A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *

Il-pjanti huma l-eqdem rimedju ta’ fejqan li l-bniedem uża sa minn żmien il-preistorja. Sa ftit ġenerazzjonijiet ilu, il-pjanti, kemm dawk aromatiċi, ħwawar u ħaxix selvaġġ ieħor li jitkabbar għall-ikel, kienu tista’ tgħid, l-uniċi rimedji, flimkien mat-talb, għal ħafna mard. Fid-dinja moderna, is-sustanzi tal-pjanti, kemm jekk miz-zokk, mill-fjuri, mill-weraq jew mill-għeruq, għadhom jiġu estratti f’diversi partijiet tad-dinja għall-istess skop.
Kienu l-ewwel il-bdiewa, u mbagħad l-erbalisti li skoprew is-sustanzi mediċinali tal-pjanti, kultant b’kumbinazzjoni, kultant wara ħafna esperimenti. Mhux kull pjanta kienet ta’ valur mediku u kapaċi tfejjaq; kultant ċerti pjanti kienu jintgħażlu minħabba x-xebh tagħhom ma’ xi kundizzjoni fiżika tal-marda. Hekk pereżempju nsibu li l-għerq sinjur, (magħruf ukoll bħala l-għerq il-ġeneral), tant użat fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, suppost kien jaħdem tajjeb kontra d-disinterja (it-tnixxija tad-demm) – sempliċiment għaliex in-nies waħħluha f’rashom hekk, billi l-fjuri ħomor irqaq fuq iz-zokk ta’ din il-pjanta huma tal-istess kulur tad-demm. L-istess it-twemmin fl-ixpakkapietra. Din tissejjaħ hekk għax bosta jemmnu li din il-pjanta hi u tikber taqsam il-blat, (għalkemm, fil-verità din il-pjanta tikber fix-xquq tal-blat u mhux ixaqqaq il-blat). Bosta kienu u għadhom jemmnu li kif din il-pjanta kapaċi xxaqqaq il-blat hekk ukoll kapaċi tfarrak il-ġebla fil-kliewi. Fil-verità it-teħid ta’ din il-pjanta kien jidher li jirnexxi għaliex din il-pjanta għandha effetti djuretiċi, (taħdem fuq biex iżżid l-awrina) u b’hekk il-ġebla timxi u tgħaddi mal-awrina, għalkemm mhux dejjem. Guido Lanfranco jsejjaħ dan it-tip ta’ kura, ‘id-duttrina tax-xebh’. Dan apparti l-effett mentali fuq il-ġisem (placebo effect), fenomenu li kapaċi jaħdem fuq sittin fil-mija tal-pazjenti.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Matul is-sekli, il-pjanti mediċinali baqgħu jintużaw bil-bosta bħala rimedju ta’ fejqan, mhux biss mit-tobba u l-ispiżjara iżda anki min-nies komuni, skont it-tagħlim li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fost l-ispeċjalisti fil-ħxejjex li jfejqu, nafu bil-famuż Frenċ tal-Għarb (1892 – 1967), li kien erbalista u gwaritur spiritwali ta’ bosta pazjenti bis-saħħa tat-talb. Mijiet kienu jirrikorru għalih, kultant wara li r-rikomandazzjonijiet tat-tobba ma ħadmux.
Fl-1969, Carmelo Penza, il-kuratur tal-ġnien botaniku tal-Argotti, ippubblika lista ta’ 257 pjanta li jikbru f’Malta, li hu kien iqis li kellhom kwalitajiet mediċinali. Għalkemm illum kulħadd ġej u sejjer għand l-ispiżjar bil-flixken tal-mediċina f’idejh, ftit jirrealizzaw li mħallta ma’ dawk il-pinolli hemm dawk li hemm bosta mediċina magħmula mhux biss sintetika, iżda wkoll estratti mill-pjanti. Illum, bosta reġgħu qed jirrikorru għal ħxejjex u ħwawar bħala l-ewwel rimedju ta’ fejqan.
Hawn taħt ġbart lista ta’ xi pjanti li tradizzjonalment kienu l-aktar imfittxija biex jittrattaw diversi mard u kondizzjonijiet ta’ kull tip. Il-lista hi mfassla b’mod alfabetiku.
