Logħob tan-Nar

L-istorja tal-

LOGĦOB TAN-NAR 

F’Malta

 

Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann

Il-logħob tan-nar żviluppa mit-taħlit tal-porvli kif użat fl-isparar ta’ kanuni u xkubetti ma’ materjal ieħor, biex b’hekk l-isplussivi ma baqgħux xi ħaġa tal-gwerra biss, iżda minflok bdew jintużaw fi spettakli li jpaxxu l-għajnejn. It-taħlita biex tispara kanun kienet tkun magħmula minn potassju tan-nitrat (75%), mill-faħam (15%), , u s-sulfat / kubrit (10%). Dawn l-elementi bażiċi setgħu waħidhom jagħmlu berqa u ħoss hekk kif jisparaw il-bomba. Biż-żmien, din ir-riċetta bdiet titħallat ma’ kimiċi oħra biex jiżdied il-kulur u l-qawwa tad-dawl u b’hekk in-nar isir spettaklu mill-isbaħ.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Maskli

F’Malta, fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, l-isparar kien iservi wkoll biex jingħata s-salut, billi kienu jkunu sparati tiri fl-ajru minn kanuni, maskli jew inkella xkubetti. Dawn tal-aħħar kienu jisparawhom l-arkubuġiera, jew kif kienu magħrufa wkoll il-muskettiera. Minn dawn tal-aħħar ħarġet il-kelma musketterija għaliex l-isparar tas-salut taghhom kienu isir b’mod wieħed wara l-ieħor, b’mod rapidu. L-okkażjonijiet ta’ festeġġjament kienu jkunu bosta, bħal pereżempju, kull meta jkun elett xi papa, jew gran mastru ġdid, jew inkella meta l-Ordni ried juri l-ferħ tiegħu għat-twelid ta’ xi prinċep ta’ xi renju li l-Ordni kellu relazzjonijiet tajbin miegħu. Fi żmien l-Ordni, in-nies li kienu jifhmu fil-logħob tan-nar kien hawn kemm trid għaliex, min dak iż-żmien kien inġaġġat bħala bumbardier fil-militar, kien jaf xi jsarraf il-porvli.

 

La macchina di fuoco

Macchina di fuoco Louis XIV
Macchina di fuoco fuq il-baħar ddekorata bis-simboli tar-Re Luigi XIV

Fis-seklu sbatax u tmientax, il-logħob tan-nar beda jieħu forma aktar sofistikata. Issa bdew anki jinbnew strutturi tal-injam, bħala arkati trijonfali ta’ stil Barokk, li fuqhom u madwarhom kienu jitqiegħdu il-maskli biex ikun sparat il-murtal b’mod ikorreografat. Din l-istruttura u l-isplussivi li kienu jkunu sparati fl-ajru minnha kienu jirriflettu mhux biss il-ferħ tan-nies li jgawdu l-ispettaklu iżda wkoll il-qima u rikonoxximent tad-dinjità li l-organizzaturi kienu jagħtu lill-persuna li f’isimha kien isir dan ix-xogħol pirotekniku. Din l-istruttura kienet tissejjaħ la macchina del fuoco, u kienet tintuża ġmielha, kemm f’pajjiżi Ewropej kif ukoll f’Malta. Lokalment, din kienet tintrama’ fin-nofs tal-Pjazza San Ġorġ, il-Belt, jew inkella fuq il-Binja tal-gwardja (il-Main Guard), faċċata tal-Palazz. B’dan il-mod, il-logħob tan-nar seta’ jitgawda mill-gran mastru u l-mistiedna tiegħu, mill-gallarija tal-istess binja.

