msemmija għalih hemm ajkla tal-fidda.
Biss dawn iż-żewġ eżempji ma jispjegawx il-fatt li f’Malta hawn bosta każini oħra li laqamhom hu tal-Istilla u Tal-Ajkla. Fost dawk il-baned jew każini magħrufa, bħala tal-Istilla hemm dawk ta’ Santa Marija Assunta ta’ Ħal-Għaxaq, Għaqda Mużikali Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa, il-banda La Stella tal-Gudja u dik ta’ San Ġorġ Għawdex. Il-baned magħrufa bħala Tal-Ajkla, insibuhom f’Ħal Luqa – s-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni, il-Każin tal-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan u dak ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, u tnejn mill-baned f’Ħaż-Żebbuġ. Bosta jaħsbu li r-raġuni għaliex dawn il-baned kienu mlaqqma hekk hu minħabba l-fatt li s-surmastrijiet ta’ dawn il-baned għażlu li jdoqqu mużika ta’ wieħed miż-żewġ kompożituri l-aktar popolari ta’ dak iż-żmien: Vincenzo Bugeja u Maestro Nani. Tal-ewwel ħolqu s-simbolu tal-istilla u tat-tieni għażlu l-ajkla bħala l-arma tagħhom. Dawn iż-żewġ laqmijiet kienu maħluqa biex jirriflettu s-supremazija u l-eċċellenza fil-kwalità ta’ banda mużikali fuq oħra, billi s-simboli magħżula jirriflettu l-għoli tas-smewwiet. Joseph Cassar Pulliċino isemmi taqbila li biha tal-istilla jinku lil tal-ajkla, li tgħid hekk:
U tassew li l-ajkla togħla
‘Ma ħdejn l-istilla qatt ma tasal
Laqmijiet oħra
Hawn ser nagħti lista, u fejn hu possibbli t-tifsira tal-laqmijiet ta’ ċertu baned u każini kif kienu jew għadhom magħrufa. Il-lista timxi b’mod alfalbetiku skont il-lokalità fejn jinsabu. Id-dati tal-fondazzjoni tal-baned ħadthom minn fuq il-websites jew minn kitba oħra dwar l-istess baned.
- Il-BELT VALLETTA Il-Banda La Stella, li diġà semmejt wara xi żmien bdiet tissejjaħ Prince of Wales; aktar tard reġgħet bidlet isimha u saret il-King’s Own. Interessanti li meta ġara hekk, it-titlu Prince of Wales ingħata lill-banda oħra Dumnikana – dik tal-Birgu. Semmejt ukoll li is-Socjetà Filarominka Nazzjonali La Vallette hi magħrufa bħala tal-Ajkla.
- Il-BIRGU insibu Is-SoċjetàFilarmonika San Lawrenz li sa żmien ilu kienet magħrufa bħala Duke of Edinburgh. Dan il-każin hu mlaqqam Tal-Palma minħabba li fl-ikonografija tal-qaddis San Lawrenz jidher qiegħed iżomm palma f’idu, simbolu tal-martirju li għadda minnu. Intant, il-Birgu hemm il-każin l-ieħor li jorganizza l-festa ta’ San Duminku, magħruf bħala tal-Istilla jew kif diġà semmejt, il-Prince of Wales. Dan tal-aħħar kien oriġinarjament imlaqqam ta’ Lanżitu, għal ċertu Lorenzo Grima.
- BIRKIRKARA Waħda mill-baned ta’ din l-akbar belt f’Malta, hi dik ta’ Sant’Elena (1919), magħrufa bħala tal-Bagri, waqt li l-banda l-oħra fl-istess belt, id-Duke of Connaught, hi mlaqqma bħala Tal-Għ
- Il-ĦAMRUN Il-Banda ta’ San Gejtanu hi magħrufa bħala Tat-Tamal, għax jgħidu li l-ewwel każin ta’ San Gejtanu kien inxtara mingħand negozjant tat-tamal li kien joqgħod f’dik il-binja. Imbagħad il-banda ta’ San Ġużepp hi mlaqqma Tal-Meskina.
