A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Tant qed nisimgħu b’mard u epidemiji dan l-aħħar li minghajr ma ridt, moħħi mar fuq l-epidemiji li Malta sofriet matul s-sekli. Araw daqsxejn x’sibt. Ċert li hemm aktar xi tgħid.
PESTA BUBONIKA Gr. bubo – M. glandola. Riferenza għal glandola minfuħa kkawżata mill-bakterja Yersinia pestis. Din il-marda kienet tfiġġ fl-Ewropa u fil-Mediterran minn żmien għall-ieħor. Il-marda bubonika tinxtered l-aktar mill-bergħud li jgħix fuq il-ġrieden infettati, meta dan il-bergħud jigdem il-bniedem. Meta imbagħad dan l-infettat infettat b’din il-bakterja jisgħol, dan ixerred il-mikrobu fl-arja u allura dawk ta’ madwaru jittieħdu minn din il-marda wkoll. Il-bakterja li tkun daħlet fil-ġisem kienet tinkuba ruħha mill-ewwel, u s-sintomi joħorġu wara jumejn b’diversi modi, eż. uġigħ fil-glandoli jew fil-ġilda. Tnejn minn tliet persuni infettati kienu jmutu f’temp ta’ sitt ijiem. Il-pesta laħqet l-Ewropa l-ewwel darba fis-seklu erbatax, meta kienu mietu mal-75 miljun ruħ. F’Malta matul is-sekli kellna diversi epidemiji tal-pesta. L-aktar epidemiji qliel kienu dawk tal-1592/3, meta mietu mat-3,000 ruħ; tal-1675/6 meta mietu mal-11,000 ruħ; u dik tal-1813/14, meta mietu ’l fuq minn 4,500 ruħ. Kull darba li l-pesta laħqet il-gżejjer Maltin, kien iffisser mhux biss mard u mwiet, imma anki telf ta’ kummerċ kbir, iżolament u faqar. Dan għaliex l-ebda bastiment ma kien jersaq lejn Malta minħabba l-biża’ ta’ xi tinġis u ġarr ta’ din il-marda. Jidher illi fis-seklu dsatax, wara l-1813, il-pesta ma daħlitx aktar f’Malta, biss flokha kien hawn diversi epidemiji tal-kolera (ara: KOLERA). Għalhekk hu kurjuż ħafna kif wara dawn is-snin kollha l-pesta reġgħet misset lil Malta, fis-seklu għoxrin, fl-1936. Din id-darba kienu ftit in-nies li mietu u sa sena wara din il-marda ġiet eradikata għal kollox. Iż-żewġ qaddisin li huma meqjusa bħala l-akbar protetturi kontra l-pesta huma Santu Rokku u San Bastjan, li għalihom hawn iddedikati diversi knejjes u kappelli. Kien hawn anki ċimiterji apposta biex jindifnu fihom n-nies li jmutu bil-pesta. Ara: INFETTATI, TAL-; KWARANTINA u LAZZARETT, u Ara: Knight Hospitaller Medicine in Malta, ta’ Charles Savona Ventura, pp. 44-51; 220-227. ‘Mementos of the Plague of 1813’ ta’ Giovanni Bonello, fi Treasures of Malta, Summer 2002, No 24, Vol VIII no 3, pp. 23-30. ‘How a Stranger Saw The Maltese Medical Profession in 1593’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta – Figments and Fragments Vol Two, pp. 9- 17.
IL-KOLERA Marda ikkawżata mill-bakterja vibrio cholera. L-isem Cholera morbus ingħata fl-1704, għall-marda li fl-Indja kienet (u għadha) tfiġġ, u xi minn daqqiet tilħaq proporzjonijiet epidemiċi. Din il-marda daħlet f’Malta kemm-il darba matul is-seklu dsatax. Is-sors ta’ dan il-mikrobu hu l-ilma, jew l-ikel infettat. Is-sintomu l-aktar evidenti ta’ din il-marda hi dijarea qawwija u uġigħ ta’ żaqq. Din l-infezzjoni tikkawża nixfa minn ġewwa fi ftit sigħat. Jekk il-fluwidi li jonqsu mill-ġisem ma jkunux mogħtija lura, il-pazjent imut fi ftit żmien. Il-marda nfirxet għall-ewwel darba lejn il-Mediterran fis-seklu dsatax, l-aktar bejn l-1816 u l-1826, x’aktarx meta kaxkruha magħhom mill-Indja il-baħrin u s-suldati Ingliżi. Il-fejqan minn din il-marda kien diffiċli, u l-unika mediċina għaliha kienet xarba b’taħlita ta’ ħxejjex mediċinali, biex ittaffi l-uġigħ, iżda li ma tfejjaqx. F’Malta, il-kolera nfexxet f’epidemija f’dawn id-dati:
fl-1837 (kienu mietu f’Malta 809, u f’Għawdex 366)
fl-1854 (kienu mietu total ta’ 348 ruħ)
fl-1865 (kienu mietu 1,873 ruħ)
fl-1867 (kienu mietu 400 ruħ)
fl-1877 (kienu mietu 440 ruħ)
fl-1887. (Ma għandix n-numru tal-imwiet.)