Żgur li l-Kavallieri li introduċew dan l-ispettaklu f’Malta kienu ġejjin mill-Italja. Patrick Brydone, Skoċċiż li kien żar Malta fl-1770, hekk kif telaq minn Malta ivvjaġġa lejn Palermo. Hemm kellu l-okkażjoni jara l-logħob tan-nar li sar fil-festa ta’ Santa Rosalia. Dan irrimarka dan li ġej dwar dak li ra: ‘[…] the most elegant fireworks are exhibited in different parts of the city and on the sea, where they make in the night a very beautiful appearance […]’. Mela dan juri li fi żmien l-aħħar tas-seklu tmientax il-logħob tan-nar fi Sqallija kien leħaq ċertu livell u kien spettaklu fantasjuż li sata’ anki influenza lill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. (Brydone 1770).

Żmien l-Ingliżi

Il-logħob tan-nar baqa’ jsir matul is-seklu dsatax, anki jekk issa Malta kienet taħt l-Ingliżi. Il-logħob tan-nar kellu ħafna x’jaqsam mal-festi u t-tradizzjonijiet Maltin u l-Ingliżi ma ridux ifixklu dan il-gost li tant kien importanti għall-poplu Malti. Dan minkejja li għalihom Malta kienet ikkunsidrata fortizza li kif wieħed jisspononi, mhux la kemm tħalli l-isplussivi f’idejn il-poplu li tkun qed taħkem b’mod awtokratiku.

Raymond Saliba, fl-artiklu tiegħu, ‘Il-Festa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ bejn 1814 u l-1841’, jgħid li f’sena minnnhom, intefqu daqs 75 skud bejn fuoco artificiale (logħob tan-nar tal-art mhux mekkanizzat), razzi (fjammi li jitilgħu mill-art) u polvere da sparo, li jinħaraq bil-maskli’. (sors: leaflet / ktejjeb ippubblikat, Każin Banda San Filep). L-istess riċerkatur jgħid ukoll li fl-1820, il-logħob tan-nar tas-Siġġiewi kien ikkommissjonat lil xi ħadd barrani biex jaħdmu hu. Biss jidher li min qabbdu reġa’ bdielu għax ftit wara fittex pirotekniċi Maltin. (Pyrotechnic Malta, 2012). Dawn iż-żewġ aneddoti jfissru li l-Maltin kienu kapaċi sew fil-logħob tan-nar fl-ewwel snin tas-seklu dsatax.

Aħmed Josef Faris ax-Xidjaq Lebaniż li kien jgħix Malta għal bosta mis-snin tal-1832 u l-1848, jgħid illi fost il-gosti tal-Maltin kien hemm il-festi tal-irħula li fihom kien isir il-loġħob tan-nar, (Francis Xavier Cassar, 1985). Intant, fid-dizzjunarju  kontemporanju, Malti – Taljan – Ingliż, G.B. Falzon, (1845), jagħtina t-tifsira tal-kelma ‘suffarell’: ‘[…] razzo; fuoco d’artificio che si getta per l-aria, escoppiando il suo inviglio, disperdarsi in una piogga di piccoli fuochi – fit-tifsira bl-Ingliż dan kollu jispjegah bħala, rocket; sky-rocket […]’ Din it-tifsira tista’ tgħinna nifhmu xi ftit, x’tip ta’ logħob tan-nar kien qiegħed jinħaraq dak iż-żmien.

Intant, insibha stramba li, kemm Andrew Bigelow, vjaġġatur Amerikan (1828), kif ukoll William Tallack, Ingliż, (1861) li t-tnejn jagħtu deskrizzjoni dettaljata tal-festeġġjamenti tal-festa ta’ San Pawl fl-10 ta’ Frar, fil-knisja tan-Nawfraġu, il-Belt, ma jsemmu l-ebda logħob tan-nar, allavolja din kienet waħda mill-aktar festi importanti f’Malta. Lanqas l-Ingliż Percy Badger, li għex parti kbira minn ħajtu f’Malta, fid-deskrizzjoni tiegħu dwar il-ġżejjer Maltin (1838), ma jsemmi xejn dwar il-logħob tan-nar fil-festi. Dan tal-aħħar jgħid biss illi fil-festa ta’ Kristu Rxoxt, mit-Torri, ta’ San Ġakbu, il-Belt, kienu jiġu sparati tiri tal-kanuni (nassumi li setgħu kienu maskli) li mas-sinjal tagħhom kienet issir il-ġirja bil-vara ta’ Kristu Rxoxt. Ir-Reverendu Henry Sedall, fil-ktieb tiegħu dwar Malta (1870), jgħid prattikament l-istess ħaġa bħal Badger; biss, iżid li mal-isparar tal-kanuni  minn fuq l-istess torri, kienu wkoll jisparaw ‘squibs’, jiġifieri, suffarelli bil-ħoss).

