Il-Milied fil-folklor Malti

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

L-Oriġini tal-kommemorazzjoni

Il-kommemorazzjoni tal-Milied tmur lura sas-sena 333 W.K. minn meta (Santa) Elena, omm l-Imperatur Konstantinu, l-ewwel imperatur Nisrani, bniet il-bażilika f’Betleħem, fuq l-għar fejn kien maħsub li twieled Ġesù. Kien f’dan iż-żmien ukoll li l-25 u ta’ Diċembru kien stabbilit bħala l-jum meta twieled Ġesù Kristu.

Sekli wara, fis-sena 1223, San Franġisk ħoloq l-ewwel presepju b’nies u annimali ta’ vera, ġewwa għar fi Greccio, l-Italja. Dan għamlu għax kien ispirat minn dak li ra ħames snin qabel meta kien għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Biż-żmien, l-idea li jinbena presepju biex jitfakkar il-Milied infirxet mal-Italja kollha, l-aktar f’Napli u f’Ġenova u wara f’pajjiżi oħra.

bambinIMG_9030 (2)

Il-Presepju f’Malta

Id-devozzjoni lejn it-Twelid ta’ Ġesù daħlet Malta matul dawn l-aħħar sitt mitt sena, l-ewwel mal-Ordnijiet reliġjużi li bdew jistabbilixxu ruħom sew fil-gżejjer Maltin, imbagħad minħabba l-komunikazzjoni kummerċjali, bejn Malta u l-Italja.

Fost l-eqdem presepji f’Malta, jissemma wieħed li kien għand il-patrijiet Dumnikani tar-Rabat fis-sena 1617. F’nofs is-seklu tmintax kien hemm ċertu Saverio Laferla, barbier, li kien magħruf sew għal presepji li kien jagħmel. Fl-1870 kien inħadem presepju magħruf għax kien mekkanizzat, fid-dar ta’ ċertu Muscat Fenech, f’Ħal Qormi.

Bħal festi oħra, il-Milied jitfakkar b’funzjonijiet liturġiċi fil-knejjes, kif ukoll b’mod ta’ ferħ fid-djar u fit-toroq. Mill-1921, Dun (San) Ġorġ Preca kien beda t-tradizzjoni li t-tfal u s-soċji tal-Mużew (illum imsejħa, is-Soċjetà tad-Dutrina), joħorġu fit-toroq u jagħmlu purċissjoni bl-istatwa tal-Bambin Ġesù. Dawn l-istess soċji kienu bdew anki jaħdmu l-presepji huma stess biex jingħataw bħala rigal tal-Milied lit-tfal li huma kienu jgħallmu. Din it-tradizzjoni għadha ħajja sal-lum.

Fl-antik, id-daqqaqa taż-żaqq, tal-flejguta, tal-żafżafa u tat-tamburlin kienu jinġabru billejl biex iduru t-toroq tal-lokalità u jagħtu pjaċir lin-nies bid-daqq tagħhom. Imbagħad kienu jkomplu mexjin waqt li jdoqqu sa fejn il-knisja tal-parroċċa biex wara jisimgħu l-quddiesa ta’ nofsillejl.

presepju IMG_9027

Ikel tal-Milied

L-ikel tradizzjonali tal-Milied hu magħruf sew. Il-qagħaq tal-qastanija, li wara kollox hu magħmul mill-għasel u mhux mill-qastan, kien u għadu ikel popolari ħafna fi’ żmien il-Milied. L-imbuljuta, hi tip ta’ soppa magħquda bil-qastan mgħolli, li kienet tissajjar l-aktar għal dawn iż-żminijiet. Ma’ dawn daħlu fi żmien l-Ingliżi l-Christmas log u ikel ieħor Ewropew jew Amerikan bħad-dundjan. Biss fl-antik, l-ikel li kien l-aktar popolari mal-Maltin fi żmien il-Milied kien il-ħaruf jew xi ħasi. It-tnejn kienu meqjusa bħala ikla abbundanti aktar milli normalment kien jittiekel matul il-bqija tas-sena.

qaghaq tal ghaselcx

Qwiel

Insibu bosta qwiel relatati mal-Milied, bħal pereżempju, ‘Bejn il-Qala (Il-Kunċizzjoni tal-Qala) u l-Milied arfa’ l-moħriet minn ħalq il-wied;  jew, f’San Martin (11 ta’ Novembru) inkissru l-lewż, fil-Milied naqsmuh; fil-Milied il-lewż naqsmuh mal-bews; Il-Milied taż-żina, il-Għid tal-kċina – jiġifieri, skont it-tbassir folkloristiku, jekk fil-Milied jagħmel temp sabiħ, it-temp tal-Għid jkun temp ikrah.

