L-ISTRINA, l-QARINŻA u L-EPIFANIJA

L-ISTRINA, l-QARINŻA u l-EPIFANIJA

Tradizzjoniiet relatati mal-Milied u l-ewwel tas-sena hemm bosta, fosthom dik tal-istrina. Il-kelma strina ġejja mill-Isqalli, strina jew strinia, u mit-Taljan, strenna. Dan jurina li din it-tradizzjoni, fejn it-tfal jingħataw rigal insibuha mhux biss f’Malta iżda writniha minn Sqallija u l-Italja.

Skont Giuseppe Pitré, l-etnologu rinomat Sqalli, l-istrina hi użanza li tmur lura sa minn żmien ir-Rumani, meta kienu jiċċelebraw il-festi tas-Saturnalja, (22 – 25 ta’ Diċembru), jiem meqjusa bħala l-aħħar jiem tas-sena u l-bidu tas-sena l-ġdida. Dawn kienu jiem iddedikati lill-alla Strenia, l-alla Rumana tal-Bosk Sagru, tan-natura, tal-annimali u tal-qamar. Dak iż-żmien, in-nies kienu jqassmu friegħi tar-rant jew taż-żebbuġ lil xulxin bħala awgurju għal sena ġdida b’riżq u abbundanza. Biż-żmien, din it-tradizzjoni ċċaqalqet lejn l-ewwel ta’ Jannar.

cornucopia di Cesare Ripa

Fi Sqallija it-tradizzjoni tal-Istrina hi assoċjata mar-rigali li tfal jirċievu mingħand mara xiħa, magħrufa bħala La Vecchia di Natale, La Vecchia di Capudannu jew La Nunna Vecchia. Nafu li anki fl-Italja dan it-twemmin hu simili, biss, hawn din ix-xwejħa hi magħrufa bħala la Befana. Din ukoll hi mara xiħa u kera, li żżur id-djar fil-lejl tas-6 ta’ Jannar biex tqassam il-ħelu lit-tfal. (Befana ġejja minn Epifanija). Skont l-għajdut popolari, din ix-xiħa ttir minn dar għall-oħra fuq xkupa. Fl-Italja, it-tfal iħobbuha u fl-istess ħin jibżgħu minnha, għaliex jekk ma jġibux ruhhom sew matul is-sena, flok ħelu din tista’ tagħtihom xi biċċa faħma.

Befana

F’Malta, it-tradizzjoni tal-istrina tissemma min Agius de Soldanis fid-Damma, (1750 – 1767), l-awtur tad-dizzjunarju Malti, Damma. Hu jgħid hekk: ‘…mancia che si da, dai maggiori all’ inferiori, il primo giorno dell’anno, cioè ogni primo giorno di mese di Gennaio’. Nafu wkoll illi l-inkwiżituri kienu jagħtu l-istrina lill-impjegati tagħhom.

F’Malta u Għawdex l-istrina ma kinetx biss l-att fejn il-kbar jagħtu rigal lit-tfal. Kien isir aktar minn hekk. Fil-lejl tal-ewwel tas-sena kienu jinġabru żgħażagħ biex jaraw kif idabbru xi ikel jew flus bħala rigal mingħand in-nies tal-belt jew raħal billi jagħmlu dik li tissejjaħ il-Qarinża (jew Qarinza). Din kienet bħal teatrin tat-triq li dawn iż-żgħażagħ kienu jirreċtaw bl-akbar żufjett. Dawn kienu jinġabru fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, jdoqqu xi strument. Waqt dan it-tbaħrit kienu jiftiehmu biex wieħed minnhom jagħmilha ta’ wieħed mejjet. B’mod farsesk dawn kienu taparsi jqattgħu l-‘ġisem mejjet’ ta’ seħibhom u joffru l-biċċiet ta’ ġismu lill-erwieħ, bħallikieku dan kien jirrapreżenta s-sena li għaddiet għax issa din mietet.

Mikiel Anton Vassalli jgħid fid-dizzjunarju tiegħu Ktyb Yl Klym Malti (1796), li fi żmienu il-qarinża qajla kienet għadha ssir, biss jgħid li sa għoxrin sena qabel, kienet għadha popolari. Hu jiftakkar il-gruppi ta’ żgħażagħ li kienu jħabbtu l-bibien tan-nies benestanti. Min kien jagħtihom xi ħaġa kienu jfaħħruh f’wiċċu mogħla s-sema, u jiżbgħulu l-għatba tal-bieb bil-ġir bajdani, sinjal ta’ awgurju għas-sena l-ġdida b’riżq. Għall-kuntrarju, min ma kien jagħtihom xejn kienu jibdew jinsultawh, u flok jiżbgħulu l-għatba bil-ġir, kienu jitfgħulu l-faħam u t-trab iswed mal-għatba.

