BNADAR TAL-FESTI

 

L-istorja tal-

BNADAR TAL-FESTI

bandalori u pavaljuni

 

F’Malta teżisti namra qawwija tal-bnadar li ilha ġejja minn żmien l-antik. F’dan l-artiklu ser nagħti xi ħjiel dwar l-istorja ta’ kif żviluppat din it-tradizzjoni matul is-sekli, skont l-informazzjoni li sibt, u kif illum l-interess u l-imħabba lejn il-bnadar żdied.

Minn żmien il-medjuevu ’l hawn, fl-Ewropa u l-madwar, il-bnadar servew bħala simboli ta’ poter, tmexxija, għaqda, ferħ, u biex jiddistingwu grupp minn ieħor. Forsi l-eqdem bandiera li nafu biha f’Malta hi dik li fis-seklu ħmistax, kienet tperper fuq is-swar tal-Imdina, bajda u ħamra. Din ma kinetx il-bandiera ta’ Malta iżda kienet bandiera li tirrappreżenta lill-Kunsill tal-Imdina (magħruf ukoll bħala l-Università). Dan ġa spjegajtu fl-artiklu, ‘Il-bandiera Maltija’ – li tista’ ssibu fuq din il-website. Insewha l-bandiera li tagħna l-Konti Ruġġieru (1091) – dik leġġenda u xejn aktar! ikklikkja hawn jekk trid taqra dan l-artiklu: https://kliemustorja.com/2021/01/08/il-bandiera-maltija-bejn-leggendi-u-fatti/

Il-Bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann

Galleys-and-Ships Command-of-Fleurigny-off-TripoliMeta l-Ordni ta’ San Ġwann salpa lejn Malta għall-ewwel darba, il-bastimenti kellhom iperpru l-bnadar tas-salib abjad fuq sfond aħmar. Bandiera bħal dawn ittellgħet fuq il-Forti Sant’Anġlu biex l-Ordni juri l-poter tiegħu fuq dawn il-gżejjer. Sakemm l-Ordni baqa’ Malta l-ebda Malti ma seta’ jtella’ xi bandiera fuq il-bejt tiegħu jew ixejjirha fit-toroq kif ifettillu. Il-bandiera kienet simbolu tal-poter u ċ-ċerimonjal, u li tintuża b’ċertu protokoll u l-Maltin ma kellhom xejn minn dan. Il-Maltin kienu jaslu biss li jġorru xi standarti tal-konfraternitàjiet li fihom kienu mseħbin bil-mijiet.

Għall-Maltin, il-bandiera tal-Ordni kienet il-bandiera li tirrapreżenta lilhom ukoll. Wara kollox, meta l-Maltin kienu jingaġġaw fuq ix-xwieni tal-Ordni u jsalpaw ’il barra mill-Port, dawn kienu jsalpaw taħt il-bandiera tal-Ordni. Mhux biss – anki meta xi tartana jew felukka ta’ xi imprenditur Malti kienet issalpa lejn Sqallija biex jimporta xi prodotti minn hemm, dan kien bilfors irid itella’ l-bandiera tal-Ordni fuq l-arblu tal-mirkeb.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Vara ta’ Kristu Rxoxt – Il-Birgu

Billi l-Ordni, apparti li kien il-ħakkiem ta’ Malta, kien ukoll ikkunsidrat bħala istituzzjoni reliġjuża mmexxija mill-Papa, u difensur kontra l-Islam, il-Maltin kienu jassoċċjaw din il-bandiera bħala simbolu reliġjuż. Dan it-twemmin baqa’ sal-lum, għaliex kważi f’kull festa għadek tara bnadar bis-salib abjad fuq sfond aħmar fost bosta bnadar oħrajn. Għadna sal-lum nirriferu għall-bandiera tal-Ordni bħala l-bandiera ‘Tar-Reliġjon’. Anki l-istatwa ta’ ‘Malta’ li titella’ fil-pjazza waqt il-festa, din il-figura kemm-il darba jkollha l-bandiera tal-Ordni. L-istess naraw fuq l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt.