*
NIXTIEQ NIĠBED l-ATTENZJONI - (disclaimer) Din il-kitba hi ppreżentata hawn bi skop biss ta’ tagħlim dwar il-pjanti mediċinali folkloristiċi ta’ Malta. L-awtur bl-ebda mod m'hu qiegħed iħajjar jew jirrakkomanda lill-qarrej biex jagħmel użu mill-pjanti kif deskritt.Jekk il-qarrej jagħmel dan l-awtur ma jżommx ruħu responsabbli.
ANZALORA / ŻAGĦRUN (Is. xj., Cratageus azarolus) magħrufa wkoll bħala żagħrun. Il-frott u l-weraq ta’ din is-siġra kienu jintużaw bħala toniku tal-qalb u għall-pressjoni. Sqal. azzalora jew ‘nzalora. Ing. Mediterranean medlar. Għ. żagħrur.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
BAJTAR TAX-XEWK (Is. xj. Opuntia opuntia). Il-pal tal-bajtar kien jinxtewa u jintuża bħala ġbara biex jitrattaw l-infafet u l-uġigħ tal-għadam. Il-fjuri tal-bajtar instab li huma tajbin kontra d-dijarea. Ing. prickly pear tree.
BASAL TAL-IKEL (Is. xj. Allium cepa L.) Apparti li apprezzat bħala ikel, il-basal kellu l-użu tiegħu fil-mediċina tradizzjonali. Kien hawn min jixwi jew jaqli l-basla biex jagħmel ġbara l-aktar għal uġigħ ta’ żaqq. Ing. garden onion.
BASAL TAL-GHANSAR (Is xj. Uriginea pancration / Charybdis pancration /U. marittima) Ing. Sea Squill. Jittieħed estratt minnu għal kura tal-qalb.
BUQEXREM (Is. xj. Verbena officianalis). Pjanta li kienu jużawha biex ifejqu l-feriti għax astrinġenti tnixxef u tfejjaq il-ġilda. Kienet ukoll tintuża għas-sogħla. Kienu jużawha għal fuq il-vini varikużi billi jagħmlu taħlita tagħha bħala ġbara. Tajba kontra l-uġigħ. Tajba biex tikkontrolla d-dijarea. Tfejjaq il-ponot għax depurattiva. Ing. vervain.
BUSBIES (Is. xj. Foeniculum vulgare.) Iż-żerriegħa hi tajba ħafna għal uġigħ fl-imsaren u kontra l-gass. Ħafna jixorbuh l-meraq tal-busbies bħat-te. L-għeruq ta’ din il-pjanta jgħidu li hu tajjeb għax djuretiku (jiffaċilita ujkattar l-awrina); tajjeb waqt il-mestrwazzjoni. Ing. fennel.
FAQQUS IL-ĦMIR (Is. xj. Ecballium elaterium). Pjanta magħrufa wkoll bħala bettieħ il-ħmir. Din il-pjanta kienet tintuża bħala porga, u biex tittratta s-suffejra. Ing. squirting cucumber jew spitting cucumber.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
FEJĠEL (Is. xj. Ruta bracteosa / Ruta chalepensis) Pjanta mfittxija ħafna għal bosta mard u kundizzjonijiet. Kienet tintuża għal feriti u tbenġil, jew fuq l-għadam imfekkek, billi l-weraq jitħallat maż-żejt taż-żebbuġ u jindilek fuq dik il-parti tal-ġisem; kienet tintuża wkoll biex titratta l-mard tal-għajnejn; il-fejġel kien rimedju kontra l-velenu. Ir-riħa tiegħu żżomm l-insetti ’l bogħod. Kienu wkoll jaqlugħa fiż-żejt biex jittrattaw ir-rewmattiżmu. Ing. fringed rue.
FIDLOQQOM (Is. xj. Boragio officinalis). Fl-antik il-weraq ta’ din il-pjanta kien jitgħalla u l-meraq tiegħu jinxtorob biex itaffi s-sogħla. F’każ li l-pazjent ikun qiegħed isofri minn bronkite kienu anki jużaw il-weraq bħala ġbara. Il-weraq huma wkoll djuretiċi.
FISWET IL-KELB (Is. xj. Scrophularia peregrina). Fl-antik kienet tintuża għas-sogħla. Din il-pjanta kienet titgħalla u tinxtorob bħat-te. Ing. nettle leaved figwort, jew Mediterranean figwort.