Xorta waħda, b’xi mod jew ieħor din l-użanza baqgħet isseħħ biss mingħajr il-ġisem mejjet. Dan jiddokumentah Annibale Preca fl-1904. Għalkemm fi żmienu, flok li kien jinġarr il-ġisem ta’ xi ħadd minn sħabu, kien jinġarru żewġ trajbi li jirrappreżentaw raġel u mara, u kienu jduru bihom fit-toroq tar-raħal. Minn ħin għall-ieħor kienu jieqfu quddiem id-djar tan-nies u jittalbu l-aktar biex jingħataw xi ħaġa tal-ikel. Hekk kif ir-rigal jingħata, dawn ukoll kienu jiżbgħu l-għatba tal-bieb bil-ġir, għax l-abjad kien sinjal ta’ ferħ u awgurju.

Joseph Cassar Pullicino, fil-ktieb tiegħu, Studies in Maltese Folklore jgħid, li t-tiċpis tal-għetiebi bil-ġir baqa’ jseħħ anki sa ftit snin wara t-tieni Gwerra Dinjija. Fil-programm tar-radju ta’ Guido Lanfranco, bosta nies ikkonfermaw l-istess ħaġa għax baqgħu jiftakru xi raġel jew mara li kienu jduru t-toroq u jitfgħu l-ġir fuq l-għatba biex idabbru xi ħaġa żgħira tal-flus. Kien anki jsir kant li fost affarijiet oħra kellu din ir-rima:

     Ġejna tal-Qarinża wara biebek
     Agħtina minn dak li għandek
     Is-Sena t-Tajba u l-għatba mbajda!
     Bajjadhielek is-Sultan,
     Issa hu jrid xi ħaġa
     Imur jagħtiha 'l dawk it-tfal

Ta’ min wieħed jgħid li anki fi Sqallija, fl-antik, gruppi ta’ tfal kienu jduru bieb bieb jittallbu għall-ikel jew flus waqt li kienu jdoqqu xi strument.

Ir-rigal fi flus jew oġġetti li jsir fl-Epifanija suppost jagħti ħjiel u jfakkarna fir-rigali li t-Tliet Għorrief taw lil Ġesu meta żaruh. F’Malta u Għawdex l-usanza tal-istrina kemm fl-ewwel tas-sena jew fl-Epifanija kważi nqerdet għal kollox. Tista’ tgħid li llum ir-rigali li jingħataw lit-tfal, kollha jingħataw fil-Milied.

Il-festeġġjamenti tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena jaslu sal-Epifanija. Mhux għax dakinhar issir xi ċelebrazzjoni liturġika popolari. Biss, minn għandu għall-qalbu l-ispiritwalità tal-ġrajjiet marbuta mal-Milied dan għadu jitqies jum importanti. Hekk għadu fid-dinja u t-twemmin Ortodoss. Oriġinarjament, il-festa tal-Epifanija kienet tikkommemora erba’ episodji mill-Vanġelu. L-ewwel u l-aktar importanti hu l-episodju tal-Magħmudija ta’ Kristu; it-tieni il-Miraklu ta’ Kana; it-tielet it-Twelid ta’ Kristu, u r-raba’ iż-Żjara tat-Tliet Għorrief (nafuha aktar bħala ż-Żjara tas-Slaten Maġi) li dawn għamlu lit-Tarbija xi żmien wara li twieldet. 

epiphany (1)

Intant, il-kelma Epifanija ġejja mill-Grieg ἐπιφάνεια, epipháneia, u tfisser, il-Manifestazzjoni, jew, ‘id-Dehra’. Għal bosta Nsara din il-festa għandha sinjifikat importanti bħala l-bidu tal-liturġija l-ġdida. 

Hawn qiegħed inġib ritratt ta’ kitba li dehret fil-perijodiku, Ġaħan tat-28 ta’ Diċembru tal-1846. F’din it-taqbila ħelwa fuq il-faċċata tal-fuljett, l-awtur juri b’mod umoristiku t-tifsira tal-Istrina għal żmienu. Għalina li qed ngħixu fis-seklu wieħed u għoxrin, din il-poeżija tagħtina ħjiel tal-ħsibijiet kemm tal-awtur kif ukoll tas-soċjetà ta’ żmienu dwar l-Istrina.

satira Giahan03 - Copy

Sorsi li rriċerkajt:

Agius de Soldanis, Damma tal-Kliem Kartaginis mxerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, 2016.

Cassar Pullicino, Joseph, Studies in Maltese Folklore, Malta University Press, 1992.

Giallombardo Fatima, La Vecchia di Natale, http://www.sicilyweb.com/natale/3.htm

Lanfranco Guido, Minn Fomm Il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.

Vassalli Mikiel Anton, Lexicon – Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u byt-Taljan, 1796.

La Vecchia Strina, https://terreceltiche.altervista.org/la-vecchia-strina/

The Epiphany of our Lord Jesus Christ https://www.learnreligions.com/epiphany-of-our-lord-jesus-christ-542471

https://kliemustorja.com/2021/11/20/ajjut-help/

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s