- Ħal LUQA Iż-żewġ baned li nħolqu hawn kienu magħrufa oriġinarjament bħala tal-Faħam u tas-Surtun rispettivament, forsi għaliex dawn kienu juru d-differenza soċjali bejn il-membri taż-żewġ każini. Kif diġa għidt, dawn huma magħrufa, waħda Tal-Istilla(Sant’Andrija) u l-oħra tal-Ajkla (l’Unione).
- Fil-MELLIEĦAhemm żewġ każini, dak tal-Banda La Vittoria (1907) u l-ieħor l-Imperial (1930). Tal-ewwel kien magħruf bħala Ta’ Mizzi, għax kien ippatronizzat minn Nerik Mizzi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u l-ieħor bħala Ta’ Strickland, il-kap tal-Constitutional Party, li għen biex jinħoloq dan il-każin biex isaħħaħ is-sapport tiegħu f’dak ir-raħal.
- Fl-IMQABBA għandek iż-żewġ każini, Ta’ Santa Marija (1910) li darba kien imsemmi għar-Re Ġorġ V, biex ifakkar l-inkurunazzjoni ta’ dan ir-re, u Tal-Ġilju (1911),simbolu tal-purità tal-qaddis jew qaddisa.
- Ir-RABAT Apparti il-banda l-Isle Adam li kien beda Indri Borg, hemm dik tal-Konti Ruġġieru. Din il-banda hi mlaqqma bħala Tal-Lifgħa, minħabba li dan il-każin jorganizza il-festa ta’ San Pawl tar-Rabat. Kellha sotto titlu wkoll, bħala l-Banda Patriottika.
- VICTORIA – Għawdex Hawn inħolqu żewġ baned: il-Banda Cittadina La Stella, (ta’ San Ġorġ) u s-Socjetà Filarmonika Leoneta’ Santa Marija (Tal-Iljun). Il-laqam / L-isem Leone jirrifletti l-motto uffiċjali tal-għaqda, dak ta’ kuraġġ u saħħa tas-soċjetà. Mal-antiki, din il-banda hi magħrufa wkoll bħala Ta’ Binu, il-laqam ta’ Ġorġ Tabone, il-fundatur ta’ din il-banda. Tabone kien għaqqad din il-banda ma’ banda mużikali oħra fl-1863, dik ta’ Dirjanu (Dirjanu Lanzon).
- Haż-ŻABBAR Hemm iż-żewġ baned jappoġġjaw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja. l-Banda,Hawn insibu żewġ baned, Waħda hi s-Soċjetà Filarmonika Marija Mater Gratiae magħrufa bħala Tal-Baqra jew Tal-Baqrambun, li kien laqam tas-surmast tagħhom Ġużeppe Micallef. L-oħra, L-Għaqda Madonna tal-Grazzja – Banda San Mikiel, hi magħrufa bħala Tal-Bajda, għax skont kif jingħad, meta din il-banda sseparat minn ma’ tal-Grazzja, tellgħu bandiera bajda biex juru l-indipendenza tagħhom. Illum il-bandiera tagħhom hi fuq l-aħdar.
- Ħaż-ŻEBBUĠ It-12 of May Band and Social Club tista’ tgħid għandu tliet laqmijiet: Ta’ Fuq, Tal-Iljun, u Tat-Tnax. Ta’ San Filep huwa magħruf bħala l-każin Ta’ Isfel, biss magħruf ukoll bħala Tal-Istilla. Il-kazin l-ieħor, ta’ San Ġuzepp u l-Banda De Rohan tal-istess każin huma magħrufa wkoll bħala Tal-Ajkla.
