A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
Bosta kunjomijiet Maltin ġejjin minn żmien antik, xi wħud minnhom imorru lura anki sa żmien in-Normanni, meta l-maġġorparti tal-popolazzjoni Maltija kienet għadha prattikament Għarbija u Musulmana. Uħud mill-eqdem kunjomijiet li għandna llum jidhru fil-lista ta’ dawk irreġistrati biex jagħtu servizz fid-difiża ta’ Malta fis-seklu ħmistax. Dan ir-reġistru hu l-hekk imsejjaħ Militia List. Dwar din il-lista kien għamel studju Godfrey Wettinger li ppubblikah fl-edizzjoni tal-Melita Historica tal-1969. F’din il-lista u listi simili tas-seklu ħmistax hemm 389 kunjom li minnhom illum għadhom jeżistu biss 135.
Bosta kunjomijiet oriġinaw minn laqmijiet ta’ individwi jew familji. Xi wħud mill-kunjomijiet ġejjin minn Sqallija, u huma ta’ dawk l-Għarab li kienu jgħixu hemm u li imbagħad ġew Malta. Fost dawn insibu l-kunjomjiet bħal Abdilla, (għabd’Alla) li jfisser is-serv ta’ Alla, Said, minn sa’id, is-sinjur, jew Mula, is-sid. Sal-1241 il-familji Musulmani f’Malta kienu jgħoddu mat-836. Imbagħad kien hemm 250 familja li kienu Nsara, u 33 li kienu Lhud.
Hemm kunjomijiet Maltin li jagħtu ħjiel tax-xogħol li xi wħud kienu jagħmlu. Hekk insibu bosta kunjomijiet li jibdew bill-prefiss, Bu…, bħal ma hu Buhagiar, li jindika li dan kien il-proprjetarju ta’ xi barriera. L-istess il-kunjom Buttigieg jindika li ħafna żmien ilu xi ħadd li jrabbi kwantità ta’ tiġieġ. Bl-Għarbi, il-prefiss Bu jindika li dak il-persuna hu jew missier, proprjetarju, jew inkella xi ħadd b’xi karatteristika partikulari, bħal ma ngħidu Butwila, meta nlaqqmu xi ħadd li hu twil ħafna. Naturalment biż-żmien, wara ġenerazzjoni jew tnejn, dan il-kunjom ma baqax jirrifletti l-okkupazzjoni jew il-laqam tal-persuna iżda sar kunjom komuni li aktar ma għadda ż-żmien inxtered ma’ Malta u Għawdex.
Xi wħud minn dawn il-kunjomijiet baqgħu marbuta mar-raħal fejn dawn il-familji kienu joqgħodu. Minn dawn il-kunjomijiet għandna bosta rħula li ħafna minnhom jibdew bil-prefiss Ħal, bħal Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, Ħal Balzan, u Ħal Lija, jiġifieri, ir-raħal fejn toqgħod il-familja li għandha dak l-isem. Fl-aħħar każ, Lija x’aktarx jindika l-isem personali ta’ xi ħadd jismu Elija, u mhux il-kunjom.
F’Malta llum hawn aktar kunjomijiet Taljani milli dawk li ġejjin mill-Għarbi. Il-kunjomijiet Taljani f’Malta huma varji. Xi wħud minnhom jindikaw il-persuna mil-liema parti tal-Italja oriġina, ngħidu aħna Pisani, li jindika li dik il-persuna ġejja minn xi ħadd li xi darba kien jgħix f’Pisa. L-istess il-kunjom Catania, biex nagħti eżempju ieħor, juri li dan kien xi ħadd kellu l-antenati tiegħu minn Sqallija.
Imbagħad għandek kunjomijiet li jibdew bid-De… bħal Demarco, Demanuele, Debono, eċċ., li jindikaw li huma nies li ġejjin mir-razza jew it-tfal ta’ xi ħadd li ismu kien Marco, Emanuele, jew li kellu fama ta’ bniedem twajjeb, rispettivament. Bħal dawn il-kunjomijiet hemm gzuz fid-dinja Għarbija fejn l-isem jinkludi Ben… jew Bin… Hawn Malta għandna postijiet li jfakkruna f’xi wħud minn dawn l-ismijiet, Binġemma – Bin Ġemma, jew Bengħisa – Ben Għisa. L-istess bħal meta fl-Iskandinavja għandek kunjomijiet li jispiċċaw bis-suffiss son jew sen, bħal Johansen li bl-Ingliż inqaleb għal Johnson.