Oriġini tal-bnadar fil-festi

Joseph Cassar Pullicino, (1992) jgħid li l-festi ta’ barra bil-purċissjonijiet bdew jieħdu l-għeruq fi żmien l-Ordni, matul il-medda tas-seklu 18. Biex jiċċelebraw il-festa kienu issa bdew jintużaw id-dwal mixgħula biż-żejt fil-lampi, beda jsir l-isparar bil-maskli, u anki bdew jittellaw xi bnadar, kemm fil-knisja, fuq il-binja tal-knisja kif ukoll fuq iz-zuntier. Cassar Pullicino jgħid ukoll li n-nies taż-Żurrieq kienu jikru l-bnadar għall-festa, jew mill-Belt, jew mix-xwieni tal-Ordni, jew mill-ALFIERA (dawk li jerfgħu il-bnadar) ta’ Ħaż-Żebbuġ, jew inkella mid-dejma ta’ dan l-istess raħal. Min-naħa tiegħu, l-Ordni wkoll kien jorganizza bosta festi f’okkażjonijiet oħrajn, bħal meta jkun elett Gran Mastru, jew inkella jkun elett xi Papa ġdid, jew f’xi okkażjonijiet oħra ta’ ferħ.

IMG_0092 (2)
Ħajr: Mużew tal-Parroċċa – il-Birgu

Intant insibu li fl-1724, il-Gran Mastru Vilhena, fit-23 ta’ Ġunju 1824, lejliet il-festa ta’ San Ġwann il-Battista, ħareġ bandu biex jordna lin-nies tal-Belt juru r-rispett tagħhom lejn il-qaddis patrun tal-Ordni, meta l-għada kellha ssir il-purċissjoni, billi jdendlu drappijiet tal-ħarir u twapet mal-gallariji u t-twieqi tad-dar:

[…] commandiamo che li Padroni delle case dover passerà la processione domani che sara il giorno della sua festa debbano adornare cosi le finestre come i balconi delle case loro con drappi di seta e tapeti […].

Dawn x’aktarx kienu twapet u pavaljuni sempliċi, xejn bħall-pavaljuni u twapet tad-damask u disinji li naraw illum. Verament, hawn ma jissemmewx bnadar, biss, jekk xejn, dan il-bandu jurina li l-Maltin kienu mġiegħla ‘jieħdu parti u jiċċelebraw’ fil-festi li l-Ordni kien jorganizza. Biss, l-istoriku Carmelo Testa, fl-istudju mistħarreġ tajjeb tiegħu, The Life and Times of Grand Master Pinto, isemmi li ħmistax-il sena wara li ħareġ dan il-bandu, meta l-Gran Mastru Pinto kien elett fl-1741, u dan ried iżur l-Imdina b’mod uffiċjali, hu rikeb il-karozzella mill-Palazz tiegħu fil-Belt sa Porta San Giorgio (Putirjal), fejn it-triq prinċipali kienet mżejna bil-bnadar. Jekk dawn kienux bnadar iperpru ma’ antinjoli mwaqqfa fl-art, jew imdendlin minn binjiet, jew inkella standarti merfugħa bl-idejn mill-alfieri ma nafux.

Araw din it-tpenġija li turi purċissjoni li fiha ħadu sehem kemm il-kavallieri tal-Ordni kif ukoll patrijiet Kapuċċini u l-fratellanzi, ad unur ta’ San Lawrenz, qaddis patrun tal-Birgu. Fit-tpinġija naraw l-istandart tal-Ordni (ritratt ta’ qabel – skrollja aktar ‘l fuq) u ż-żewġ standarti tal-fratellanzi (hawn taħt). Anki jekk stess din tidher li hi karikatura li qisha trid twaqqa’ il-ħaddara tal-purċissjoni għaċ-ċajt għax qed jieħdu sehem f’purċissjoni sagra u tradizzjonali, din turi li fil-purċissjoni kien hemm l-istandarti għas-entitajiet differenti li kienu qed jieħdu sehem fil-purċissjoni.