- Iż-ŻEJTUN hemm il-każini – Tal-Iljun li talludi għall-Banda Beland (1861) – darba kien magħruf bħala Tal-Laqxa – u l-każin tat-Tigra, il-laqam tal-Għaqda Banda Żejtun (1933). Din tal-aħħar magħrufa wkoll bħala Tal-Labour. Iż-żewġ laqmijiet jirriferu għall-żewġt idbieb magħrufa għas-saħħa tagħhom. Żewġ laqmijiet maċoisti għall-aħħar li nsibuhom fil-laqmijiet ta’ diversi baned oħra, bħal dik ta’ San Pietru (1990) ta’ Birżebbuġa, għax din ukoll imlaqqma Tal-Iljun. Dan jirrifletti l-pika li kultant tinfexx f’animositàbejn ċerti baned.
- Fiż-ŻURRIEQ Il-banda Santa Katarina, oriġinarjament magħrufa bħala l-Filarmonica Mannarino, jew ta’ Mannarinu, illum magħrufa aktar bħala tal-Palma. Imbagħad hemm il-banda tal-Karmnu, darba magħrufa bħala lil-Filarmonica del Cavaliere, (Cav. Zimmerman Barbaro) illum bħala tal-Istilla. (informazzjoni mgħoddija minn Jean Luke Camilleri, miż-Żurrieq).
Minn din il-lista li semmejt u ismijiet oħrajn, wieħed jinduna li hemm diversi kategoriji ta’ laqmijiet. Hemm dawk li huma relatati mas-surmast fundatur tal-banda, bħall-każin tal-Għama ta’ Birkirkara, jew il-Każin tal-Baqra ta’ Ħaż-Żabbar. Hemm dawk li huma relatati direttament mal-isem tal-qaddis. Hekk fis-Siġġiewi wieħed miż-żewġ każini kien magħruf bħala Nicolina (1883). Laqmijet oħra huma wkoll relatati mal-post fejn jinsabu, bħal ma’ huma l-każini tal-Ħamrun u tal-Kalkara, fejn f’kull każ għandek il-każin Ta’ Fuq, u l-ieħor ta’ Isfel. Fil-każ tal-Kalkara Ta’ Fuq, dan hu magħruf ukoll bħala Tas-Sagra Familja, u Ta’ Isfel hu magħruf bħala Ta’ Malta – dawn huma l-ismijiet tal-istatwi li dawn il-baned itellgħu fuq kolonna fil-festa, qrib il-każini tagħhom. F’Ħaż-Żebbuġ mit-tliet każini, hemm wieħed li hu magħruf bħala Ta’ Fuq (12th May), u ieħor l-ieħor Ta’ Isfel (De Rohan). Dawn apparti li hemm il-każin u l-banda ta’ San Filep.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Hemm ukoll ċerti baned imsemmijin għal Gran Mastri. Apparti l-Beland li ġa semmejna, riferenza għal kunjom omm il-Gran Mastru Hompesch, insibu De Rohan ta’ Ħaż-Żebbug, Il-Pinto ta’ Ħal Qormi, u La Sengle tal-Isla (1865) li biż-żmien kienet spiċċat fix-xejn. Hemm ukoll is-Soċjetà Filarmonika Vilhena tal-Furjana (1874) u d-De Paule tar-Raħal Ġdid.
Insibu wkoll ħafna każini li fl-antik kellhom isem marbut mall-Familja Rjali Ingliża. Apparti dawk li diġà semmejna hemm ukoll Queen’s Own tal-Isla (1903), li issa reġa’ mar lura għall-isem oriġinali tiegħu, La Vincitrice. Dawn it-titli juru s-sentimenti tas-soċji u d-diriġenti ta’ dawn il-baned fi żminijiet meta Malta kienet kolonja. Dak iż-żmien kien unur għal dawn il-baned li jkollhom isem li jassoċjahom mal-monarkija u mal-Imperu Ingliż. Isem bħal dan kien isarraf fi stima għolja għalihom u għal-lokalità tagħhom.
