Ir-Randan hu żmien ta’ penitenza u purifikazzjoni tar-ruħ, li jsiru bi preparament għal-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kien hemm żmien fejn is-sawm u l-astinenza fir-randan kienu stretti ħafna ⁽¹⁾. Il-poplu, dejjem fidil lejn it-twemmin u l-istruzzjonijiet tal-Knisja Kattolika, kien isewgwi b’mod rigoruż dawn il-liġijiet. Sat-tieni nofs tas-seklu għoxrin, dawk kollha ’l fuq minn seba’ snin ma setgħux jieklu laħam, waqt li dawk li għalqu l-wieħed u għoxrin sena kienu obbligati li jsumu. Eżenti mis-sawm kienu dawk li għalqu s-sittin. (Can. 1254). Imbagħad, wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, ir-regoli bdew bil-mod il-mod jitnaqqsu, għalkemm ħafna baqgħu xorta waħda jżommu mal-liġijiet antiki, l-aktar ix-xjuħ. B’mod ġenerali, matul l-erbgħin jum tar-Randan, wieħed ma setax jiekol laħam, xaħam, bajd, ħelu, kif ukoll jixrob, jew jiekol prodotti magħmula mill-ħalib, bħal ġobon u l-irkotta.
Fi żmien meta f’Malta kien hawn l-inkiżizzjoni, jiġifieri sal-1798, meta wieħed jinqabad jikser ir-regoli tas-sawm kien ikun irrappurtat u jinġieb quddiem l-Inkwiżitur. Bosta drabi, l-pieni kienu jkunu ħfief u ta’ natura spiritwali, jiġifieri, il-ħati kien ikun imġiegħel jirreċita talb u jisma’ l-quddies. Biss kien hemm każi fejn ingħataw anki pieni ħorox ħafna għal min kien jinqabad jerġa’ jikser is-sawma.
Li tikser is-sawm fir-Randan kien bħallikieku qiegħed tniġġes ruħek. Kont tisma’ ’l min jgħid, ‘noqgħod attent x’niekol għax ma rridx nitniġġes’. Fost il-jiem l-aktar obligatorji kienu Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira. Kienu jgħidu, ‘Min ma jsumx f’Ras ir-Randan, imut f’denbu’, li jfisser, min ma jsumx f’jum ir-Randan ma jleħħaqx sa Sibt il-Glorja għax imut.
Fl-aktar mod strett tagħhom, ir-regoli tas-sawm kienu jirrikjedu li wieħed jiekol ikla waħda biss kuljum, normalment dik ta’ nofnsinhar. Imbagħad l-ikla ta’ filgħaxija kienet tkun ħafifa. L-antiki kienu juru kemm huma lesti li jsegwu r-regoli tas-sawm anki b’mod simboliku billi kienu jqiegħdu l-borma ta’ taħt fuq. Dan ifisser li issa l-ikliet kienu ser ikunu nieqsa minn ħafna sajran. Chev. Joe Attard jgħidilna li f’ħafna rħula f’Għawdex, filgħaxija kienu jieklu xi ftira magħmula mill-għaġina u s-smid u mħawra biż-żejt.
L-ikel li jista’ jittiekel
Ħafna kienu jżommu mal-aktar ikel bażiku. Xi wħud kienu anki jippruvaw jieklu ħobż waħdu mingħajr kumpanaġġi. Biss, biex il-bniedem jgħix, irid isostni ruħu b’ikel nuttrittiv. Għalhekk fl-antik kienu jduru għall-ħxejjex li jitkabbru mill-bdiewa f’dak fl-staġun. Id-dieta kienet tvarja minn qaqoċċ mgħolli u mittiekel, jew waħdu, jew mimli bl-inċova. Ħxejjex oħra kienu l-pastard, il-piżelli, l-indivja, l-ispinaċi u l-patata, għalkemm il-patata ma kinetx titkabbar tant matul s-seklu dsatax. Minn dawn il-ħxejjex kont tagħmel xi minestra tal-ħaxix, jew sopop tal-ħut, u ikliet simili. Fl-istaġun tiegħu kien hemm ukoll il-ful li kien jissajjar mal-għaġin u li kont tagħmel borma magħquda tal-kusksu.
Flok il-laħam wieħed seta’ jdur għall-ħut imqadded jew immellaħ li kien ikun ikkonservat minn qabel, bħas-sardin, il-bakkaljaw, l-aringi, u l-inċova. Ikel ieħor kien iż-żebbuġ u l-bebbux bl-aljoli. Il-ħobż, il-bażi prinċipali tal-ikel tal-foqra, kien l-aktar li jittiekel ma’ kull ikla għax irħis, jimla’ u jgħaddi ma’ kollox. Imbagħad kien hemm minn dejjem bosta tipi ta’ għaġin li kont tista’ tħalltu b’affarijiet, bħat-tonn immellaħ.