IMG_0096 (2)
Ħajr: Mużew tal-Paroċċa – Il-Birgu

Żmien L-Ingliżi

HMS BARHAM in Grand HarbourMeta ġew l-Ingliżi, il-Maltin kellhom biex jitpaxxew aktar bil-bnadar. Flok is-salib abjad fuq sfond aħmar, fil-Port il-Kbir, issa il-Port beda jkun mimli bastimenti bil-Union Flag fuq l-arblu. Dawn il-bastimenti kemm-il darba kien ikollhom ukoll xi banderetti mdendla mal-ventijiet meta jkunu qed jiċċelebraw u jfakkru xi avveniment Rjali. Matul is-seklu dsatax, il-Maltin baqgħu qatt ma dendlu xi bnadar fuq il-bjut tagħhom. Andrew Bigelow, Amerikan li żar Malta fis-sena 1827, jgħid li meta attenda l-festa ta’ San Pawl, il-Belt, hu nnota l-gallariji tad-djar fi Triq San Pawl imżejna bit-twapet, u li l-fratellanzi kienu qed iġorru l-bnadar bħala istandarti.

 

Birgu Old Bakery at Marina
Banderetti

L-importanza tal-istandarti kibret aktarx meta l-fratellanzi bdew jorganizzaw il-festi fuq skala ikbar, aktar u aktar meta, minn nofs is-seklu dsatax ’il quddiem bdew jiffurmaw il-baned tal-festi. Intant, dak iż-żmien, bosta organizzaturi tal-festi, li ħafna drabi kienu l-istess baned u fratellanzi, kienu ta’ spiss jistiednu l-baned Ingliżi biex jagħtu programm mużikali fir-raħal tagħhom fil-festa. Dawn il-baned kienu jiġu bl-istandarti tar-reġimenti tagħhom. Il-baned Maltin dejjem ammiraw il-baned militari u r-reġimenti bl-uniformijiet, l-istandarti u ċ-ċeremonjal tagħhom u għalhekk kellhom ħajra qawwija biex jimitawhom.

Great Siege Monument xx
L-inawgurazzjoni tal-monument tal-Assedju l-Kbir – 1927

Biss, l-influwenza tal-istandarti u l-bnadar ma ġietx biss minn hawn. Il-kultura tal-festi fi Sqallija għamlet tagħha wkoll għax issa bdew ġejjin ukoll surmastrijiet Sqallin u Taljani jidderiġu xi baned Maltin, u dawn ġabu t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżhom magħhom. Ma’ dan daħal ukoll l-użu tal-bnadar, bandalori, pavaljuni u l-antinjoli (jew kif kultant jgħidulhom, antarjoli). L-etimoloġija ta’ dawn il-kliem tikkonferma dak li qed ngħid.

L-organizazzjoni tal-baned u tal-festi ta’ barra bdiet tissoda aktar u d-dekorazzjonijiet tal-pjazez prinċipali u xi toroq tal-lokalitajiet bdew bil-mod il-mod ikunu aktar estiżi. Anton Attard, fil-kitba tiegħu, ‘Jum San Lawrenz fl-Imgħoddi – il-Festa tal-1886’, jgħid li l-pjazza tal-Birgu u ċerti toroq kienu mżejnin bil-bnadar u fjuri.

strada rjali feast

Fl-1892, Maturin M. Ballou, American ieħor, li kiteb dwar il-vjaġġi tiegħu f’pajjiżi mad-dinja kollha, jgħid hekk dwar l-imħabba tal-Maltin għall-festi tagħhom:

The amusement which seems to be most generally resorted to in Malta is that of parading through the streets in a special garb, [waqt il-purċissjonijiet] while displaying various banners in celebration of certain church festivals.

