A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
Il-bniedem jgħix skont l-ambjent u l-ikel li jsib madwaru. Biex jgħix f’saħħtu żgur għandu bżonn mill-inqas, sors permanenti ta’ ilma u ikel varjat li joffri n-nutrienti bżonnjużi għas-saħħa tal-ġisem.
Nafu mis-sejbiet preistoriċi li l-ewwel abitanti tal-gżejjer Maltin kienu aktar minn kollox bdiewa u għaldsaqstant setgħu jieklu minn dak li kienu jiżirgħu, jkabbru u jaħsdu. Dan nafuh mis-sejbiet ta’ żerriegħa ta’ ċereali bħal-qamħ, għads u xgħir. Imbagħad bosta ikel ieħor kien jiġi minn pjanti slavaġġ li xi wħud minnhom kienu tajba għall-ikel. Fis-siti preistoriċi instabu wkoll għadam ta’ annimali tal-irziezet kif ukoll ir-raffigurazzjoni tagħhom imnaqqxa fil-ġebel jew fil-fuħħar. Il-laħam tal-mogħoż nagħaġ, u baqar, u l-ħalib tagħhom kien jipprovdi l-proteini u l-vitamini meħtieġa. Ma’ dawn bla dubju ta’ xejn kien hemm kwantitajiet ta’ frott li jikber fil-klima Mediterranja.
Intant, ta’ min wieħed jinnota li tlieta mill-ġżejjer Maltin huma msemmija għal prodotti ta’ l-ikel. Hekk jingħad li l-isem ta’ Malta ġej mil-Latin, melita, li jfisser għasel, li għadu sal-lum jispikka fit-tjubija tiegħu. Kemmuna hi msemmija għall-kemmun u Filfla għal felfel, tip ta’ bżar. Prodott agrikolu ieħor hu ż-żebbuġ u hawn mill-inqas erba’ postijiet imsemmija għal din il-frotta: Ħaż-Żebbuġ, iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, Birżebbuġa u ż-Żejtun.
F’pajjiż semi-aridu u sħun bħal Malta, fejn ix-xita qatt ma hi biżżejjed il-bidwi irid isaqqi regolarment dak li jiżra, u għalhekk matul is-sekli għażel ħamrija għammiela fejni qribha kien hemm xi nixxiegħa jew għajn tal-ilma. Artijiet b’ismijiet bħal Fawwara, Wied il-Għajn u l-Imġarr jindikaw li hawn jinstab kwantità ta’ ilma, aktar minn postijiet oħra fejn il-bidwi seta’ jaħdem l-art u jkollu ħsad aħjar minn imkejjen oħra, għax l-ilma ġej mill-għoljiet.
Jingħad li kienu l-Għarab li introduċew l-irrigazzjoni b’mod li setgħu jitkabbru l-ħejjex u l-frott. L-istoriċi jemmnu li bosta frott, bħall-lumi u l-larinġ, ġabuh huma mill-Indja. Jekk wieħed jara l-ismijiet tal-ħxejjex u l-frott li jikber f’Malta, jinnota li dawn ġejjin mill-Għarbi u għalhekk għandna nassumu li dawn il-ħxejjex kienu diġa’ jittkabbru u jittieklu daqs elf sena ilu. Insemmu xi ftit minnhom:
- Brunġiel, il-qara’ bagħli, il-qara’ aħmar, qara’ twil, il-qaqoċċ, il-berquq u t-tin.
Insibu li ismijiet ta’ ħxejjex u frott huma simili għal dawk ta’ Sqallija. Ma ninsewx li l-Għarab li ħakmu lill-Malta ġew minn Sqallija u mhux direttament mill-Afrika ta’ Fuq. Eż. ta’ ismijiet Sqallin:
Malti Sqalli Taljan Qaqoċċ Cacoccila Carciofo Kannamiela Cannameli Canna di zucchero Ċirasa Cirasa Cigliega Lumija Lumia Limone Żabbara Zabbara Agave
Għandna nifhmu li f’Malta ta’ żmien l-Għarab, jiġifieri, minn 870 sas-seklu tnax W.K. (jekk mhux anki sas-seklu tlettax), dawn il-ħakkiema u eluf ta’ Maltin li qalbu għall-Islam imxew mat-twemmin tagħhom bl-aktar mod rigoruż, u għalhekk la kienu jixorbu inbid u lanqas jieklu l-laħam tal-ħanżir.
Nistgħu ngħidu li bosta Maltin li kienu wkoll baħħara u sajjieda kienu jieklu l-ħut u l-frott tal-baħar. Wara kollox il-gżejjer Maltin huma mdawra bil-baħar li joffri sors ta’ nutriment bżonjuż, l-aktar matul l-istaġuni meta il-prodotti agrikoli ma kienux abbundanti. Il-ħut maqbud ried jittiekel minnufih u għaldaqstant kienu dawk li jgħixu qrib ix-xtut l-aktar li kienu jieklu l-ħut u frott tal-baħar.