ĠNIBRU / ĠINIBRU / ĠNIEPRU (Is. xj. Juniperus comunis u oħrajn). Jinxtorob biex inaddaf il-passaġġ tal-awrina. Ing. juniper.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
GĦERQ SINJUR / GĦERQ IL-ĠENERAL (Is. xj. Cynomorium coccineum). Pjanta li kienet magħrufa li tikber fuq il-Ġebla tal-Ġeneral, id-Dwejra Għawdex, biss tinstab ukoll fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Antikament, din il-pjanta kienet imfittxija bħala astrinġent għax tfejjaq il-feriti li minnhom inixxi d-demm, u kontra d-disenterija. Kien hemm min jemmen ukoll li din il-pjanta kellha kwalitajiet afrodisijaċi minħabba x-xebh taz-zokk. Dan kollu hu marbut mar-raġunar superstizzjuż tax-xebh. Fil-verità, din il-pjanta ma għandha l-ebda siwi għall-fejqan tal-mard. Biss, tant kienu jemmnu fiha li l-Kavallieri kienu pprojbixxew li n-nies jitilgħu fuq il-Blata tal-Ġeneral biex jaqtgħuha għall-użu personali.
ĦARRUB (Is. xj. Ceratonia siliquia). Il-ġulepp tal-ħarub jittieħed kontra s-sogħla. Dari kienu jqattgħu il-miżwed f’biċċiet żgħar, biex jinkaljawh fil-forn. Imbagħad jgħallu l-biċċiet fil-misħun u jsaffu l-ilma. Kienu mbagħad jitfgħu kwantità sostanzjali ta’ zokkor u, għaliex le, ftit tal-whiskey biex jagħmel it-togħma aktar pjaċevoli. Meta l-ġulepp joqgħod għal xi żmien jippriservawh ġo flixkun biex ma jnawwarx u jerfgħuh għal meta xi ħadd ikollu riħ. Il-ġulepp għad hawn minn jemmen fih bħala rimedju effettiv.
ĦARWIELA / ĦARWIERA / RIĠNU (Is. xj. Ricinus communis). Minnha joħrġu żejt li fi kwantità żgħira jaħdem bħala porga. Kien jintuża wkoll esternament fuq xi ponta fil-ġilda jew fuq xi ħżieża fir-ras. Fi żmien il-Faxxiżmu fl-Italja, meta xi ħadd kien jeħodha kontra r-reġim dittatorjali kienu jaqbduh u jdeffsulu lembut f’ħalqu u jbellawlu kwantità ta’ żejt ir-riġnu biex ipattuhielu. Apparti t-togħma ħażina tiegħu dan kien iqabbad il-vittma dijarea kbira. Iż-żerriegħa tal-ħarwiela hi velenuża mmens. Ing. castor oil plant.
ĦUBBEJŻA (Is. xj. Malva silvestris u oħrajn). Paradossalment, din il-pjanta u ż-żerriegħa tagħha ħadra huma tajbin kemm kontra x-xedda kif ukoll kontra l-konstipazzjoni. Iż-żerriegħa tinqata’ u jgħalluha f’borma żgħira biex il-meraq jinxtorob bħat-te. Il-fjuri u l-weraq huma espettoranti (jgħaqqdu l-bili). Kienu anki jagħmlu l-ġbajjar minnha. Ing. mallow.
ĦURRIEQ (Is. xj. Urtica urens). Pjanta li kif tmiss magħha tniggeż u x-xewwek. Pjanta li kienet tintuża fit-trattament tal-mard tal-ġilda u anki kontra s-seqi. Tikkalma n-nervi u djuretiku. Ing. nettle.
KAMUMILLA (Is. xj. Anthemis nobilis). Pjanta li tintuża bħala rimedju għal bosta kundizzjonijiet, kemm dawk fiżiċi kif ukoll mentali. Tintuża ta’ spiss bħala kalmant, u anki kontra l-uġigħ ta’ żaqq. Anki llum, il-kamumilla hi xarba popolari ma’ ħafna, l-aktar għal qabel l-irqad.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
KEMMUN (Is. xj. Cuminum cyminum / Pimpinella anisum). Mill-ħwawar kollha din kienet l-aktar popolari, u għadha sal-lum imfittxija għat-togħma. F’Malta, il-kemmun mhux biss kien jitkabbar imma kien ukoll esportat lejn Spanja. Hemm żewġ tipi ta’ kemmun, dak morr u dak li bil-Malti jgħidulu ħlewwa, l-’anis’. L-ewwel wieħed kien jintuża ħafna biex minnu jagħmlu l-aniżett, u t-tieni kienu jużawħ għall-uġigħ fl-għadam u l-ġogi. Apparti minn hekk il-kemmun kienu u għadhom isibuħ tajjeb biex jirregola l-indiġestjoni. Ing. cumin jew cummin.