Illum l-aktar kunjomijiet komuni f’Malta huma dawn, u f’din l-ordni, Borg, Camilleri, Vella, Farrugia u Zammit.
Hawn qiegħed inġib ftit eżempji ta’ xi kunjomijiet u t-tifsira tagħhom skont kif jagħtuhom diversi studjużi.
ABDILLA Mill-Għarbi, għabd’Alla – Il-qaddej ta’ Alla.
AGIUS Għaġjuż jew għaġuża – raġel jew mara xiħa.
ĊIAPPARA Mill-Isqalli chiappara li tfisser kappara.
EBEJER Nagħaġ ta’ madwar sena. Plural ta’ għabur.
ELLUL Kunjom Lhudi li jfisser is-sitt xahar tas-sena bejn Awissu u Settembru.
FARRUGIA Xi ħadd li jrabbi t-tiġieġ.
GAUCI Għawdxi.
GRECH Grieg.
GRIMA Kunjom Sqalli li jirriferi għal bniedem xiħ u mikul biż-żmien.
GRIXTI Bniedem rustiku u li jżomm ’il bogħod min-nies. Bniedem mistħi.
KETKUTI Wieħed li jrabbi t-tiġieġ.
CUSCHIERI Riferenza għal kull tip ta’ annimal li jitkaxkar.
MIFSUD Xi ħadd li jinfasad, jiġifieri li joħroġlu jew iġiegħel li joħroġlu d-demm.
MUSKAT Appellativ Għarbi, maskut, bniedem kwiet. Jista’ jkun isem ġej minn Moscato.
SAID Kunjom Għarbi, li jfisser, sinjur, bħal meta tgħid mister bl-Ingliż.
XERRI Bniedem li jitlgħalu malajr. Bniedem ġelliedi.
XUEREB Raġel bil-mustaċċi.
ZERAFA X’aktarx ġej mill-Għarbi żrafa li tfisser ġiraffa.
…………
Sorsi bibliografiċi li rriferejt għalihom:
Agius De Soldanis, DAMMA tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u l Għaucin, Rosabelle Carabott, Ed. 2016.
Borg Joseph, (interview with Veronica Stivala), ‘No degree of Separation?’ The Sunday Times of Malta, July 19 2009.
Brincat, J. M. ‘Surnames in Malta – ‘What Can They Tell Us?’ The Sunday Times of Malta January 5, 2004.
Cassar Mario The Surnames of the Maltese Islands, Book Distributors Ltd. 2003.
Lutttrel Anthony T., Medieval Malta – Studies on Malta Before the Knights, British School at Rome, London, 1975.
Serracino Inglott, Il-Miklem Malti, diversi volumi.
Wettinger Godfrey, ‘The Militia List 1419-20’, Melita Historica, Vol. 5. No 2. 1969.
Ara aktar artikli dwar il-kultura u l-istorja ta’ Malta billi tikklikja hawn: https://kliemustorja.com/blog/
Grima – very interesting Bniedem xih……..
From what country and date is the origin please? On the internet once I read that Vincenzo Grima in 1492 went to Gozo to re-populated again is it true? As in Gozo there are many Grima’s! GRIMA also I read that meaning stubborn and fighters is it true? I used to collect surname . emblems around 55 years ago of Camler tobacco which still are in my collection. Fb my name is Grima.
LikeLike
The founder of the first Dominican monastery in Toulouse, France was Bishop Dominique Grima (1274 – 1347), Bishop of Pamiers. I’m wondering if Grima is of French origin?
LikeLiked by 1 person
Hi Adrian …. i am no expert on surnames so I looked up Grima in Surnames of the Maltese Islands a very extensive and reliable work on the subject written by Mario Cassar. He states that the surname is Italian possibly short for Grimaldo which is a surname very common in Corsica,
LikeLike