IL-GALLARIJA

 

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*
Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*
L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S
T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*

 

 

Ara wkoll: dwar il-MUXRABIJA billi tikklikkja: https://kliemustorja.com/m

 

saljaturimta - Martti Lintunen (97)

 

      Jekk hemm karatteristika partikolari tal-binjiet tad-djar Maltin li tagħmilhom differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra fid-dinja, żgur li din hi l-gallarija. Mhux għax pajjiżi oħra ma għandhomx binjiet bil-gallariji bħal tagħna, magħluqa qishom kaxxa tal-injam u bit-twieqi. Hemm binjiet b’gallarijiet jixhbu lil dawk ta’ Malta kemm fi Spanja, fl-Arabja Saudija u saħansitra fil-Peru. Biss, sa fejn naf jien ma hawn l-ebda pajjiż ieħor fid-dinja fejn jinsabu eluf kbar ta’ gallariji bħal ma hawn f’Malta.

     L-oriġini tal-gallariji f’Malta jidher li kien influwenzat minn pajjiżi oħra fil-Mediterran, bħal Spanja,  it-Tuneżija, l-Marokk u l-Eġittu, fejn ix-xemx fis-sajf taħkem sew. Dawn bosta drabi huma aktar gallariji miftuħa milli magħluqa u mingħajr twieqi, mhux bħal dawk ta’ Malta.

           L-itwal gallariji huma bla dubju ta’ xejn, dawk mibnija mal-palazz tal-Gran Mastru, il-Belt. Dawn x’aktarx inbnew fit-tieni nofs tas-seklu tmintax, fi żmien Pinto wara li l-Palazz ġie estiż bħal kobor li hu llum. Hemm tliet gallarija, waħda fuq kull faċċata tal-binja, biss mhux fi Triq il-Merkanti. Kien x’aktarx minħabba dan it-tul esaġerat ta’ dawn il-gallariji, li dawn ingħataw dan l-appellativ, u mhux balcone, għax bit-Taljan, galleriatirreferi għal passaġġ jew kuritur mgħotti. Mela jekk l-isem ‘gallarija’daħal fil-lingwaġġ Malti hekk kif din l-istruttura tal-injam twaħħlet mal-binja tal-Palazz, jista’ forsi wieħed jassumi li din kienet l-ewwel gallarija li qatt nbniet f’Malta u warajha bnew gallariji ħafna iżgħar li baqgħu jissejħu l-istess.

St George s Square Valletta6_570

      Nimmaġina li hekk kif inbnew dawn il-gallariji mal-palazz tal-Gran Mastru, xi kavallieri sinjuri residenti f’Malta tħajru u bdew jarmaw il-gallarija huma wkoll mar-residenzi tagħhom. Kienu min kienu, bilfors li dawn kien nies sinjuri biex setgħu iħallsu għall-materja prima, li kellha tiġi minn barra u għax-xogħol tal-artiġġjan. Irridu nifhmu li anki biex tixtri l-ħġieġ tat-twieqi tagħhom kellek tħallas kemxa għax dak iż-żmien il-ħġieġ li ridt iġġibu minn barra kien għali.

balcony valletta colour IMG_3911

      Jekk kien hemm gallariji oħra eqdem minn dawk tal-Palazz, dawn x’aktarx ma jmorrux lura aktar mit-tieni nofs tas-seklu sbatax. Dan għaliex, minn nofs is-seklu sbatax ‘il quddiem, fil-Belt kienu qed jinbnew palazzi fi stil Barokk li kiber fil-popolarità tiegħu wara li ġie introdott f’Malta minn Francesco Buonamici fl-1640ijiet. Il-faċċati tal-binjiet ta’ dan l-istil huma ddekorati bi kwantità  ta’ disinji fil-ġebla, bħal forom ta’ arzell, girlandi, weraq u rombli tal- parċmina (Ing. scrolls), lavur fin, xogħol li kien fdat f’idejn l-iscalpellino. Dan ix-xogħol ried l-ewwel ikun iddisinjat mill-perit u kien jirrikjedi simetrija ta’ ċerta preċiżjoni. Li kieku l-gallariji kienu diġà mwaħħla qabel ma sar dan id-disinn mal-faċċati kieku d-disinjatur kien iqassam id-disinn b’mod li jikkumplimenta jew jevita l-gallarija/i. Minflokk, kif nisstgġu naraw id-disinn ikompli mal-faċċata kollha u anki xi xogħol fil-ġebla jidher kultant irrovinat bil-ftuħ tal-bieb fejn mill-kamra tad-dar toħroġ fil-gallarija tal-injam.