Ingliżi jiċċelebraw il-viżiti tal-membri tal-Familja Rjali bil-logħob tan-nar

Aktar tard fis-seklu dsatax, l-Ingliżi bdew jinkludu l-logħob tan-nar fiċ-ċelebrazzjonijiet majestużi tagħhom, l-aktar meta xi membru mill-Familja Rjali kien iżur Malta. Dan il-festeġġjament ma kinux jagħmlugh waħidhom. Anki l-Maltin, dawk  tal-flus, kienu jkomplu magħhom. Meta fl-1862, il-Prinċep ta’ Wales, Albert Edward, żar Malta, l-imprenditur Malti, Farrugia Bugeja, organizza bosta avvenimenti fejn stieden ħafna nies; fost affarijiet oħra, ħejja anki logħob tan-nar li nħaraq f’nofsillejl, fil-Port il-Kbir, (Michael Ellul, 1998). Fl-1876, meta l-istess Prinċep reġa żar Malta, il-logħob tan-nar din id-darba kien organizzat mill-awtoritajiet Ingliżi. Dan ġie sparat minn fuq Kordin, biex il-Prinċep igawdieh mis-Saluting Battery, tal-Barrakka ta’ Fuq. Biex jorganizza dan l-ispettaklu l-awtoritajiet ikkommissjonaw lil pirotekniku magħruf Ingliż, James Pain. Fost il-logħob tan-nar kien hemm, ‘[…] 21 aerial maroons, monster balloons displaying Roman candles and Chinese fireworks, two  hundred large rockets, … a flight of 1,500 coloured rockets and a great aquatic display of fiery fish, water rockets and other novelties […]’ (Michel Ellul, 1998). Logħob tan-nar ieħor kien sar fl-1887, meta kien iċċelebrat il-Ġubilew tar-Reġina Vittoria. Dak inhar, il-logħob tan-nar tgawda minn eluf kbar ta’ nies fuq il-Fosos tal-Furjana (Michael Galea, 1971).

Sadanittant, fit-tieni parti tas-seklu dsatax il-każini tal-baned bdew jinbtu ma’ kullimkien. Issa, fl-ibliet u l-irħula inħoloq ċentru fejn il-membri tal-banda saru ħafna drabi l-organizzaturi mhux biss tal-programm mużikali tal-festa, iżda kienu wkoll jorganizzaw il-festa, xogħol li qabel kienu jagħmluh il-fratellanzi. B’hekk, il-każini bdew ukoll jattiraw dawk l-individwi li sa dak iż-żmien kienu jaħdmu l-logħob tan-nar għar-rashom. Fil-każ ta’ Ħal Qormi, fl-1891, sentejn qabel ma kien infetaħ il-każin ta’ San Ġorġ Martri (1893), fil-festa kienu saru bosta ġigġifogi fi tmien postijiet differenti tar-raħal. (Grima: ara bibliografija hawn taħt).