Il-każini kienu u baqgħu ċentri importanti fejn jitħalltu n-nies minn kull strata tas-soċjetà. Hawn kien u għadu l-lok fejn in-nies imorru jqattgħu il-ħin liberu tagħhom jew jilgħabu t-tombla, il-biljards jew il-logħob tal-karti. Kien hawn fejn il-politiċi kienu jsibu l-okkażjoni u l-post addattat biex iħajru l-kostitwenti tagħhom lejn il-politika u l-partit tagħhom. Tant hu hekk illi ċerti każini baqgħu sal-lum assoċjati ma’ partit politiku jew ieħor.
Mit-83 banda li hawn f’Malta, bosta jagħtu lezzjonijiet tal-mużika – xi wħud minnhom bla ħlas – u anki jipprovdu l-istrumenti b’xejn liż-żgħażagħ biex anki jħajruhom jissieħbu bħala bandisti. Dawn il-każini, kienu bosta drabi l-post minn fejn trawmu ħafna fl-artiġjanat tal-logħob tan-nar. Kien hawn fejn fl-antik bosta kienu jingħaqdu bħala atturi tal-palk. Mill-każini ħarġu bosta organizzaturi mhux biss tal-festa iżda anki li ħadmu u amministraw f’avvenimenti kbar ta’ livell nazzjonali. Dan kollu juri kemm il-każini u l-baned tagħhom għenu biex ħolqu sens ta’ dinjità fil-lokalità tagħhom.
Nota tal-aħħar, illum, mhux biss insibu baned bil-laqmijiet iżda anki l-binjiet tal-kaħini tagħhom. Każ tipiku huma l-każini ta’ Ħal Għaxaq fejn wieħed hu mlaqqam il-Palazz u l-ieħor Il-Meravilja.
* * *
Ħajr lil Charles Coleiro għal ċerta informazzjoni mgħoddija bil-fomm dwar diversi aspetti ta’ dan is-suġġett. F’din il-kitba mxejt ħafna ma’ dak li qrajt u kultant kien hemm informazzjoni konfliġġenti. Għalhekk niskuża ruħi jekk forsi hemm xi ineżattezzi li ħarbuli u napprezza jekk tinfurmawni bihom biex dawn jiġu ikkoreġuti. email: mohba2016@gmail.com
Ikklikkja fuq waħda minn dawn l-ittri biex tidħol fil-paġni ta’ din il-website tal-Enċikopedija KliemuStorja …
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Bibliografija:
Agius W. Albert, Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u Trufijiet Oħra. BDL 2004.
Boisevain Jeremy, Saints and Fireworks, – Religion and Politics in Rural Malta. Progress Press Co. Ltd. 1993.
Boisevin Jeremy, ‘Festa Partiti and the British, Exploding a Myth’, The British Colonial Experience 1800 – 1964: The Impact on Maltese Society, Ed. Victor Mallia Milanes. 1988.
Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1976.
Delmar Alfred, ‘L-ewwel Banda’, www.każinsanguzeppzebbug.com
Mifsud Bonnici R., The Story of Philharmonic Societies. 1954.
Vella Joseph, ‘Music’, in Malta Culture and Identity, Eds. Henry Frendo & Oliver Friggieri. Ministry of Youths and the Arts. 1994.
Vella Bondin Joseph, Malta’s Musical Heritage: A Historical Overview’ in Malta – Roots of a Nation, Ed, Kenneth Gambin. Heritage Malta. 2004.
Muscat Rene, ‘Harsa lejn l-ambjent tal-għaqdiet u każini fit-tieni nofs tas-seklu dsatax’ 12 ta’ Ġunju 2020. renemuscat.blogspot.com.
Maltaband.org/soċjetajiet-mużikali/
* * *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
InteressantiProset Pawlu
Sent from Yahoo Mail for iPad
LikeLiked by 1 person