Ta’ min wieħed jinnota li bosta ismijiet tal-ħut jixxiebhu ma’ dawk ta’ Sqallija. Ninnutaw li l-isem ta’ dan il-ħut li ser naraw hawn taħt, bl-Isqalli hu eqreb lejn dak Malti milli lejnl-isem li jikkorrispondi miegħu t-Taljan. Dan iffisser li kien hemm kommunikazzjoni frekwenti bejn is-sajjieda u baħħara Maltin u dawk Sqallin. Fost dawn il-ħut insibu:
Malti Sqalli Taljan Anċjovi Anciova Acciuga jew Alice Broma Abbroma/ Bromu Medusa Budaqq Buddaci Bodaccia Ċervjola Cirviola Leccia, Saltaleone Dott Dottu Cerniola Fanfru Fanfaru, fanfano, Pampano Lampuka Lampuca, Lampuga, Pesce dorato Mazzun Mazzuni Ghiozzo Mulett Mulettu Cefalo Siċċa Siccia Sepia Traċna Tracina Raganella Vopa Uopa Boga
Matul is-sekli, il-kwantità u l-kwalità tal-ikel baqgħu l-istess. Fl-antik meta l-parti l-kbira tal-poplu kienet dejjem bil-ġuħ xejn ma kien jintrema’. Dak li jifdal mill-ikel ried iservi jew biex jitimgħu l-annimali jew inkella kien jittiekel l-għada. Biex tiekol sustanzjuż kont trid taħseb għar-rasek u tkabbar il-ħxejjex f’biċċa roqgħa art li ssib u li tkun taħt għajnejk, u żżomm xi ftit tiġieġ u fniek fil-bitħa jew razzett biex dawn jagħtuk il-laħam. In-nies li kienu jgħixu madwar il-Port kienu jbatu l-ġuħ aktar minn dawk tal-irħula għax dawn kienu jiddependu għall-ikel mix-xiri skont id-dħul finanzjarju tagħhom. Biss jidher li xi wħud tal-ibliet kienu jżommu t-tjur fil-bitħa jew fuq il-bejt. Tant hu hekk illi hemm dokumenti li juru li bosta familji fl-inħawi tal-Port kienu, almenu fi żmien l-Ingliżi, ibigħu l-bajd miż-żejjed li kellhom lill-baħħara ta’ fuq il-bastimenti.
L-għażla tal-ikel kienet dejjem iddettata minn dawk il-ħxejjex u l-frott li jitkabbru fl-istaġun tagħhom u fiż-żmien li dawn jimmaturaw. Bosta minn dawn il-prodotti kienu jittieklu mill-ewwel qabel ma jitħassru. Sakemm kienet ivvintata l-friġġ, l-ikel kien irid ikun ikkonservat jew bil-melħ jew jitqaded bl-arja u bix-xemx.Imbgħad kien hemm l-ikel skont iż-żmien qrib xi festa jew oħra. Biss, lejliet il-festa kien dejjem vġili, jiġifieri ma kienx jiswa ikel lusuż.
Naraw li minkejja n-nuqqas tal-ikel kien hawn bosta ġranet fil-ġimgħa u perijodi matul is-sena meta l-laħam, il-ħelu u l-ħalib ma kienux jistgħu jittieklu. Il-prinjolata kienet issir u ttiekel apposta fil-Karnival, jiem qabel ir-Randan, erbgħin jum ta’ sawm strett. Il-Karnival, bit-Taljan carnevale seta’ jfisser, carne vale, riferenza għal dawk il-jiem tal-karnival meta l-ikel ta’ kull tip seta’ jittiekel; inkella l-istess kelma setgħet fissret, carne levare, twarrab ir-laħam.
IKEL li jissemma minn kittieba fis-seklu tmintax:
- ARINGI
- BAŻINA (Għaġin magħmul għasida. Etim. Għ. ikel imsajjar b’mod li jsir qisu soppa magħqud. Bit-Taljan bazzinai tirriferi għal tip ta’ soppa li kienet tittiekel mill-iskjavi ta’ fuq ix-xwieni).
- BIGILLA Id-Damma, id-dizzjunarju vast ta’ Agius de Soldanis (A. de S.) isemmieha u jgħid li din kienet ikla magħrufa sew anki mit-Torok.
- BISKOTT Din il-kelma hi Inkluża fid-Damma ta’ A. de S. Għaġina msajra darbtejn.
- FESCHIA* Fritella A. de S.
- FROĠA Frittella A. de S.
- FTIRA jew FTAJRA A. de S. jgħidilha focaccia u crispella.
