TLIET ISQFIJIET: Labini – Mattei – Caruana

 

 

TLIET  ISQIFJIET

Labini – Mattei – Caruana  

Taħt Tliet Ħakmiet

 

Baldassare_Cagliares
Baldassare Cagliares – l-ewel Isqof Malti

L-aħħar żmien tal-Ordni f’Malta u l-ewwel deċennji tal-ħakma Ingliża kienu żminijiet ta’ taqlib kbir għall-Maltin. Biss biss, fi żmien sentejn (1798 – 1800) il-Maltin għaddew minn taħt tliet ħakmiet differenti, dik tal-Ordni ta’ San Ġwann, tal-Franċiżi u dik tal-Ingliżi. Fil-konfront ma’ dawn il-barranin il-popolin ftit seta’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Ħafna drabi, meta kien hemm bżonn, il-poplu dar lejn il-kleru u l-Isqof ta’ Malta biex jaqbżu għalih.

Niftakru li kien grupp imdaqqas ta’ qassisin li fl-1775 kellhom il-kuraġġ iqajmu rewwixta kontra l-Ordni – għax kienu mxebbgħin bil-mod kif kienu qed jiġu ttrattati – anki jekk stess dan għamluh l-aktar biex jiġġieldu għall-interessi partikolari tagħhom. Kien ukoll qassis ieħor, Dun Mikiel Xerri, li waqt l-imblokk tal-Franċiżi, flimkien ma’ sieħbu Guliermo Lorenzi bixkel u ppjana biex is-suldati Maltin tal-kampanja jidħlu ġewwa s-swar u jqalftu l-Franċiżi ’l barra. Komplott li ma rnexxiex u li sewa l-ħajja ta’ 53 ruħ. Matul l-imblokk, kien ukoll il-Kanonku Francesco Saverio Caruana l-aktar bniedem influenti fost il-mexxejja tal-Maltin kontra l-Franċiżi.

Hawn ser naraw min kienu t-tliet isqfjiet li leħqu għexu fi żmien it-tliet ħakmiet suċċessivi li semmejna. Ser naraw kif dawn it-tliet persunaġġi Maltin irreaġġixxew kemm għall-interess personali tagħhom kif ukoll f’isem il-Maltin, kemm meta kienu għadhom qassisin kif ukoll bħala isqfijiet ta’ Malta.

Għal aktar artikli dwar l-istorja ta’ Malta kklikkja hawnhttps://kliemustorja.com/ 

VINCENZO LABINI   (Isqof: 1780 -1807)

labiniDan kien l-aħħar isqof barrani li mexxa d-djoċesi ta’ Malta, (kien Taljan imwieled f’Bitonto, Bari, fl-1735). Labini kien l-uniku isqof mit-tlieta li fil-kariga tiegħu leħaq it-tliet ħakkiema, jiġifieri lill-Ordni ta’ San Ġwann, il-Franċiżi u  l-Ingliżi. Fi żmien l-Ordni ngħata t-titlu ta’ Arċisqof, minħabba li fl-1797 ħa f’idejh id-djoċesi ta’ Rodi, titlu li għadu hemm sal-lum. Matul iż-żmien tal-Ordni f’Malta, mhux l-ewwel darba jew tnejn li kellu tilwim kemm mal-Gran Mastru kif ukoll mal-Inkwiżitur, għaliex kemm hu kif ukoll l-oħrajn kienu awtoritajiet separati, kull wieħed jiddefendi d-drittijiet tal-istituzzjoni tiegħu, u għalhekk ta’ spiss kien jippruvaw jimponu fuq xulxin.

Fi żmien l-okkupazzjoni Franċiża, l-Isqof Labini żamm ruħu pjuttost newtrali, jiġifieri la ħadha kontra l-Franċiżi li invadew lil-Malta u lanqas ma ffavorixxihom. Napuljun assigura lil Labini li l-Franċiżi ma ġewx Malta biex inaqqsu l-poteri tal-Knisja. Dan kien kliem fieragħ għaliex il-ħakkiema l-ġodda introduċew bosta liġijiet li kienu jmorru kontra d-drittijiet li l-Knisja f’Malta kienet imdorrija bihom. Pereżempju, issa l-ordnijiet reliġjużi ma setax ikollhom aktar minn kunvent wieħed kull ordni. Barra minn hekk, il-Franċiżi pprojbixxew li jkunu kkonsagrati aktar qassisin, għax qalu li kien hawn aktar minn biżżejjed qassisin għall-popolazzjoni ta’ Malta (fl-1782, bejn qassisin tad-djoċesi u patrijiet fil-kunventi kien hawn mal-1,300).