L-ISPANJOLA, L-isem Malti għall-epidemija tal-Ispanish Flu li nfirxet mad-dinja kollha bejn l-1918 u l-1919. Din il-marda laqtet mal-500 miljun ruħ, u x’aktarx qatlet bejn 10 u 20 fil-mija ta’ dawk li mardu biha. Din l-istatistika turi li din l-epidemija kienet l-aktar waħda qerrieda fl-istorja kollha tal-umanità, ħafna aktar mill-epidemiji kollha, inklużi l-pesta u l-AIDS. Ħadd ma jaf fiċ-ċert x’kienet il-kawża vera jew minn fejn bdiet eżattament din il-marda. Biss xi wħud jinsistu li din kienet marda simili għal dik li ħakmet id-dinja fis-sena 2009, magħrufa bħala N1H1. L-isem tal-Influwenza Spanjola ma għandu x’jaqsam xejn ma’ Spanja, ħlief li xi membri tal-Monarkija Spanjola kienu ntlaqtu minn din il-marda, u b’hekk din l-epidemija ħadet dan l-isem. Il-marda nfirxet f’żewġ mewġiet. L-ewwel darba bdiet f’Jannar tal-1918 u x’aktarx oriġinat f’Kansas, l-Amerika. It-tieni waħda kienet irreġistrata f’Awwissu tal-istess sena, l-ewwel darba fi Brest fi Franza. Waqt li l-ewwel epidemija laqtet lil dawk in-nies l-aktar vulnerabbli, jiġ. t-tfal, ix-xjuħ, il-morda u n-nisa tqal, it-tieni mewġa laqtet l-aktar lil dawk li kienu l-aktar b’saħħithom! Jidher li l-firxa ta’ din il-marda fl-Ewropa kienet dovut għall-wasla ta’ miljuni ta’ suldati, l-aktar mill-kontinent Amerikan, lejn l-Ewropa fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’Malta din il-marda feġgħet fis-sajf tal-1918. Iċ-Chief Secretary tal-Gvernatur, Lt. Governor Robertson, kien ħareġ istruzzjonijiet biex kemm is-swali taċ-ċinema kif ukoll l-iskejjel iżommu ndafa stretta, kif ukoll li jħallu t-twieqi miftuħin għall-arja. Twissija oħra kienet li n-nies ma għandhomx jobsqu fl-art. Waħda mill-prevenzjonijiet li l-Maltin kienu jieħdu, għalkemm żgur mingħajr effett ta’ xejn, kienet li jidilku xufftejhom bit-tajjar imxappap fil-formalina (tip ta’ diżinfettant). F’Malta, f’temp ta’ tliet xhur, l-Ispanjola kienet marrdet mal-għoxrin elf ruħ, tmienja fil-mija tal-popolazzjoni. Minnhom kienu mietu 830. Meta din l-epidemija għaddiet għalkollox minn fostna, kien tkanta t-Te Deum fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Ara: Traġedji Maltin ta’ Edward Attard, pp. 105-108; Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, pp. 201, 204; Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, Guido Lanfranco, p. 238. Ara wkoll: ‘How Malta kept at Bay the Spanish Flu 100 Years Ago’, ta‘ Sarah Carabott, The Times of Malta, 24th January 2019.
IL-POLJO Marda li għal bosta snin kienet magħrufa sew f’Malta, l-aktar fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. L-isem proprju tal-marda hu poliomyelitis, riferenza għall-infjammazzjoni tal-materja griża fl-ispina dorsali. Il-virus tal-poljo jinġarr minn bniedem għal ieħor minħabba n-nuqqas tal-indafa personali, l-aktar mill-eskrement tal-bniedem. Disgħin fil-mija ta’ dawk infettati mill-poljo ma kinux ikunu jafu li qed iġorru dan il-virus qabel ma toħroġ il-marda. Fis-seklu għoxrin, f’Malta din il-marda kienet irreġistrata kull sena, l-aktar bejn l-1920 u l-40ijiet, meta kienu jimirdu biha numru żgħir ta’ nies. Biss, fis-snin 1942-43, 1945, 1947 u 1950-51, il-marda nfirxet f’Malta b’mod epidemiku. Bosta nies mietu u mijiet oħra sfaw immankati għal għomorhom. Hu fatt kurjuż li apparti li din il-marda kienet tattakka l-aktar lit-tfal ta’ taħt il-ħames snin, kienet ukoll taffettwa persentaġġ kbir ta’ suldati Ingliżi li kienu stazzjonati f’Malta. Lejn nofs is-seklu għoxrin kienu nfetħu postijiet ta’ konvalexxenza għal min kien isofri mill-poljo. Wieħed minn dawn kien fiċ-Ċentru Bugeja, il-Ħamrun, u l-ieħor il-Palazz tal-Verdala, ir-Rabat. Fis-sena 1956, ir-riċerkatur Jonas Salk kien sab il-vaċċin kontra dan il-virus, u ftit wara t-tfal kollha bdew jitlaqqmu kontra l-poljo, b’riżultati pożittivi, tant li llum din il-marda nqerdet għal kollox minn bosta pajjiżi. Sors: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, pp. 207-208.
Ara aktar suġġetti billi tikklikkja hawn:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Martin Morana
Marzu 14, 2020
Il-marelli kemm huma interessanti. Ma kontx nafhom daqshekk fid-dettal. Grazzi lil min qassamhom maghna.4$
LikeLike