Ħelu u ikel ieħor fi żmien ir-Randan
Bħala ikliet żgħar ta’ żmien ir-Randan, kien hemm l-isfineċ tal-inċova. Chev. Attard jgħidilna li f’Għawdex fi żmien ir-Randan kienu jaqlu l-għaġina rqiqa fiż-żejt u jbigħuha bħala ftajjar. Dawn il-ftajjar kienu jitfettlu u jinxteħtu waħda wara l-oħra ġo taġen kbir mimli żejt jagħli. ‘Ir-riħa li jerħu waqt li jkunu jsiru kienet tiftaħlek qalbek’. Dawn it-tip ta’ ftajjar għadhom isiru sal-lum u huma magħrufa bħala l-’ftajjar tar-Randan’.
Bħala ħelu li għadu jittiekel fir-Randan hemm il-kwareżimal, magħmul minn lewż mitħun u mħallat mad-dqiq, ftit qxur tal-kannella, għasel iswed u ftit ilma żahar. Wara li jissajjar fil-forn, il-ħelu jiżdidlu l-għasel u xi ftit pistaċċjo. Kien hemm ukoll il-pastarjali, tip ta’ pasti magħmula mil-lewż mitħun u mħallat biz-zokkor.⁽²⁾ Il-ħelu li llum jittiekel l-aktar fil-Ġimgħa l-Kbira hu l-karamelli tal-ħarub li oriġinarjment kien isir mill-ġulepp tal-ħarrub, biss illum iżidulu ħafna zokkor.
Tip ta’ sawm ieħor
Kien hemm tradizzjonijiet oħra marbuta mal-ikel tar-Randan. Kien hemm min kien isum bis-seba’ bukkuni ħobż, l-aktar fil-Gimgħa tad-Duluri. Ċerti tfajliet kienu joħorġu minn djarhom u jmorru jħabbtu l-bibien tan-nies, l-aktar dawk ġirien, biex dawn jagħtuhom loqma ħobż. Dan kienu jagħmluh għal seba’ darbiet. Ngħiduha kif inhi, fl-antik, għal bosta, dan kien aktar bħala bżonn milli tradizzjoni ritwali.
Ħafna mill-irġiel li kienu jpejpu, fir-randan bħala penitenza kienu wkoll jaqtgħu t-tipjip kemm tas-sigaretti jew tas-sigarri. Matul iż-żmien, kien hawn dejjem dawk li kienu aktar skruplużi minn ħaddieħor u jsegwu sawm u astinenza aktar rigoruż. Illum hawn min matul l-erbgħin jum ma jmissx xorb alkoħoliku, jew ma jikolx ħelu.
* * *
Notamenti
(1) Id-differenza bejn sawm u astinenza għal ħafna hi kemxejn vaga. Is-sawm jittratta il-ġranet u l-ħinijiet u kemm-il ikla għandha tittiekel fil-jum b’mod obbligatorju skont ir-regoli tal-Knisja. L-astinenza tirriferi għat-tip ta’ ikel li wieħed iżomm lura minnhom, eż., laħam ħalib u ħelu.
Skont ir-regoli ppubblikati fil-Codice Canonico Liber III, (Codex Jur. Can. Lib. III), stabbilit fl-1917, u li beda jinbidel fl-1966, il-liġi tal-astinenza kienet tipprojbixxi li jittiekel laħam, iżda seta’ jittiekel bajd, ġobon, ħalib u butir fil-pranzu biss, waqt li wieħed seta’ jsajjar bix-xaħam, (Can. 1250). Skont Can. 1251, il-liġi tas-sawm kienet tirrikjedi li: tittiekel ikla waħda mal-jum, iżda seta’ anki jittiekel xi ikel filgħodu u filgħaxija skont il-konswetudini tal-pajjiż għal dik li hi kwalità ta’ ikel.
L-astinenza kienet osservata il-ġimgħat tas-sena kollha barra meta jiġu magħhom ġranet tal-festi kmandati. Ir-regola kienet osservata il-Ġimgħat u s-Sibtijiet tar-Randan, Ras ir-Randan, il-jiem tal-Kwattru Tempi, il-vġili tal-Għid il-Ħamsin, il-vġili tal-Kunċizzjoni u l-vġili tal-Milied. Il-liġi tas-sawm kienet osservata fil-jiem kollha tar-Randan.
⁽²⁾ Fi Sqallija dan hu ħelu tradizzjonali u popolari ħafna. L-isem proprju hu frutta reale, li wara saret pastareali, jew inkella pasta Martorana. Dan il-ħelu jkun maħdum f’ħafna forom, u jista’ jixbah fis-sura tiegħu lill-frott jew oġġetti tal-ikel oħrajn. Jingħad li oriġinarjament, dan il-ħelu kienu jaħdmuh is-sorijiet fil-knisja tal-Martorana, Palermo, fejn imbagħad kienu jdendluh mas-siġar biex jixxebbah mal-frott. almond paste.
Bibliografija
Attard Joe (Chev.), “F’dan iż-Żmien Qaddis tas-Sena ......’, Radio feature. (2011) Bonnici Brian, Il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta. SKS, 1998. Gambin Kenneth & Buttigieg Noel, Storja tal-kultura ta’ l-Ikel f’Malta. PIN, 2003. Cremona Matty, The Way We Ate. Midsea Books, 2010. Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, PIN, 2004. pp. 210 - 213. Zarb Tarcisio, Folklore of an Island. PEG, 1998. Il-Pronostku Malti, Għas-sena l-Ġdida 1959.
Aktar suġġetti dwar il-kultura ta’ Malta
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/