Il-logħob tan-nar fis-seklu 20

Il-logħob tan-nar kompla, kemm mill-Maltin kif ukoll mill-Ingliżi. Dawn tal-aħħar baqgħu jużaw dan it-tip ta’ spettaklu f’okkażjonijiet ta’ importanza. Waħda minn dawn l-okkażjonijiet kienet meta ir-Re Dwardu VII żar Malta fl-1903. Dakinhar kien ittella’ l-logħob tan-nar minn fuq il-Mall u r-Re Dwardu kienu ħaduh apposta fuq il-Guard Room ta’ Kings Gate / Putirjal biex igawdi dan l-ispettaklu,(Michael Galea, 1970). Okkażjoni oħra kienet fl-1 ta’ Novembru tal-1921, meta kien ġie l-Prinċep ta’ Wales, Edward Albert, biex jiftaħ uffiċjalment l-ewwel Parlament Malti. Dakinhar, il-logħob tan-nar kien sparat min-naħa tat-Telgħa tal-Kurċifiss (Michael Ellul, 1998).

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Dilettanti tal-logħob tan-nar tal-kamra tan-nar il-ġdida li fetħet  fl-1924, (ħajr tar-ritratt: Isaac Aquilina)

Fl-1903, kienet seħħet splużjoni f’Ħal Balzan, fil-post fejn kien qed jinħadem il-logħob tan-nar. F’din l-isplużjoni kienu mietu sitta min-nies. Ftit wara saret splużjoni oħra li fiha għal darb’oħra mietu pirotekniċi oħrajn. L-awtoritajiet Ingliżi malajr introduċew regoli ġodda ħafna aktar stretti ma dawk li kien hemm biex id-dilettanti tal-logħob tan-nar japplikawhom rigorożament. Lejn l-aħħar tas-snin għoxrin, kien inġieb pirotekniku minn Sqallija biex jaħdem il-logħob tan-nar f’Ħal Qormi (Raymond Saliba 2002), u dan jidher li ndaħal ukoll biex jgħallem lil bosta dilettanti Maltin dwar din is-sengħa. Kien żmien li ħafna kienu bdew jesperimentaw ukoll bil-kuluri, anki jekk id-dilettanti ma kinux jafu ir-reazzjoni ta’ ċerta kimika u l-periklu tal-materjal użat meta dan titħallat waħda mal-oħra. Minħabba f’hekk, matul is-snin xorta kienu seħħew ħafna inċidenti traġiċi.

Fl-1935, il-Knisja f’Malta riedet trażżan il-kompetizzjoni fi kwalunkwe lat tal-festi sekondarji li issa bdew jimpikaw sew mal-festi primarji. Għalhekk il-Kurja ħarġet digriet li minn issa ’l quddiem il-festi sekondarji kellhom jieqfu milli jsegwu l-ambizzjonijiet tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, il-logħob tan-nar trażżan ukoll. Dan waqaf għal kollox matul t-Tieni Gwerra Dinjija. Biss, dan ix-xogħol reġa’ beda mis-snin ħamsin ’l quddiem.

Illum

Illum, f’Malta insibu li hawn sitta u tletin kamra tan-nar li jservu mat-tmenin festa, tista’ tgħid f’kull lokalità. Apparti minn hekk, mill-2002 beda jsir anke festival tan-nar fil-Port il-Kbir li fih ħadu sehem numru kbir ta’ kmamar tan-nar lokali. Dan malajr żviluppa u sar Festival Internazzjonali li fih il-kumpaniji Maltin bdew iħabbtuha b’mod kompettitiv ma’ kumpaniji barranin li jaħdmu fuq livell professjonali u kummerċjali. Bis-saħħa ta’ dan il-festival, issa kienu bdew isiru kaxxi infernali fejn il-logħob tan-nar kien bedfa jkun issinkronizzat mal-mużika. Għal dan kien hemm bżonn li tkun użata teknoloġija moderna biex is-sinkronizazzjoni bejn ir-refgħat tan-nar jaqblu mal-ħoss mal-mużika bi preċiżjoni. Din it-teknoloġija mhux biss ipperfezzjonat l-ispettaklu iżda anki waqqfet ħafna mill-perikli li kienu jeżistu qabel fir-rigward tal-isparar tan-nar.

ballun MG_3167

Termini tal-logħob tan-nar

AKKUMPANJAMENT   Murtali / murtaletti tat-tliet fetħat/fetħiet li jkunu sparati wieħed wara l-ieħor, f’jum il-festa waqt il-ħruġ tal-purċissjoni bil-vara mill-knisja.