Irwiegel

Mal-qwiel agrikoli wieħed jista’ jżid ukoll l-użanza superstizzjuża tal-Irwiegel. Il-bdiewa kienu jittantaw ibassru t-temp għas-sena l-ġdida, fiż-żmien ta’ qabel il-Milied. Biex jagħmlu dan kienu ta’ kuljum jagħtu kas it-temp ta’ bejn it-13 ta’ Diċembru sa lejlet il-Milied, u mbagħad iqabbluh max-xhur tas-sena li jmiss. Hekk per eżempju, kienu jirraġunaw illi jekk fl-ewwel jum tal-Irwiegel, (13 ta’ Diċembru), tagħmel ix-xita, dan kien ifisseer li f’Jannar, bħala l-ewwel xahar tas-sena, it-temp kien se jkun temp xitwi wkoll. L-istess, jekk fl-erbatax ta’ Diċembru, it-tieni jum tal-Irwiegel, it-temp kien ikun bnazzi, dan kellu jfisser, li t-tieni xahar tas-sena, it-temp kien ser ikun nieqes mix-xita. Bl-istess mod kien issir it-tbassir fuq kull xahar tas-sena li tkun dieħla.

Il-Gawgaw

Is-superstizzjonijiet ma jiqfux hawn. Dari kien hemm il-biża’ wkoll illi jekk tarbija titwieled f’lejliet il-Milied, din kienet f’periklu ta’ magħmul. Dan għaliex kienu jemmnu illi Ġesù ma kienx irid li xi ħadd jitwieled fil-jum li jfakkar it-twelid tiegħu. Meta dan iseħħ, it-tarbija li titwieled f’dan il-jum kienet kull sena f’lejliet il-Milied, tinbidel f’esseru magħruf bħala l-Gawgaw. Mhux talli hekk, talli, bħala kastig, matul il-lejl tal-Milied, din il-persuna, kien ikollha toqgħod tgħodd it-toqob kollha tal-għarbiel!

Sawm u tradizzjonijiet aktar riċenti

Ftit jafu, jew jiftakru, li sa nofs is-seklu għoxrin wieħed ma kienx jista’ jiekol ikel f’lejlet il-Milied. Dan għaliex, bħal f’ħafna festi importanti oħra, lejliet il-Milied kien jitqies vġieli. L-ikel seta’ jittiekel biss f’jum il-Milied wara l-quddiesa ta’ nofs il-lejl u darbtejn oħra matul il-jum.

Minn l-aħħar tas-seklu dsatax ’il hawn, it-tradizzjonijijet qalbu aktar lejn id-drawwiet li ġabu magħhom l-Ingliżi f’Malta. Daħlet anki l-Christmas Card u l-Christmas tree. Kien fl-1955, li l-gvern Malti beda jħawwel is-siġar tal-Milied fir-rawndebawts tal-gżejjer Maltin. Ma’ dawn bdew jiżdiedu ħafna dekorazzjonijiet tad-dawl oħra fit-toroq u fil-ħwienet kif ukoll mal-faċċati tad-djar.

street decoIMG_7764

Il-moda tinbidel. Xi żmien ilu bdejna anki naraw xi Santa Klaws imdendel ma’ xi gallarija, għalkemm issa dawn bdew jonqsu. U hekk xieraq, għax ngħiduha kif inhi  …

 

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

Kemm iddum tiela’ u nieżel mal-gallarija,

Fl-aħħar, xi ħadd se jsejjaħ il-pulizija !

Martin Morana

Diċembru 2019

Ara aktar artikli dwar il-kultura u l-istorja ta’ Malta billi tikklikja hawn:  https://kliemustorja.com/blog/

 

Ara pubblikazzjonijiet tal-istess awtur billi tikklikkja hawn:

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

 

A AAIMG_3341

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s