Ħaġa interessanti hi li waqt l-imblokk l-Isqof Labini baqa’ fil-palazz tiegħu fil-Belt Valletta u mhux fis-sede tiegħu l-Imdina. Hu probabbli li l-Franċiżi żammewh hemm biex ma jkunx jista’ jieħu xi pożizzjoni kontrihom bħala kap tal-Maltin li kienu qed jassedjawhom mill-irħula tal-kampanja. Ġara wkoll illi l-Franċiżi kemm-il darba wżaw lil Labini bħala l-portavoċe tagħhom meta kienu joħorġu direttivi.

Meta l-Ingliżi ħadu l-Malta taħt idejhom, Labini tħalla jżomm il-kariga tiegħu ta’ Isqof. Dan iġġiegħlna nifhmu li Labini ma kienx simpatizzatur tal-Franċiżi u wisq anqas ma fixkel lill-Ingliżi fl-amministrazzjoni tagħhom. Intant fi żmien l-Ingliżi, Labini żamm il-kariga ta’ prokuratur tal-proprjetà li l-Ordni ta’ San Ġwann kien ħalla warajh.

Għal aktar artikli dwar l-istorja ta’ Malta kklikkja hawnhttps://kliemustorja.com/ 

FERDINANDO MATTEI  (Isqof: 1807 – 1829)

MatteiMeta fl-1807 miet l-Isqof Labini, leħaq floku Ferdinando Mattei. Dan kien l-ewwel Isqof Malti minn meta kien laħaq Cagliares (1615 – 1633). Fi żmien l-Ordni, Mattei kien dekan tal-kapitlu tal-Katidral tal-Imdina u kien serva bħala kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-aħħar snin ta’ Labini kien sar Isqof Koaġitur tiegħu.

Kemm hu kif ukoll il-Kanonku Saverio Caruana, li mexxa l-imblokk kontra l-Franċiżi, kellhom aspirazzjoni li jilħqu huma flok Labini. It-tnejn li huma bagħtu memorjal – bi speċi ta’ Curriculum Vitae tagħhom fih, lil Alexander Ball biex dan jikkonsidrahom bħala kandidati eliġibbli għall-episkopat. Ball imbagħad kellu jibgħat in-nomini lir-Re Ferdinandu IV ta’ Sqallija u Napli, li min-naħa tiegħu kellu d-dritt jagħżel l-Isqof ta’ Malta u jirrikomanda l-persuna li xtaq hu lill-Papa. Dan għaliex Malta sa dak iż-żmien kienet għadha, għallinqas b’mod nominali, taħt ir-Renju ta’ Sqallija u Napli. Id-dritt li r-Re jagħżel l-Isqof hu, kien wirtu mingħand ir-Re ta’ Spanja mijiet ta’ snin qabel.

A bejn kliem u storjaN  aturalment, l-Ingliżi ma kinux kuntenti xejn b’din is-sitwazzjoni għax ma ridux li jkun hemm indħil barrani dwar l-għażla ta’ persuna li fil-kariga bħala isqof kellha tant influwenza fuq il-Maltin. Biss, dan il-proċess għal din id-darba ħallewh jgħaddi, jekk xejn għax anki huma kienu konvinti li Ferdinando Mattei, qassis twajjeb Malti – kien bniedem li setgħu jafdaw fih. Intant il-Kanonku Caruana, bniedem aktar bellikuż, kellu jikkuntenta bil-kariga li kien ingħata diġà mill-Ingliżi, dik ta’ Rettur tal-Università.

Minn dak inhar l-isqfijiet ta’ Malta dejjem intagħżlu minn fost il-kleru Malti u l-Ingliżi dejjem żammew kordjalità kbira magħhom.

Matul l-episkopat tiegħu, Ferdiando Mattei kellu komunikazzjoni tajba mal-Ingliż. Fi żmien il-pesta tal-1813 fehem is-sitwazzjoni u malajr ordna li l-knejjes jingħalqu biex ma tkomplix tinfirex l-epidemija qerrieda li eventwalment qatlet mal-4,500 ruħ minn popolazzjoni ta’ 116,000.

Aa ARA X'INT TGHIDFi żmien Maitland għaddiet liġi li kienet ilha taħraq, u li l-Knisja ta’ Malta qatt ma riedet iċċedi. Din kienet il-liġi tal-manumorta. Din il-liġi tesiġi li jekk il-knisja jew istituzzjonijiet reliġjużi jakkwistaw b’wirt xi proprjetà immobbiljarja, dawn riedu bilfors ibigħuha sa żmien sena, inkella l-gvern jissekwestraha u tiġi tal-istat. Din il-liġi għaddiet fl-1822, mingħajr l-ebda protesti mill-Isqof. Ta’ min wieħed jgħid, li sa dak iż-żmien il-Knisja f’Malta kellha diġà mat-terz mill-proprjetà immobbiljarja fill-pussess tagħha.

