L-Importanza tal-Port il-Kbir

Castrum Maris one

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Żgur li ma nkunux niftaħru żżejjed jekk ngħidu li l-Port il-Kbir hu wieħed mill-isbaħ portijiet fid-dinja. Nistgħu ngħidu wkoll li storikament il-Port il-Kbir serva għal mijiet tas-snin bħala l-bieb prinċipali li minnu daħlu f’Malta eluf ta’ nies ta’ kull ġens, xi wħud minn dawn biex jgħixu hawn għal dejjem, oħrajn biex jinnegozjaw, waqt li oħrajn niżlu l-art biex jgħamluha ta’ ħakkiema.

Għal sekli sħaħ, il-Port il-Kbir offra l-aqwa kenn fil-Mediterran lil dawk il-baħħara li riedu jieqfu u jistrieħu xi ftit matul il-vjaġġ tagħhom. Kien minħabba f’hekk li bosta qawwiet navali kbar u żgħar, kemm dawk Mediterranji kif ukoll oħrajn minn partijiet oħra tal-Ewropa, ikkumbattew kemm felħu biex Malta ssir tagħhom.

Għal dan l-iskop, il-promonotorju tal-Forti Sant Anġlu kienu l-ewwel li ġie abitat, u ffortifikat bil-mod il-mod u b’hekk ħa l-aspett militari li nafuh bih llum. Dan beda jseħħ x’aktarx fiz-żmien il-Biżantini, imma anki forsi fi żminijiet eqdem minn hekk. Dan ġara sabiex fil-kastell jgħammru u jikmandaw ir-rappreżentanti il-ħakkiema barranin. Nafu li il-forti Sant’Anġlu serva bħala r-residenza fortifikata tal-Anġevini, nies li ġew minn Franza. Dawn damu tnejn u għoxrin sena bħala ħakkiema. Imbagħad fl-1283, kellhom jinqaflu ġo Sant’Anġlu wara li sħabhom f’Palermo spiċċaw imqallfta ’l barra minn Sqallija. Matul dan l-episodju tal-istorja ta’ Malta, fil-port kienet seħħet battalja mdemmija fuq ix-xwieni bejn l-Anġevini u l-Aragoniżi.

Hekk kif ġie l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, dan ħa postu l-ewwel f’Sant’Anġlu, imbagħad fil-belt il-ġdida li hu bena fuq l-għolja Xiberras.  Kien f’dan iż-żmien li l-kummerċ tal-port beda jikber sewwa, u ħafna nies issa bdew jaqilgħu l-għejxin tagħhom bis-saħħa tal-attività marittima. Biż-żmien, il-Port il-Kbir safa’ mdawwar b’fortifikazzjonijiet enormi.

Fi żmien l-Ingliżi, l-aktar min-nofs is-seklu dsatax ’il quddiem bdew jibnu tarzna wara l-oħra fid-diversi daħliet tal-port, l-ewwel dik bejn il-Birgu u Bormla, kif ukoll f’dik tal-Isla li tħares lejn Kordin.  Il-kummerċ issa żdied u mijiet ta’ familji telqu l-irħula u  marru jgħixu qrib il-Port il-Kbir.

Bejn l-1901 u 1910, inbena il-Brejkwoter, għax sa dak iż-żmien il-bastimenti ma kienux protetti mill-irwiefen, l-aktar il-Grigal. Il-Brejkwoter kellu jservi wkoll biex jagħti protezzjoni lill-bastimenti minn xi attakk tat-torpedoes li kienu issa saru parti mill-armamenti effikaċi tal-bastimenti tal-gwerra.  Barra minn hekk il-proġett tal-kostruzzjoni tal-Brejkwoter ta nifs temporanju lill-ekonomija Maltija għax eluf ta’ Maltin ġew impjegati għal bosta snin fuq dan il-proġett.

Hekk kif fil-ħamsinijiet u wara, is-servizzi Ingliżi bdew jiritraw minn Malta, l-importanza strateġika tal-Port il-Kbir bdiet ukoll tintilef. Issa eluf ta’ Maltin kienu qegħdin jużaw il-Port biex minnu jitilqu fuq vjaġġ permanenti, l-aktar lejn l-Awstralja biex isibu x-xogħol. Apparti minn hekk l-użu tal-Port il-Kbir bħala l-lok tat-tluq u l-wasla issa bdiet ukoll tbatti għaliex l-ivvjaġġar issa l-vvjaġġar bl-ajru kien żdid sew.  B’hekk, ‘l-intrata’ prinċipali ta’ Malta issa spostja ruħu għal-mitjar ta’ Ħal Luqa.

Minkejja dan, il-Port il-Kbir baqa’ jitqies ta’ attrazzjoni kbira turistika, anki jekk ma għadniex naraw dik il-kwantità ta’ bastimenti tal-gwerra li magħha kienet iġġib tant attività.. Apparti minn hekk, il-Port il-Kbir reġa’ ġabar l-importanza tiegħu minħabba x-xogħol relatat mall-ivvjaġġar tal-Cruise Liners għax dan żdied bil-qawwa u bosta eluf ta’ turisti jinżlu l-art hemm.

L-attivitajiet speċjali li jsiru fil-Port il-Kbir, ngħidu aħna, r-Regatti tal-31 ta’ Marzu u dik tat-8 ta’ Settembru, kif ukoll il-Festival tal-Logħob tan-Nar, il-Festival tal-Jazz u oħrajn, kollha janimaw il-Port u jħajruna nirriflettu fl-istorja u s-sbuħija ta’ dan il-ġojjel li għandna għalfejn inkunu kburin bih.

Martin Morana

Mejju 2, 2019

 www.kliemustorja.com

Leave a comment