KLIN (Is. xj. Rosmarinus officinalis). Din il-pjanta kienet tintuża biex tfejjaq l-uġigħ ta’ żaqq jew l-uġigħ ta’ ras. Tajba wkoll kontra l-uġigħ tal-għadam. Il-klin jista’ jinqata’ fi friegħi żgħar li titfagħhom ġo borma bil-misħun meta tieħu banju biex tneħħi tirrilassa. L-istess biex isserraħ is-saqajn dan jintefa’ fl-ilma sħun ġo fliskatur. Jintuża wkoll bħala antisettiku fuq il-ġrieħi. Ing. rosemary.
KUBRITA (Is. xj. Senecio vulgaris). Tikber fis-selvaġġ u anki mal-ġenb ta’ xi trejqa fil-kampanja. Kienet pjanta popolari ħafna għal diversi rimedji fosthom, bħala djuretika, tnaddif tal-fwied u kapaċi tneħħi l-ħniex mill-imsaren. Ing. groundsel.
LEĦJET IX-XIH (Is. xj. Erica multiflora). Magħrufa wkoll bħala savina, Issopu jew sagħtar aħmar. Għandha fjuri roża li jinġabru u jitgħallew biex jintużaw bħala astringent jew bħala djuretiċi. Ing. Mediterranean heath.
LEWŻA (Is. xj. Prunus dulcis). Iż-żejt estratt mil-lewż kien tista’ tgħid l-aktar rimedju popolari għax kien jintuża biex jittratta bosta mard jew kundizzjonijiet fosthom bħala lassattiv, itaffi l-uġigħ fil-ħalq u l-ġilda. Bosta kienu u għadhom jittrattaw ix-xagħar biż-żejt tal-lewż. Għadna ngħidu, sal-lum, ‘ħol xagħrek u ġib iż-żejt’. Hennen fil-ktieb tiegħu dwar il-mard f’Malta (1830), jgħid li din il-pjanta kienet il-’panacea’ tal-Maltin.
LUMIJA (Citrus limon – L.) Bħal-lewż, bosta kienu u għadhom jużaw din il-frotta biex inaddfu l-ġilda u biex itaffu l-uġigħ fiż-żaqq. Fis-seklu dsatax kienet tintuża bħala rimedju kontra infezzjonijiet fl-għajnejn.
MELISSA (Is. xj. L. Melissa officianalis). Pjanta li fix-xebh tagħha tagħti lemħa lill-pjanta tan-nagħniegħ, biss b’weraq ikbar. Illum saret rari. Għandha riħa tfuħ ta’ lumi u tattira ħafna lejha n-naħal. Is-sustanzi tagħha kienu jinġabru fi qtar bil-proċess tal-lampik. Tajba għall-uġigħ tal-imsaren l-aktar fit-trabi. Kienu anki jħalltu din il-ħaxixa fl-inbid aħmar, u ma’ dan kienu wkoll iżidu xi msiemer tal-qronfol u ħwawar oħra. Il-pjanta hi magħrufa wkoll bħala ‘nagħniegħ in-naħal’ kif ukoll, ‘buriħa’. Illum impurtata għax ħafna għadhom isibuha utili bħala kalmant u għal kwantità kbira ta’ kundizzjonijiegt fiżiċi u u mentali. Ing. common balm, lemon balm jew balm mint.
MERDQUX (Is. xj. Origanum majorana / vulgare). Hemm il-merdqux selvaġġ u dak li jitkabbar fil-qsari (Origanum onites); Din il-pjanta kienet tintuża biex tikkumbatti l-uġiħ tal-istonku għax taħdem bħala antispażmodiku, djuretika u tgħin biex ittaffi l-uġigħ tal-gotta u r-rewmatiżmu. Ing. marjoram.