Liġi oħra li introduċew l-Ingliżi kienet dik li tabolixxi l-priveligium fori, fejn il-Knisja kienet eżentata li ħadd mill-kleru ma jittella’ l-qorti tal-istat. Sa dak iż-żmien meta xi ħadd mill-kleru kien jidher li kiser il-liġi kienet tkun il-knisja li tgħaddih mill-proċess tat-tribunal tagħha. Din il-liġi għaddiet fl-1828, biex b’hekk issa l-kleru kollu, ħlief l-Isqof, kienu sottomessi għal-liġi u l-proċessi kif kien jesiġi l-istat.

Ma’ din kienet għaddiet liġi oħra, dik li abbolixxit għal kollox id-dritt li bniedem imfittex mill-ġustizzja seta’ jaħrab mill-awtoritajiet billi jsib il-kenn f’ċertu knejjes fejn il-ġustizzja ma setgħetx tidħol għalih biex tarrestah. Din il-kwistjoni kienet inqalgħet darb’oħra, fl-1761, meta l-l-Isqof kellu jċedi għall-pressjoni tal-Ordni biex iwaqqa d-dritt tal-immunità fi 92 knisja jew kappella. Bil-liġi tal-1828 din l-immunità tneħħiet għal kollox minn fuq kull knisja.

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)Kultant kienet tgħaddi tal-Isqof ukoll. Biex nagħti eżempju, fl-1823, l-Isqof kien ipprotesta mal-Gvernatur Ingliż li f’Malta kien hawn missjunarji Protestanti-Metodisti Ingliżi li kienu qed iqassmu kopji bit-Taljan tal-Bibbja lill-Maltin. Dan, l-Isqof ma ridux assolutament għax beża’ li dan kien mod kif l-Ingliżi jibdew jistadu lill-Maltin biex jaqilbu għar-reliġjon Anglikana. Fil-fatt dan kien minnu għaliex dawn il-Metodisti kieku setgħu riedu jxaqilbu bil-mod il-mod il-Maltin lejn it-wemmin Anglikan. Nafu li sal-1830 kien hawn diġà numru żgħir ta’ Maltin li kienu qalbu u saru Protestanti. Maitland waqqaf dan it-tixrid ta’ propoganda reliġjużi mill-Ingliżi.

Bil-kapaċità fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Ingliżi, Mattei kien talab lill-Gvernatur ta’ Malta Thomas Maitland biex il-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann tiġi taħt ir-responsabiltà tal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. L-Isqof kien beżgħan li din il-knisja tant prestiġġjuża tittieħed mill-Ingliżi u tintuża bħala knisja mill-Protestanti. Maitland qatt ma kellu dan il-ħsieb għax kien jaf li seta’ jweġġa bl-ikrah mhux biss is-sentimenti tal-Isqof iżda wkoll tal-kleru u l-poplu Malti kollu. Għaldaqstant il-knisja konventwali tal-Ordni għaddiet uffiċjalment taħt idejn l-Isqof ta’ Malta fis-27 ta’ Jannar tal-1816. B’hekk il-knisja saret Konkatidral taħt ir-responsabbiltà tal-istess Kapitlu. Maitland ikkonċeda dan b’ċerti riżervi, fosthom li wieħed miż-żewġ tribuni fuq il-presbiterju tal-Konkatidral jitħalla vojt bħala simbolu li dak kien post merfugħ għal Gvernatur, għaldaqstant ir-rappreżentat tal-monarkija Brittanika.

Għal aktar artikli dwar l-istorja ta’ Malta kklikkja hawnhttps://kliemustorja.com/ 

FRANESCO SAVERIO CARUANA  (Isqof: 1831 – 1847)

Frncesco Saveio CaruanaFi żmien il-Franċiżi, meta Caruana kien għadu kanonku tal-Katidral, dan kien magħżul mill-Franċiżi biex ikun membru fil-Kummissjoni tal-Gvern flimkien ma’ għaxar Maltin oħra. Kontra qalbu kien iffirma ċerti dikjarazzjonijiet u liġijiet li daħħlu l-awtoritajiet Franċiżi. Caruana kellu jirriżenja għax ma felaħx jara l-aġir ta’ dawn li kienu qed jeħduha kontra l-interessi tal-Knisja f’Malta kif ġa semmejna (ara: LABINI).

Għalhekk, fi żmien l-imblokk kontra l-Franċiżi hu qaleb u mar mal-milizzja tal-Maltin fejn leħaq bħala wieħed mill-kmandanti tal-battaljuni ta’ Ħaż-Żebbuġ, tas-Siġġiewi u tas-Samra (il-Ħamrun) u sar l-aktar kap militari influwenti. Tant hu hekk li anki Dun Mikiel Xerri minn wara s-swar tal-Belt kien kontinwament jikkomunika miegħu bil-moħbi biex jikkomplotta kontra l-Franċiżi. Hekk kif l-Ingliżi ħadu l-Malta min taħt idejn il-Franċiżi, Monsinjur Saverio Caruana laħħquh Rettur tal-Università.

