Ara wkoll:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Malta hija miżgħuda bi fdalijiet ta’ binjiet li xi wħud minnhom imorru lura saż-żmien il-perijodu preistoriku. Qed nitkellmu fuq fdalijiet ta’ bini li ħafna minnu għandu bejn 6000 u 4,500 sena. Dak li jagħmel dawn il-binjiet l-aktar affaxxinanti huwa l-fatt li huma magħmulin minn ħaġar kbir sew. Żgur li ma kienx faċli li xi ħadd jqatta’ u jċaqlaq dan il-ġebel minn post għall-ieħor, biex imbagħad iwaqqfu u jibnu bih saff fuq ieħor. Dan il-ġebel hekk imsejjaħ megalitiku (mill-Grieg mega: kbir u lithos: ġebel) ġew magħżula u maqtugħa mill-blat, l-aktar tal-franka u kultant taż-żonqor.
Ir-raġuni li l-bniedem, hekk imsejjah Neolitiku, beda jibni t-tempji, mhix ċerta. Biss, raġuni hemm żġur, għax mhux ċajt ittella’ binja bħal Ħaġar Qim, l-Mnajdra, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, u l-Ġgantija f’Għawdex. L-eqdem binjiet megalitiċi kienu pjuttost żgħar, eż., fin-naħat tal-Mġarr, f’Malta, inbnew żewg tempji ħdejn xulxin dak ta’ Skorba u dak ta’ Ħaġrat. Barra mir-raħal tax-Xagħra Għawdex, insibu żewġ tempji tal-Ġgantija, li t-tnejn li huma jinsabu magħqudin ma’ xulxin. L-isem iħajjarna nassumu li dawn it-tempji nbew minn nies ġganti. L-ewwel storiku li kiteb fuqhom, Gian Frangisk Abela (fl-1647), kien konvint li dawn it-tempji nbnew minn nies ta’ statura kbira. Dan kien jemmen hekk għaliex sa dak iż-żmien kienu digà instabu f’Malta, xi għadam ta’ iljunfanti u ippopotami li kienu jġegħlu wieħed jaħseb li dawn kienu għadam ta’ nies li kellhom statura goffa.
In-nies li bnew it-tempji kienu bdiewa u ghexu ħajja sempliċi fuq dawn il-gżejjer. Dawn in-nies użaw għodda l-aktar sempliċi biex bnew it-tempji, magħmula biss mill-ġebel tal-qawwi, jew miż-żniet, injam, ġlud u ħbula. L-iskop li jinbnew dawn it-tempji kien wieħed, dak li jibnu mqades fejn il-poplu kien jista’ jqim lill-alla. Din l-entità kienet x’aktarx kienet fl-immaġini kollettiva alla-mara, li kienet tirrapreżenta iċ-ċiklu tal-fertilità fl-ambjent agrikolu. Il-fertilità kienet għaldaqstant tirapreżenta x-xewqa kollettiva u individwali lejn abbundanza, biex b’hekk din il-komunità setgħet tissaħħaħ.
F’Malta nafu b’sitta u għoxrin sit preistoriku li ġo fihom instabu b’kollox daqs sitta u tletin tempju. Dawn t-tempji jirriflettu b’mod ċar kemm il-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu jemmnu f’setgħa divina li setgħet tgħinhom fil-bżonnijiet ta’ ħajjithom.
Anke fil-mewt din id-divinità kellha s-setgħa li treġġa lura l-ħajja. Dan narawh mill-fatt li nbnew ċimiterji taħt l-art fejn indifnu fihom eluf ta’ nies. L-aktar magħruf fost dawn huwa l-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni li hemm ir-Raħal Ġdid. Dan is-sit kien x’aktarx magħmul oriġinarjment minn ftit għerien li mbagħad matul is-snin, kienu żviluppati fi kmamar tad-dfin. L-Ipoġew għandu fih speċi ta’ kapella li hi kopja preċiża taħt l-art tal-faċċata ta’ tempju megalitiku. Hawn kienu jsiru r-riti funebri li fl-istess ħin kienu jservu bħala riti tal-fertilità biex dak li jkun midfun kien jingħata ‘l-ħila’ li jirbaħ il-mewt u jerġa jitwieled mill-ġdid. Bħalu insibu ipoġew ieħor f’Għawdex f’sit arkeoloġiku barra x-Xagħra, magħruf bħala Iċ-Ċirku tax-Xagħra. Hawn ukoll instabu mijiet ta’ għadam ta’ nies li ndifnu fl-istess perijodu iġifieri bejn it-3800 sal-2,500 q.K.
Il-perijodu megalitiku ra t-tmiem tiegħu daqs erbat elef u ħames mitt sena ilu. Żgur li dawn it-tempji m’mhumiex biss ta’ valur storiku għal Malta, iżda huma kkunsidrati bħala wirt dinji mill-Unesco.
Martin Morana
Dicembru 2011
Ara aktar: https://kliemustorja.com/a
Would Love to receive information from you thank you
LikeLike