BALLUN     Fetħa tal-kulur f’forma ta’ ballun.

BATTERIJA    Riferenza għal kaxxa infernali, bombi, beraq jew qasmiet tal-kulur li jfaqqgħu wara xulxin. Tista’ tirreferi għall- ‘kaxxa Spanjola’. Din tinħaraq waqt li tkun ħierġa l-vara mill-knisja, preċiżament wara l-wieħed u għoxrin salut.

BEBBUXU    Qasma tal-kulur li  tkun ta’ qies pjuttost kbir, li flok tiftaħ f’daqqa, tibda tiftaħ dawra tond, u l-effett tagħha jkun li n-nar idur f’ċirkonferenza kull biċċa tifforma qisu bebbux.

BERAQ     Hemm diversi beraq, fosthom il-BERAQ PRONT  –  qasma ta’ beraq li taħsad u fl-ajru jkollha l-istess effett ta’ meta tfaqqa’ berqa.  Hemm ukoll dak li jissejjaħ il-BERAQ LIXX. Lixx għaliex ikun hemm ħoss wieħed biss.

BANDIERA    Ħarqa li meta tiftaħ, iċ-ċirku ta’ barra jew iċ-ċentru jkun magħmul minn żewġ nofsijiet. Kull nofs ikun kulur differenti. Eżempju nofs iċ-ċirku blu u nofsu aħmar.

BARAXX     Murtali li jitilgħu f’daqqa minn diversi bnadi. Dawn jistgħu jiffurmaw diversi blalen.

ĊRIEKI     Qasmiet tal-murtali tal-kulur.  Qasma tista’ tkun b’ċirku wieħed, bi tnejn jew bi tlieta.

FUNTANA TAL-ART    Logħob tan-nar li jitla’ bħal murtal mill-art biss li jġorr miegħu denb irqieq ikkulurit. Jixbah kemxejn il-forma tal-IMREWĦA.

ĠIGĠIFOGU    Logħob tan-nar tal-art mekkanizzat b’irdieden u strutturi oħra kemm, dawk weqfin kif ukoll oħra li jiċċaqalqu  b’diversi modi.

ĠIRANDOLA  / ROTA    Mit-Tal. girandola. Tip ta’ logħob tal-art li jinħaraq fuq l-irdieden.

KAXXA INFERNALI     Kwantità kbira tal-logħob tan-nar ta’ kull tip li jinħaraq fi spettaklu wieħed. Il-kelma infernali skont interpretazzjoni minnhom suppost tissejjaħ ‘finali’, jiġifieri, il-logħob tan-nar tal-aħħar.  E.S.I. jgħid li dan kien il-logħob tan-nar tal-art, (il-ġigġifogu) ta’ bosta biċċiet, li jkun sparat f’daqqa.

KAXXA  SPANJOLA    Beraq tal-kaxxa infernali b’ħoss ta’ bombi qishom sparar ripetut u mgħaġġel minn azzarin.

KRUĊETTI / KURĊETTI    Qasmiet tal-kulur forma ta’ stilla li meta jiftħu t-truf tagħhom jgħaddu minn ġo xulxin.

KULUR  TAD-DAWL     Norm. jintuża fl-aħħar mumenti tal-kaxxa infernali. L-istilla tal-murtal tkun tiddi.

LAMPJUN  –  Kelma li ġejja mit-Taljan lampione. Bomba li meta tfaqqa’ tarmi dija safranija, u tfaqqa’ aktar minn dik normali. Il-lampjuni, normalment, ikunu minn wieħed sa tnejn, u jiġu sparati biex juru li l-logħob tan-nar tal-ajru għal dakinhar intemm.