Is-seklu għoxrin

Hamrun 50s maybe
Bnadar fuq il-każini, il-Ħamrun – bidu tas-snin ħamsin

Fl-ewwel deċenni tas-seklu għoxrin bosta baned issudaw aktar minn qabel u saru ċentru importanti fejn l-irġiel tal-belt jew raħal setgħu jissoċjalizzaw. Dawn il-każini kienu issa jridu juru li għandhom baned ta’ kalibru u kien importanti li jirrapreżentaw ruħhom bl-aħjar mod. Il-bnadar fuq il-bjut tal-każini bdew isiru bil-mod il-mod aktar komuni. Meta banda kienet tagħti l-programm tagħha, kemm ġewwa r-raħal tagħha jew f’xi lokalità oħra, kien importanti li jkollha l-istandart tagħha.

Id-drapp tal-qoton, jew kif kienu jgħidulu, jew tax-xoqqa kien l-aktar li jintuża biex jinħadmu l-bnadar bih għaliex hu drapp relativament ħafif biex il-bnadar iperpru maż-żifa. Illum jużaw l-aktar nylon jew polyester. Il-wiri tal-bnadar fuq il-bjut baqa’ sas-snin sittin, kompitu tal-organizzaturi u mhux xogħol tar-residenti individwali, għax bosta mill-Maltin fil-faqar tagħhom ma kienux jifilħu jidħlu fi spiża għal dawn il-frivolitajiet ta’ darba fis-sena.

Fis-snin sebgħin, il-festi komplew jikbru, din id-darba b’pass enormi, wara li fl-1975, il-Gvern kien ħa f’idejh l-għoti tal-permessi tal-festi sekondarji, u l-Knisja tilfet id-dritt ta’ impediment fuq il-festi sekondarji li kienet stabbiliet fl-1935. Issa, l-organizzaturi tal-festi sekondarji bdew jagħmlu minn kollox biex ilaħħqu mal-festi primarji. Il-piki kif ukoll il-kontribuzzjoni ta’ aktar flus taw lok lil organizzaturi li jkollhom aktar armar ta’ barra, fosthom, bnadar, bandalori u pavaljuni. Il-ħajjata, dawk l-aktar qrib il-festa tagħhom, bdew joffru ix-xogħol tagħhom – ħafna drabi bi ħlas imnaqqas – biex il-preġju tal-festa jikber.

Ix-xogħol tal-bnadar, pavaljuni u bandalori

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Bandalora –  bl-isfumar Festa ta’ San Lawrenz, il-Birgu

Il-bandiera, jew pavaljun u bandalora tibda billi l-ewwel isir abbozz (skizz żgħir mid-disinjatur). Jekk dan jintgħoġob mill-organizzaturi dan isirlu l-’grandiment’, jiġifieri jsir id-disinn fil-kobor normali tiegħu. Imbagħad jibda jinqata’ d-drapp (polyester fil-każ tal-bandiera, jew crimplene fil-każ tal-pavaljun). Wara jibda l-’isfumar’, jiġifieri, l-proċess fejn id-disinn maqtugħ issa jiddeffes fl-isfond tal-bandiera maqtugħa biex id-disinn jidher miż-żewġ naħat tagħha. Dwar il-pavaljuni, it-tpinġija ta’ dawn tinżebagħ bl-acrylic u tkun l-istess, infilsata mad-drapp biex tidher miż-żewġ naħat.

Il-bnadar iperpru aktar minn qabel

Minn daqs ħamsin sena ilu ’l hawn, bdejna naraw lokalitajiet bi gzuz ta’ residenzi privati li l-bjut tagħhom ikunu mżejna bil-bnadar u ventijiet bil-bozoz ta’ kulur tal-festa li jżommu magħha. Hekk, pereżempju, jekk il-festa ċċelebrata hi tal-Madonna, il-bnadar iprepru bil-kuluri koħol jew koħol u bojod, jekk mhux ukoll bl-isfumar kollu intriċċi tal-ittri M M – għal Mater Mariae; jekk il-festa hi ta’ xi qaddis martri, il-bnadar jimtlew bl-aħmar, u l-bnadar tal-festi ta’ qaddisin oħra jkollhom kuluri u disijnji partikolari skont il-qaddis.