Meta miet l-Isqof Mattei fl-1829, Caruana sar Vikarju, iżda dam ma leħaq Isqof sal-1831. Dan minħabba li meta ġie biex ikun elett l-Isqof il-ġdid l-Ingliżi rrifjutaw li ssir is-soltu proċedura tan-nomina tal-Isqof mir-Re ta’ Sqallija u Napli fil-Vatikan. L-Ingliżi pprotestaw kemm felħu mal-Vatikan. Finalment għaddiet tagħhom, għalkemm mhux għal kollox. Issa bdew ikunu l-Ingliżi li jagħrblu t-tliet kandidati, u kien il-Gvernatur li issuġġerixxa lil Caruana mal-Vatikan. B’hekk l-Isqof ta’ Malta lanqas baqa’ jaqa’ taħt id-Djoċesi ta’ Palermo u lanqas mar-Renju tal-Burboni. Ġara wkoll, li minn hawn ’il quddiem l-Ingliżi kull meta kien ikollhom xi kwistjoni taħraq u fit-tul mal-Knisja ta’ Malta kienu jmorru jiddiskutuha mal-Vatikan u jaqbżu l-kleru Malti.

Fi żmien l-Isqof Caruana kien hemm xi kawżi li kienu jmissu l-politika tal-Ingliżi u t-twemmin u l-pożizzjoni tal-Knisja f’Malta. Waħda minn dawn il-kwistjonijiet kienet dik taż-żwieġ imħallat (eż., bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti) li l-qorti Maltija ma riditx tirrikonoxxi. L-oħra kienet id-dritt li l-Gvern ikun jaf bil-fondi li l-knisja kienet tiġbor bi skopijiet ta’ karità. Biss dawn il-kwistjonijiet wara ċertu battikbekki instab kompromess dwarhom.

Il-kordjalità u d-diplomazija li l-Ingliżi kellhom lejn l-Isqof ta’ Malta, żammewha matul iż-żmien kollu li dawn damu hawn. Tant hu hekk illi l-Isqof ta’ Malta kien jieħu l-preċedenza f’attivitajiet tal-istat fejn kien ikun mistieden mill-Gvernatur. Il-preċedenza tal-Isqof kienet tiżboq lil dik tal-kap militari f’Malta u sotto gvernatur – (il-Lieutenant Governor) kif ukoll lil dik tal-Isqof ta’ Ġibiltà li kellu s-sede tiegħu f’Malta. L-Isqof Francesco Saverio Caruana miet fl-1847.

Martin Morana

19.03. 2021

Għal aktar artikli dwar l-istorja ta’ Malta kklikkja hawnhttps://kliemustorja.com/ 

Dwar pubblikazzjonijiet mill-istess awtur ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Biblijografija 

Bonnici Alexander, Storja ta’ Malta fi Ġrajjiet il-Knisja. Franġiskani 
Konventwali, Rabat, 1996.
Bezzina Joseph, ‘Church and State in an Island Economy’, The British 
Colonial Experience, Ed. Victor Mallia Milanes. Mireva Publications, 1988.
Cassar Pulicino  Joseph, ‘The Priest who declined a bishopric’, Melita 
Historica, Vol. VIII No 3, 1982.
Ciappara Frans, M.A. Vassalli 1764 - 1829 - an Enlightened Maltese Reformer,.
Midsea Books. 2014. 
Ciappara Frans,  ‘Gio. Nicolò Muscat: Church-State Relations in Hospitaller 
Malta, 1786 - 1793’ Hospitaller Malta,
Galea Michael, Sir Alexander Ball and Malta - The Beginning to an Era. PEG 
Ltd 1990. Kostner Adrianus, ‘Regular and Secular Clergy in British Malta’, 
The British Colonial Experience 1800 -1964.
Laferla A.V., British Malta, Vol 1. A.C. Aquilina & Co., 1976.
Mangion Fabian, ‘A distinguished prelate and a great benefactor of the poor’
Times of Malta, 20 July, 2014.
Xuereb Charles, France in the Maltese Collective Memory. Malta University 
Press. 2014.
Zammit Gabaretta, ‘The Nomination of Mgr. Vincenzo Labini to the See of 
Malta’, Journal of the Malta Historical Society, no 3, 1961.
Heritage no 35. Portrait  Gallery: Ferdindo Mattei
Heritage no 17. Portrait Gallery: Saverio Caruana

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s