MSIEMER TAL-QRONFOL (Is. xj. Eugenia aromatica). Jgħidu li din il-pjanta tajba biex itaffi l-uġigħ ta’ żaqq, infezzjonijiet, ħniex u uġigħ fis-snien. (Ing. cloves jew Zanzibar redhead).
NAGĦNIEGĦ (Is. xj. Mentha requienii). Tajjeb għal indiġistjoni, ineħħi l-gass meta jinxtorob bżat-te. Il-qtar tiegħu li joħroġ bill-proċess tal-lampik għandu effett antisettiku).
PATATA Kienu jużawha biex itaffu l-uġigħ ta’ ras u jniżżlu d-deni, sempliċiment billi jqattgħu l-patata f’forma ta’ rota rqiqa u jpoġġuha fuq il-moħħ. Ma hemm l-ebda nutrijenti fiha għal dan il-għan, biss jekk il-patata mqatta’ tkun xi ftit friska, id-deni fuq il-moħħ jinħass inqass. Dan hu każ fejn dak li jaħseb il-moħħ jaħdem fuq il-ġisem (placebo effect).
RABARBRU / LABARBRU (Is. xj. Rheum officinale). Pjanta tintuża l-aktar bħala lassattiv. Apparti minn hekk, kienet tintuża għal xi qatgħa jew kontra l-ħniex fl-imsaren. Ir-rabarbru bħal ħafna mediċina ma għandux togħma pjaċevoli, u għaldaqstaqnt, meta wieħed itiegħem xi ħaġa ħażina kienu jxebhuh mar-rabarbru. Tal. Rabarbaro. Ing. rhubarb.
RANDA (Is. xj. Laurus nobilis). Pjanta li ilha l-mijiet tas-snin tintuża għal bosta kundizzjonijiet, fosthom, għax astrinġenti, stimulanti, antisettika, djuretika u diġestiva. Minnha jittieħed estratt ta’ żejt għall-ġilda. Ing bay leaf, laurel.
RIĠNU Ara: ĦARWIELA.
RIĦAN (Is. xj. Myrtus comunis). Il-weraq ta’ din il-pjanta hu astringenti, għalhekk tajjeb għal xi ġrieħi ħfief jew selħ fuq il-ġilda. Billi dan il-weraq ifuħ kien jintuża biex jitħallat fl-ilma biex jaħslu t-trabi fil-banju. Ing. myrtle.
SABBARA / ŻABBARA (Is. xj. Aloe vera). Tip ta’ sukkulent li jikber fis-selvaġġ, l-aktar fix-xagħri. Il-laħam tal-weraq jintuża biex ifejjaq xi slieħ fil-ġilda, bħal dak ikkawżat b’ħabel meta jinħakk b’saħħa mal-ġisem, jew inkella fuq ġilda maħruqa bin-nar. Is-sustanza ta’ din il-pjanta tintuża wkoll bħala ingwent kontra x-xemx. Fl-antik, is-sugu ta’ din il-pjanta kien jintuża mill-ommijiet biex joftmu t-trabi, billi jdellkuh ma’ sidirhom. Sqal. zabbara.
SAGĦTAR (Is. xj. Coridothymus capitatus, Thymus vulgaris). Magħdud mal-familja tal-Isopu u tal-iklin. Tajjeb għall-imsaren, antisettiku u jintuża anki bħala kalmant. Ing. Common thyme, wild thyme.
SFARĠEL (Is. xj. Cydonia oblonga] Ing. quince. Il-frotta tintuża għat-tfekkik tal-għadam permezz ta‘ ġbara. Il-frott imnixxef imfarrak hu jittieħed bħat-te, hu diġestiv u tajjeb biex iwaqqaf ix-xedda.
STREGUN (Is xj. Artemesis dracunculus). Il-weraq tal-istregun niexfa jew friski kienu jittieklu biex iqanqlu l-aptit wara xi marda u tajjeb kontra l-ħniex fl-imsaren. Ing. wild tarragon jew green sagewort.