Pavaljun (2)
Pavaljuni – Festa ta’ San Duminku, il-Belt Valletta

Biż-żmien, il-bnadar bdew jikbru fil-kobor tagħhom u magħhom twalu l-antinjoli. Illum mhux rari li tara arblu ta’ madwar 25 metru għoli b’xi bandiera ta’ 10 x 15-il metru. Il-bnadar il-kbar tal-każini huma l-aktar li jkunu ddisinjati b’mod elaborat, xogħol li jista’ jiswa minn ftit mijiet ta’ Ewro sa xi eluf.

Barra dawn, it-toroq tal-lokalità jkunu miżgħudin bil-bnadar żgħar, li jiddendlu fit-toroq mal-kolonni tal-injam, bħal ‘trofej’. Il-pavaljuni saru jiksu t-toroq b’mod impressjonanti, qishom twapet ġganteski mdendlin fl-ajru u l-bandalori fuq l-antinjoli jikkumplimentaw dan.

F’ċertu lokalitajiet bosta organizzaturi tal-festi jitolbu r-residenti biex iħalluhom jarmaw antinjola fuq il-bejt tagħhom. Il-bandiera jissupplixxuha l-organizzaturi wkoll biex din tibqa’ tidher hemm għall-jiem ta’ qabel, u waqt il-festa. Imbagħad, hawn f’Malta mijiet ta’ dilettanti li meta jibnu d-dar ġdida tagħhom din tkun kompluta bil-frontispizju fin-nofs tal-opramorta fuq il-bejt, biex miegħu sserraħ l-antinjola. Apparti minn hekk, ikun hemm bżonn ta’ xi ventijiet biex jekk ikun riħ qawwi u l-bandiera tperper bis-saħħa l-arblu ma ssirlux ħsara. L-arblu li qabel kien ikollu l-GALLETTA fuq nett, issa sar ikollu bozza biex billejl din tinxtegħel b’dawl li jaqbel mal-istess kulur tal-bandiera u għalhekk mal-kuluri tal-partit.

frontispizju IMG_2101
Frontispizju fuq  il-każin ta’ San Ġużepp, Ħaż-Żebbuġ

Dawn l-antinjoli llum iservu mhux biss għall-bnadar tal-festa tal-lokalità iżda wkoll għall-bnadar tal-festi liturġiċi, bħal Korpus u l-Għid il-Kbir, kif ukoll għal xi ċelebrazzjoniet oħrajn, fosthom, okkażjonijiet ta’ logħob internazzjonali tal-futbol, jew biex jissapportjaw il-partit politiku l-aktar f’xi elezzjonijiet.

Għal kull waħda minn dawn l-okkażjonijiet il-bjut jimtlew b’bosta kuluri differenti. Kull ma jkun jonqos hi żiffa tajba biex il-bnadar jinfetħu u l-kuluri u d-disinji jitgawdew, almenu minn dawk kollha li jaqblu mas-simpatiji ta’ sid il-bandiera. Min jaf – jekk kultant sid il-bandiera jtella’ xi waħda apposta biex jinki l-ġar li jinzerta avversarju tal-partit li jżomm miegħu hu.

Martin Morana

2.07.2021.

Grazzi mill-qalb lil Anton Gellel għal bosta informazzjoni li tagħni għal dan l-artiklu.

 

Bibliografija

Attard Anton, ‘Jum San Lawrenz fl-Imgħoddi’. Programm tal-festa San Lawrenz. 1995.

Ballou Maturin M., The Story of Malta. Boston. 1893.

Bigelow Andrew, Travels in Malta and Sicily – with Sketches of Gibraltar. Boston. 1831.

Boissevain Jeremy, ‘Festa Partiti and the British – Exploding a Myth’. The British Cononial Experience 1800 – 1964, Ed. V. Mallia Milanes. Mireva Publications. 1988.

Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. Pubblikazzjonijet Indipendenza. 2004.

Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992.

Testa Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books. 1989.

https://www.talkarmnuzurrieq.org/armar

 

A bejn kliem u storja      Aa ARA X'INT TGHID      A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

 

Ara aktar dwar pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

 

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s