A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
Il-bniedem dejjem hu predispost biex fi kliemu jirreferi għall-ambjent ta’ madwaru meta jiġi biex jipparaguna mġieba u sitwazzjonijiet ta’ kull tip. Hekk fil-Malti nsibu idjomi, dawk l-espressjonijiet emfatiċi li jagħtu analoġiji xirqa, biex ifissru stat ta’ fatt jew karattru ta’ xi ħadd, b’xebh kif osservat fl-annimali domestiċi jew selvaġġi, għasafar, ħut jew insetti.
Barra minn hekk, fl-għerf kollettiv, mgħoddi lilna minn missirijietna, kienu jdeffsu wkoll kull tipi ta’ annimali, almenu dawk li jgħixu madwarna, biex bihom jagħtu eżempji ċari ta’ x’suppost jew mhux suppost ikun jew irid isir.
Hawn ser nagħti xi ftit eżempji.
Nibda l-ewwel biex insemmi xi espressjonijiet u idjomi fejn jissemmew l-annimali bħala paragun.
ANNIMALI DOMESTIĊI
- Ħanqa ta’ ħmar – ngħiduha biex infissru għajta, protesta jew talba min xi ħadd, li ħadd ma jagħti kasha.
- Ħmar tela’ ma’ arblu; xi ħaġa impossibli li saret tabilħaqq, jew inkella suppożizzjoni ta’ xi ħaġa li ma tista’ ssir qatt.
- Ma raħx b’nemes. (Ing. ferret), jiġifieri, b’xejn ma seta’ jsibu.
- Bniedem makakk; hawn inkunu qed inqabblu l-aġir ta’ bniedem ma dak ta’ xadina magħrufa għal kemm jilħqilha.
Għasafar
- Deffes rasu bħall-gallozz – jiġifieri, injora kull ħaġa u nkwiet li hemm madwaru billi ħares in-naħa l-oħra. Flok ifaċċa l-problema evitaha.
- Ngħidu, ‘ X’ser nieklu l-lejla? U r-risposta tkun, ‘Tgħid mhux il-perniċi !’ (tip ta’ għaasfur; Ing. partridge). Din ir-risposta tindika ironija assoluta għax il-laħam tal-perniċi hu laħam bnin u mhux lakemm kont issib tixtrih u tieklu kif ġieb u laħaq.
- Għandi ġuħ daqs nagħma (Ing. ostrich) Dan l-għasfur mid-dehra jiekol ta’ spiss u minn kollox, anki ż-żrar fl-art, u għalhekk hu ipparagunat ma’ xi ħadd b’ġuħ kbir.
- Illum jaqaw bid-daqquqa? (riferenza għal dan l-għasfur (Ing. cuckoo) li għandu għajta qisha daħka.
- Jgħid daqs tellerita / kalandra / ċawla; dawn kollha għasafar li jsaffru il-ħin kollu mingħajr ma jieqfu.
Insetti u kreaturi oħra
- Kemm int xidja – ngħiduha għal xi ħadd fitt u li jdejjaq in-nies. Ix-xidja hi dik li bl-Ing. jgħidulha horse-fly.
- Fitt daqs dubbiena.
Ħut
- Qabad miegħu qisu qarnita.
- Mar lura bħal granċ.
- Rieqed daqs bumarin (Ing. monk seal).
- Ġewwa x-xilep (Ing. sarp) – ngħiduha meta il-pjan tagħna jkun irnexxa.
QWIEL
Annimali tad-dar u tal-irziezet
- Tfal u bhejjem għali dejjem.
- Ġrejt daqs żiemel u bqajt lura daqs ħmar.
- Il-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.
- Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
- Kelb rieqed la tqajmux.
- Għal kull għadma hawn mitt kelb.
- Għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha, min irid rasha min irid denbha.
- Meta s-sħana tagħmel bina, in-nagħġa s-suf tagħtina.
- Ħanżir taqtgħalu denbu ħanżir jibqa’.
- Kieku kull min għandu leħja raġel, kieku l-bodbod missier l-irġiel.
- Il-ħmura ta’ filgħaxija lesti d-debba (jew iż-żwiemel) għat-tiġrija.
- Il-gendus jintrabat minn qrunu u r-raġel minn kelmtu.
- Dur, dur, dur madwar in-nassa, fl-aħħar il-ġurdien jidħol fl-ingassa.
Insetti
Biex tneħħi l-għanqbut trid toqtol il-brimba.
Għasafar
- Aħjar għasfur f’idek milli mija fl-ajru.
- Jekk inti ċawla tipprovax tagħmila ta’ ajkla.
- Fid-Duluri tmur il-bilbla u tiġi l-alwetta -jiġifieri, għal żmien il-Għid, ix-xitwa tgħib u tidħol minflok irebbiegħa.
- Fejn hemm il-għasel jersaq id-dubbien.
- Bħat-tiġieġa tal-furmarija, (is-Sagra Infermerija – l-isptar tal-Ordni ta’ San Ġwann) jekk ma jmisshiex filgħodu, jmissha filgħaxija. Dan il-qawl jindika li kull bniedem għandu jgħaddi mill-istess destin, jiġifieri li xi darba jew oħra irid imut.
- Bir-raġel tiġieġa u bil-mara serduq, id-dar tinqalb ta’ taħt fuq.
Ħut
- Sargu xiħ b’gamblu jintenn taqbdu.
- Aħjar mara ta’ baħri milli raġel li jistad għal kaħli – wieħed impjegat fis-sod jaqlagħha aktar minn dak li xogħlu jiddependi min-natura.
- Xortiha ħażina l-makkuwa, jekk titla’ ‘l fuq u tikolha l-gawwija.
- Meta tidħol il-qorti int tiekol sardina u l-avukat jiekol gallina (tip ta’ għasfur).
Naturlament hemm aktar idjomi u qwiel milli li semmejt hawn. Forsi taf tgħidli aktar int.
Biex issib aktar kliem u espressjonijiet relatati mal-istorja u l-kultura ta’ Malta idħol hawn….https://kliemustorja.com/a