TEWM (Is. xj. Allium sativum). It-tewm ġieli kienu jużawħ maqsum, maħkuk, kemm fuq il-ħżież tar-ras jew fuq il-felul. Kienu jużawh ukoll kontra d-deni rqiq u kontra s-sogħla billi jagħmlu ġbara minnu. Kienu jsibuh tajjeb kontra l-uġigħ fis-snin. Bosta kienu jaħilfu li t-tewm kapaċi joqtol il-ħniex fl-imsaren. Ing. garlic.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
WARDA TAL-ĦLAS (Is. xj. Anastathica hierochunticha L.) Magħrufa b’ħafna ismijiet: ‘warda tal-qabla’, warda tal-Madonna; warda ta’ Ġeriko; ‘warda / ħaxixa tal-miludin’. Tikber fid-deżert u reġjuni oħra sħan. Il-weraq ta’ din il-pjanta li jidhru qishom nixfin u mejta jiftħu jekk ixxarrabhom bl-ilma. Hu minħabba dan il-fenomenu li din il-pjanta kienet titqiegħed ġo bieqja fil-kamra fejn l-omm tkun ser tiled, bħallikieku s-seħer ta’ din il-pjanta jġiegħel lill-omm tagħmel bħalha u ‘tinfetaħ’ biex telled malajr. Kura li tidħol fid-dutrina tax-xebh. Ing. rose of Jericho.
XPAKKAPIETRU / XKATTAPIETRA Is. xj. Micromeria microphylla. Pjanta li kienet tintuża bħala soluzzjoni biex tfarrak il-ġebla fil-kliewi. Dan għaliex kienu jaħsbu li l-għeruq ta’ din il-pjanta kien kapaċi jxaqqaq il-blat fejn tikber u għalhekk bl-istess raġunar, ix-xarba minn din il-pjanta kienet kapaċità tfarrak il-ġebla fil-fwied. Għad hawn min jaħlef b’dan ir-rimedju. Wara t-togħlija tal-friegħi u l-weraq din tinxtorob bħat-te. Rimedju bbażat fuq id-duttrina tax-xebh. Minkejja dan, din is-soluzzjoni taħdem għaliex il-pjanta hi djuretika. Ing. small leaved micromeria.
ŻAMBUKA / SAMBUKA (Is. xj. Sanbuca nigra). Il-weraq taqgħha kien jitgħalla biex jitrattaw xi nefħa u jniżżlu d-deni. Il-qoxra taz-zokk hu djuretika u tajba għall-imsaren. Ing. elder.
ŻEBBUĠA (Is xj. Olea europea) Din is-siġra titkabbar l-aktar għaż-żejt tal-ikel, biss dan l-istess żejt jintuża għal bosta kondizzjonijiet l-aktar fil-ġilda. Fost dawn insibu li ż-żejt kien jintuża kontra l-ħakk u biex iniżżel xi fjammazzjoni għax astrinġenti. Iż-żejt kien anki jintuża biex iniżżel d-deni. Ing. olive.
ŻINŻEL (Zizyphus sativa) Frotta ta’ lewn aħmar fil-kannella, u f’għamla ta’ żebbuġa jew tamla. Kien jintuża fi żmien li kont issibu minn min hu stitiku, jiġ., ibati mill-konstipazzjoni. Ing.-Jujube.
ZUPPERIT (Is. xj. Citrus bigaradia) Magħruf bħala laring tal-bakkaljaw, laring qares jew millfjuri. Minnu jiġi estratt l-ilma zahar permezz tal-lampik. Dan jitħallat fi ftit qtar mal-kafe‘ biex imexxi l-ikel. Ing. bitter orange, Seville orange, sour orange.