saljaturi Detail 02

       Biex nagħti eżempju, id-dar majestuża li hemm fi Triq l-Arċisqof, qrib Pjazza San Ġorġ, dik magħrufa bħala l-Hostel de Verdelin, (ara r-ritratt hawn taħt), ġiet mibnija madwar l-1650. Din imżejna b’dekorazzjoni prominenti ta’ stil Barokk. Ix-xogħol tal-lavur iddisinjat bil-girlandi u xogħol ieħor tal-faċċata, illum huma parzjalment mgħottija minn gallarija kbira tal-injam. Għalsaqstant, għandna nifhmu li bilfors li dik il-gallarija twaħħlet snin wara li nbniet ir-residenza, għax kieku l-lavur ma kienx jibqa’ sejjer fil-parti fejn illum hu mgħotti mill-gallarija. Dan ifisser li ħafna snin wara li kien inbena l-post, il-proprjetarju ried jibni gallarija mal-faċċata biex jkun aktar komdu, u ġie jaqa’ u jqum mill-estetika tal-post.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

       Il-gallariji magħluqin tal-injam joffru protezzjoni kontra r-raġġi tax-xemx biex b’hekk tkun evitata s-sħana fil-kamra, l-aktar fis-sajf. Biss dan ma kienx l-uniku skop, għax wara kollox ħafna gallariji mhumiex mibnija fuq faċċata li tħares lejn ix-xemx. Il-gallarija toffri ukoll ilqugħ kontra r-riħ. Il-forma tal-gallarija u t-twieqi li jistgħu jinfetħu waħda waħda, jgħinu biex l-arja tal-kamra tiċċirkola b’żiffa ħelwa waqt li tevita li jidħol riħ qawwi direttament ġewwa.

         Il-gallarija sservi wkoll bħala post ta’ komunikazzjoni man-nies ta’ barra. Kemm-il darba nkun għaddej mit-toroq tal-belt, fejn kważi kullimkien hemm binjiet għoljin, u nara xi mara tixref minn xi gallarija fil-għoli, tniżżel il-qoffa biex tixtri l-ikel, x’aktarx ħobż, mingħand il-bejjiegħ tat-triq. Il-mara tqiegħed il-flus fil-qoffa u l-bejjiegħ jieħu l-flus u jqiegħed il-ħobż minflok, u dlonk il-mara tiġbed il-lenza u tella’ ’l qoffa ’l fuq.  B’hekk, dik il-persuna tiffranka milli tinżel u terġa titla’ t-taraġ twil tal-binja. Barra minn hekk il-gallarija toffri post pjaċevoli fejn il-persuna tista’ tqatta’ ftit ħin fil-kwiet tistrieħ waqt li taqra xi ktieb jew tagħmel xi ħjata, jekk mhux ukoll, għal gost, iżżomm toqgħod tosserva lil kull min għaddej fit-triq.

balcony with sculptures IMG_5599 - Copy

         Apparti l-ħafna eloġji li nsibu fuq is-sbuħija u l-vantaġġi tal-gallariji, wieħed jiltaqa’ wkoll ma kummenti negattivi dwarhom. Il-perit Leonard Mahoney, bniedem li studja l-arkittettura lokali fl-isfond tal-istorja, ixebbah il-gallariji ma’ kaxxi tal-injam imwaħħla mal-faċċati tal-bini bħala, ‘… a cancerous growth on almost every façade in Valletta … hiding the architecture completely.

Kull tajjeb għandu l-ħażin tiegħu.

Sorsi li rriferejt għalilhom:

Azzopardi Joseph, ‘The Traditional Maltese Balconies’, Vigilio 2002, no 21.

Bonello Giovanni, ‘Mysteries of the Maltese Gallarija’, Treasures of Malta Vol IX no 2.

Mahoney Leonard, 5000 Years of Maltese Architecture, Valletta Publishing, 1996.

Mousù Salvatore, Id-Dar Maltija, Gutenberg Press, 2007.

Ara aktar artikli dwar il-kultura u l-istorja ta’ Malta billi tikklikja hawn:  https://kliemustorja.com/blog/

Ara wkoll: dwar il-MUXRABIJA billi tikklikkja: https://kliemustorja.com/m

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s