MASKLU    Kanna tal-metall li minnu jkunu sparati tip ta’ murtali. Kelma li ġejja mill-Isqalli masculu – bocciuolo di ferro che si carica di polvere e si spara in occasione di solennità.  (Sors: Aquilina u Serracino Inglott). Sorta di strumento che si carica con polvere di archibuso e che si spara per fare strepito in occasione di solennita e sim. Mortaletto. (Dizionario Siciliano (1853).

MREWĦA     Serbut tan-nar li jitla’ mill-art u jinfirex qisu mrewħa minħabba l-mod ta’ kif ikunu mwaħħlin il-kanni mal-istruttura.

mrewha 2363106476032_o

MSIELET   Murtaletti li fid-dwawar tagħhom joħorġu bħal trikki trakki, jew bombi żgħar li jfaqqgħu b’ħoss baxx mat-tlugħ f’kull dawra.

MURTAL  –  Isem ġeneriku li jirriferi għal bomba li tkun sparata fl-ajru. Kull ħaġa li tispara ruħha minn kanna u tagħmel xi tip ta ħoss jew tħalli l-kulur huwa murtal. Biss, fil-linġwaġġ tal-piroteknika jeżistu diversi tipi ta’ murtali. Il-murtali jiġu f’qisien differenti. Hemm dawk tas-sitt pulzieri, dawk tat-tmienja u dawk tal-għaxra fost oħrajn. Il-murtali jistgħu jirriferu għal dawk tal-beraq, beraq pront beraq lixxi u oħrajn.

Kirkop murtali

MURTALETT    Murtal li jiftaħ aktar minn darba (eż. tliet fetħiet).

MURTAL  BIL-LOGĦOB     Murtal kbir li jkollu taħlita ta’ beraq ta’ kull qies,  jingħad li jsir f’Malta biss.

MUSKETTERIJA    Kelma li  mit-Taljan moshetteria, li oriġinarjament kienet tirriferi għas-salut ta’ bosta tiri li jiġu sparati mill-ixkubetti tas-suldati li jġorru l-armi l-arkubuġeri jew muskettieri (mit-Tal. moschettieri). Dawn huma tip ta bombi żgħar ħafna li jinħarqu minn fuq il-bejt tal-każin ġeneralment meta, jew toħroġ il-vara mill-bieb tal-knisja għall-purċissjoni, jew meta tkun dieħla l-purċissjoni. Matul il-ġimgħa l-musketterija tinħaraq wara li tingħata l-barka u sservi ta’ sinjal biex jibdew jinħarqu l-murtali ta wara l-funżjoni tat-tridu fil-knisja. L-użu tagħha huwa wkoll li jintbagħat il-messaġġ lill-pirotekniċi tal-logħob tal-ajru sabiex dawn jipprepreparaw minnufih biex jaħarqu l-kaxxa tal-ħruġ u l-kaxxa tad-dħul.

RAĠĠIERA      Qasma tal-kulur li bħal stilla ta’ diversi kuluri iżda l-aktar dak bajdani jew tal-fidda.

REFGĦAT  –  Kull tip ta’ murtali meta dawn jittellgħu f’daqqa minn diversi postijiet. L-istess bħal BARAXX.

SALUT  –  Il-wieħed u għoxrin bomba li jinħarqu hekk kif toħroġ l-istatwa mill-knisja. Jingħata wkoll waqt funeral meta jkun miet xi membru tal-kamra tal-logħob tan-nar.

SERPENTELLI –  Qasma tal-kulur (jew aħjar raxxijiet tal-kulur) li meta tiftaħ il-murtali jisserpjaw u jiġru fis-sema ma’ kullimkien b’ħoss baxx bħal meta tgħaddi qatgħa ħamiem tat- tiġrija minn fuq il-bjut.

SAJŻIJIET (mill-Ing. size) – murtal tal-bomba jew tal-kulur li jkun fih madwar ħames bombi wara xulxin u beraq fl-aħħar.