*
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Marda / kundizzjoni Pjanti meċidinali użati Effett/i
Afrodisijaku / Impotenza | Għerq sinjur | xejn (dutrina tax-xebh) |
Ansjetà | Melissa; kamumuilla; klin; | |
Awrina (tindif) | Busbies; ġnibru; leħjet ix-xiħ; | Bus. u ġn.: astrinġenti; Le. ix-ix. djuretika |
Banju (rilassament jew ħasil tat-trabi) | Riħan; | |
Deni għoli | Żambuka; nagħniegħ; | |
Dijarea (xedda) | Bajtar tax-xewk; buqexrem; ħubbejż; | |
Disenterija | Għerq sinjur; | L-ebda effett ħlief dak immaġinarju (placebo) |
Feriti fil-gisem | Buqexrem; fejġel; leħjet ix-xiħ; riħan; | Għandhom effett astrinġenti |
Fwied (tindif tal-) | Kubrita; xpakkapietra; | |
Ġebla fil-fwied | Xpakkapietra; | Djuretika |
Ġilda (mard tal-) | Ħurrieq; ħalib tat-tin (felul); | |
Gass | Busbies; nagħniegħ; | |
Gotta | Taħlieta ta’ msiemer tal-qronfol, ġinġer u noċemuskata; | |
Għadam u ġogi (uġigħ) | Fejġel; kemmun; klin; | |
Għajnejn (mard tal-) | Fejġel; lumi; | |
Ħniex | Alka tal-baħar (Corallina officianlis) u tewm (ġieli flimkien); kubrita; stregun; | |
Ħżież | Żejt ir-riġnu; | |
Indiġestjoni | Kemmun; nagħniegħ; | |
Konstipazzjoni | Faqqus il-ħmir; żejt ir-riġnu; ħubbejż; rabarbru; | Purgattivi |
Mestrwazzjoni | Busbies; | |
Imsaren | Kubrita; melissa; rabarbru; sagħtar; żambuka; nagħniegħ; | |
Ras (uġigħ ta’) | Patata | L-ebda effett ħlief dak immaġinarju (placebo) |
Riħ | iklin; ġulepp tal-ħarrub; | |
Ponot fuq il-ġilda | Buqexrem; żejt ir-riġnu; klin; | Depurattiva |
Pressjoni | Anżalor; | |
Selħ fil-ġilda | Riħan; sabbara; | |
Seqi | Ħurrieq; | |
Sogħla | Buqexrem; fidloqqom; fiswed il-kelb; ġulepp tal-ħarrub; tewm; | |
Suffejra | Faqqus il-ħmir; | |
Tbenġil | Fejġel; | |
Żaqq (uġigħ ta’) | Basal; kamumilla; | rilassanti |
din il-lista għadha tiġi edittjata.
Bibliografija
Attard Anton F., Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi - Tagħrif folkloristiku minn
Għawdex. Stampat A + M. Printing Ltd, Għawdex. 1991.
Azzopardi Nazzareno, ‘L-Esportazzjoni tal-Kemmun minn Malta’. L-Imnara Vol.
11, n.1, Ħarġa Nru 40. BDL. 2017.
Baldacchino Alfred E., Lanfranco Edwin, Schembri Patrick J., Appuntamenti
man-Natura. Merlin Library Ltd. 1990.
Borg Joseph, Il-Ġardinaġġ Malti. Publikazzjonijiet Indipendenza. 2001.
Borg Paul P., Snajja’ u Xogħol il-Maltin - L-ewwel Volum. Publisher
Enterprises Group (PEG). 2000.
Cassar Pullicino, Joseph Studies in Maltese Folklore.
Dalby Andrew, Dangerous Tastes - The Story of Spices. The British Museum
Press. 2000.
Hennen John, Sketches of the Topography of the Mediterranea.Thomas & George
Underwood, London. 1830.
Lanfranco Guido , Ħxejjex Mediċina u oħrajn fil-Gżejjer Maltin, ta' , Media
Centre, (2000).
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. Pubblikazzjoni
Indipendenza. 2004.
Lanfranco Guido, Common Man Cure Thyself, The Sunday Times of Malta,
December 16, 2001.
Portelli Paul, ‘Habitat Medical Plants’. The Times of Malta, February 5,1997.
Savona-Ventura C., Knight Hospitaller Medicine in Malta - 1530 - 1798.
Publishers Enterprises Group (PEG),. 2004.
Savona-Ventura C., Ancient and Medieval Medicine in Malta, before 1600.
Publishers Enterprises Group (PEG). 2004.
Irriferejt ukoll għal bosta paġni ta’ Aroma Therapy Encyclopedia
Kif ukoll: il-website Plants for the Future. pfaf.org.
Ringrazzjament lil Dr. Joseph Borg, President tas-Socjetà Agrarja, u tas-Socjetà Maltija tal-Ortikoltura, ex uffiċjal tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Ħajr ukoll lil Joe Aquilina, Dip. Agric., ex Principal Agricultural Officer, Afforestation Gardens Department of Agriculture.
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur ... ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija kompluta tal-wirt storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal- lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,000 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal- kultura Maltija f’livelli varji.
1 Comment