- ĠOBON TAN-NAR Dan kien isir Għawdex (A.de S.)
- ĦABBGĦAŻIŻ A. de S. jgħid li din il-frotta kienet ferm komuni anki fil-Barbarija.
- ĦANŻIRA TAL-ERWIEĦ* Skont it-tradizzjoni, din kienet ħanżira li titħalla tiġġerra barra sakemm tismen sew u tittiekel mill-komunità f’jum l-erwieħ.
- ĦELWA* Mikiel Anton Vassalli (M.A.V. 1796) fil-Lexicon, jgħid li apparti t-tifsira normali u ovvja tal-kelma, din kienet : una specie di lasagna di miele rappigliata al fuoco il quale battuta diventa bianca ed elastica e raffreddatosi indurisce.
- ĦOBŻ TA-XGĦIR Dan kien ikkonsidrat ħobż ta’ kwalità inferjuri tant li kien hemm qawl li jgħid: Il-ħobż tax-xgħir hu l-għasel tal-foqra.
- KAVATA* A. de S. Tip ta’ għaġina msajra f’forma ta’ kannol li norm. timtela bil-ġobon maħkuk jew l-għasel iswed.
- QAŻQUŻ FUQ IX-XINI* A. de S. Qażquż imsajjar f’bieqja tal-fuħħar. A. de S. jagħti r-riċetta fid-Damma.
- XKUMVATA / XKUNVATA M.A.V. jgħidilha, pasta dolce fatta a guisa di fettucie, lasagne.
- ŻEBDA (tip ta’ butir)
XORB
ILMA ŻAHAR Isemmieh A. de S. (1759)
ĊUMNATA* Xarba sħuna li A. de S. jgħid li kienet tingħatha lil min ser jelled.
BIRRA Din, għal kuntrarju ta’ min jaħseb li daħlet fi żmien l-Ingliżi, jsemmiha Mikiel Anton Vassalli fil-Lexicon (1796).
Fost ikel ieħor li A. de S. jinkludi fid-Damma insibu: żewġ tipi ta’ qassatat, laħam moqli, perżut, ravjul u rikotta. Bħala ħelu, jsemmi l-qubbajt, l-mazzamorra, jew rottame di biscotto, u il-penit tip ta’ ħelu magħmul mid-dqiq, mix-xgħir u miz-zokkor.
Fi żminijiet aktar riċenti, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, nsibu ikel ieħor imsemmi fi ħrafa li Patri Manwel Magri ġabar minn fomm in-nies fir-riċerka tiegħu. Dan l-ikel jissemma fil ‘Il-Ħrafa tax-Xhur’. Jissemmew dawn l-ikliet:
‘Meraq tal-fekruna tal-baħar magħqud bħal baqta, ross fil-forn, ħobż tas-smid, baqra bil-fenek ġewwa fiha; ħasi moħxi; qassatat bil-ful u l-piżelli; ġobon tan-nar; qubbajd tal-għasel abjad; imqaret sħan u ħabbgħażiż għat-tfal’. Fil-kuntest tal-istorja, dan l-ikel jissemma bħallikieku ikel bnin u li mhux la kemm ikun fuq il-mejda kif ġib u laħaq. Biss biss niftakru li sa ħamsin sena ilu biex issajjar ross il-forn li jissema fl-istorja, kont trid tmur għand il-furnar għax id-dar kważi ħadd ma kellu forn. (Ara Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, p. 263.
* Fejn tidher din l-asterisk il-kelma hi spjegata aktar fid-dettal f’din il-website fuq il-paġna skont l-ittra li tibda biha il-kelma. Eż., il-FESCHIA ser issibha fuq il-paġna bl-ittra F, u għaldaqstant trid tikteb https://kliemustorja.com/f u tikklikkja fuqha.
Sorsi li rriferejt għalihom
Agius de Soldanis, DAMMA tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fomm tal Maltin u Ghaucin, Ed. Rosabelle Carabott, 2016.
Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese, Folkore, Malta University Press 1992.
Chiarelli Bernard C., A History of Muslim Sicily, Midsea Books, 2010.
Correnti Santi, Siciliaviva, Edizione Greco Catania.
Dalli Charles, Malta – The Mediaval Millenium, Midsea Books, 2006.
Gambin Kenneth u Buttigieg Noel, Storja tal-Kultura tal-Ikel F’Malta. PIN, 2003.
Mifsud Chircop Ġorġ, Manwel Magri – Ġrejjef Missirijietna, PEG 1994.
Vassalli, Mikiel Anton, Ktyb yl Kliem Malti (Lexicon Melitensis), 1796.
Ara aktar artikli dwar il-kultura u l-istorja ta’ Malta billi tikklikja hawn: https://kliemustorja.com/blog/