STOPPIN/U     Murtali żgħar li fil-qawwa tad-dawl u ħoss tagħhom huma fjakki. Dawn jittellgħu bosta drabi minn fuq il-bjut tal-każini jew minn fuq id-djar privati.

TAPIT   Il-ġigġifoku li ġeneralment jingħata fl-aħħar. Dan normalment jikkonsisti fl-logħob tan-nar fuq tliet arbli jew aktar bir-roti jitkebbsu f’daqqa biex l-effett ikun jinkludi n-nar abjad jew tal-fidda qawwi.  – Iva

TRIKKI TRAKKI     Mit-Tal. tricchitracche (piccoli petardi che esplodono in sequenza per produrre rumore). Logħob tan-nar żgħir li jagħmel ħafna tfaqqiegħ b’ħeffa, waħda wara l-oħra.

GIGGIFOGU73_8665537410957836288_o

Martin Morana

10  ta’ Lulju  2022

Ħajr lil Jonathan Mifsud li kien għamel taħdità dwar is-suġġett, fis-sensiela, ‘Tradizzjonijiet Orali’ organizzata mill-Università ta’ Malta fid-9 ta’ Mejju. 2022. It-test komplut kif inhu issa għaddejtu lis-sur Mifsud li ġentilment għoġbu jduru biex inkun ċert li ma fihx żbalji dwar il-kliem tekniċi tal-logħob tan-nar.

Ara: https://www.facebook.com/um.tradizzjoniorali/videos/948152892535955

Ħajr għat-tifsira ta’ bosta minn dawn it-termini lil Noel Castillo.

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija:    

Aquilina Isaac, In-Nar f’Ħal Għargħur – Storja ta’ Raħal u Ftit Tagħrif 
Ġenerali.
Brydone Patrick, A Tour through Sicily and Malta in a Series of Letters to 
William Breckford Esq., of Somerley in Suffolk, from P. Brydone F.R.S. R. Chapman, Glasgow. 1817.
Camilleri Emy, ‘Il-logħob tan-nar daqs 50 sena ilu’. Soċjetà Piroteknika 15 
ta’ Awwissu. (programm 1983).
Cassar Francis Xavier, Tagħrif Dwar Malta tas-Seklu 19. Ċentru Kulturali 
Islamiku Malta. 1985.
Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore, University Press. 1996.
Coleiro Charles, Il-Festi Tagħna. PIN. 2003.
Ellul Michael, History in Marble. PEG. 1998.
Galea Michael, Malta- Historical Sketches. Veritas Press. 1970.
Galea Michael, Malta - More Historical Sketches. Veritas Press. 1971.
Ganado Albert, ‘Giuseppe Bonnici’s extant drawing of a Macchina di Fuoco’, 
Treasures of Malta, Easter, No 47,  Vol XVI.
Grima Joseph F., ‘San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi u l-Iżvilupp Storiku tal-Festa 
Maltija’.
Mortillaro Vincenzo, Dizionario Siciliano - Italiano. 1853.
Saliba Raymond, ‘The Development of Pyrotechnics in Malta’, Pyrothechnic 
Malta, Ed. Godfrey Farrugia. Best Print. 2012.
Zammit William, ‘A Splendid macchina de fuochi for Clement XIV’, Treasures 
of Malta, no 46, Christmas 2009, Vol XVI. No.1.
Glossario dei Termini Pirotechnici: 
https://studylibit.com/doc/1014615/4.-glossario-dei-termini-pirotecnici
‘I jochi focu - Fuoco D’Artificio’ - Panormus:
 https://www.palermoweb.com/panormus/usanze/fuochi.htm
‘Fireworks’, www.livescience.com

Għal aktar informazzjoni dwar kitbiet oħrajn tal-istess awtur ikklikkja hawn:

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Aa ARA X'INT TGHID    A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)    AA cover page

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s