MARD u KLIEM RELATAT

Meta wieħed kien ifarraġ lil xi ħadd minħabba xi mard, uġigħ jew dwejjaq, kont tisimgħu jgħid: ‘Heqq, jekk mhux salib, domna!’

Hekk hu – matul il-ħajja kulħadd hu suġġett għal mard, xi kultant dak li jiġi u jmur waħdu u malajr, u kultant dak li jtawwal u li jeffettwa s-saħħa b’mod aktar serju. F’dan il-każ, kont tisma’ wkoll lil min jgħid, ‘eħlisna minn dan il-wied tad-dmugħ!’

Nissoponi li dan hu kollu tort ta’ Adam u Eva, meta kisruha minn ma’ Alla. Il-mard li huma qatt ma ħassew fil-Ġenna tal-Art, twekkejna bih aħna, bħala d-dixxendenti u l-werrieta tagħhom!

F’dan l-artiklu qiegħed inniżżel bosta ismijiet u tifsiriet żgħar ta’ mard u kundizzjonijiet, bil-mod kif kienu magħrufa antikament. Ħafna minn dan il-kliem illum intesa, kemm għax kultant ċertu mard sar għandu isem ieħor, kif ukoll għax ċertu mard inqered jew inkella ma għadux komuni fostna. Hawn inklużi wkoll xi espressjonijiet relatati mal-mard u s-saħħa tal-bniedem kif kienu jingħadu dari.

Bosta mis-suġġetti msemmija hawn huma meħuda minn dak li diġà nkiteb fil-paġni l-Enċiklopedija ta’ din il-website, biss, imqassra u addattati għal dan l-artiklu. Għalhekk, għal aktar informazzjoni dwar xi wħud mis-suġġetti nissuġġerixxi li tikklikkja hawn. https://kliemustorja.com/

—–

Mela ħa nibda…

AFFANN     Qtugħ ta’ nifs ġeneralment assoċjat ma’ min ibati bl-ażma. ĦURĦARA ta’ xi ħadd li qed imut. Tal. affanno.

BALLU TA’ SAN VITU   Marda li taffettwa xi wħud li jkunu qed isofru minn rewmattiżmu akut. Din il-kundizzjoni taffettwa lil tfal bniet ta’ taħt it-tmintax-il sena, aktar minn ħaddieħor. Dak li jkun jibda jsofri minn movimenti involontarji f’diversi partijiet tal-ġisem, l-aktar fl-idejn, fil-wiċċ u fis-saqajn. Dawn l-ispażmi fil-ġisem jagħtu l-impressjoni li l-persuna qiegħda bħal qisha tiżfen. B’hekk, din il-kundizzjoni hi msejħa, il-Ballu ta’ San Vitu. San Vitu kien il-qaddis patrun taż-żeffiena. Id-devozzjoni għal dan il-qaddis patrun oriġinat fil-Ġermanja u postijiet oħra Nordiċi bħal-Latvja. L-isem Ingliż ta’ din il-marda hu: Sydenham’s chorea / chorea minor. Kien Thomas Sydenam (1624-1629), tabib Ingliż li studja din il-marda għall-ewwel darba. Din il-marda ġieli tissejjaħ ukoll ‘Tarantiżmu’.

BAQLA   Kelma oħra għall-ekżema. Din il-kelma kienet tingħad ukoll fil-frażi ‘baqla sewda’ jew ‘baqla ħamra’.

BATRA   Marda (Moniliasis) li biha t-trabi tal-ħalib jitilgħulhom ponot ħomor fl-ilsien u fis-saqaf ta’ ħalqhom. Fl-antik kienu jaħsbu li din il-marda kienet toħroġ meta t-trabi jerdgħu l-ħalib tal-omm, wara li din tkun kielet ikel ĦARR.

BJADA    Tebgħa, bħal żlieġa bajda ħalib li tfiġġ fl-għajn li ttellef ir-raj (il-viżta). Illum ngħidulha katarett/a. Kelma li nsibuha fil-kitba ta’ P.P. Saydon, ‘Siltiet minn ktieb Tobija’, fejn l-awtur jgħid hekk: ‘[…] fuq għajnejja trabbietli bjada […]’. (Ġabra ta Proża għat-Tfal. Ed. R. Vella Tomlin, p. 161). Ing. Cataract.

ĊMAJRA     Rif. għal meta xi ħadd jieħu riħ u jkollu deni qawwi. Skont Mikiel Anton Vassalli (M.A.V. 1828) u Vincenzo Busutill (V. B. 1900) din il-kelma kellha tifsira oħra għaliex din kienet tirriferi għat-tetanu (V.B. isejjaħlu bl-Ing. locked jaw). Riħ li wieħed jista’ jimbokka meta joqgħod imperreċ jew jintasab bejn żewġt irjieħ. Riħ fl-għadam, bħal rewmatiżmu eċċ. M.A.V. jgħid li din hi marda li taħkem ukoll lill-bhejjem meta dawn tiksħilhom rashom. Sqal. cimorra. Deni fl-annimali. Tal. cimurro – M. il-likwidu li jqattar mill-imnieħer / flissjoni. Qawl: Tagħti l-pesta u tieħu ċmajra. – jingħad għal min għamel xi ħaġa ħażina u dlonk jirċievi azzjoni ta’ tpattija.

DENI  RQIQ  / DENI  BIERED   Il-marda magħrufa bħala d-Deni Rqiq taffettwa l-organi tal-ġisem, bħal pereż., il-milsa, b’mod li tiffjamaha u tikkawża uġigħ fiha u fl-għadam. Il-marid jinħakem b’deni kontinwu u baxx (irqiq). Meta fil-bidu tas-seklu dsatax f’Malta bdew jaslu s-suldati Ingliżi, xi wħud minnhom bdew jimirdu b’din il-marda mingħajr ma jafu għaliex. L-Ingliżi taw diversi ismijiet lil din il-marda, eż., Undulant Fever, Mediterranean Fever, u Malta Fever. Meta fl-1886, t-tabib David Bruce skopra l-mikrobu fil-bniedem, dan il-mikrobu beda jissejjah brucella għall-ismu, u l-marda Brucellosis. Sadattant kien għadu mhux magħruf minn fejn kien ġej dan il-mikrobu. Xi wħud kienu jemmnu li din il-marda kienet ikkawżata mill-ilma mniġġes tad-drenaġġ. Fl-1905, wara riċerka intensiva, Dr. Temi Zammit skopra li l-mikrobu kellu l-oriġini tiegħu fil-ħalib tal-mogħoż. Kellhom jgħaddu bosta snin meta l-ħalib beda jiġi ppastorizzat biex jinqered dan il-mikrobu qabel ma dan jinxtorob.

         deni rqiq TemiZammit1                          deni rqiqDavidbruce

DIKSATA    Nuqqas ta’ saħħa li wieħed iħoss wara li dak li jkun joħroġ minn xi marda. Sabta kbira li tista’ tkun kemm fiżika kif ukoll mentali wara xi marda serja. Stat mentali ta’ depressjoni meta dak li jkun isofri telfa kbira. Ngħidu ‘wara t-telfa ta’ martu ħa diksata kbira’. Kelma li ġejja mill-Għ u li hi ippronunzjata kważi l-istess, u li tfisser, tingiża jew weġgħa qawwija.

DISENTERIJA  / FROXX TAD-DEMM    Ara: SABB TAD-DEMM.

EĦTRIEQ  / ĦTRIEQ    1. Qsim fix-xofftejn li ħafna drabi jkun ikkawżat mill-kesħa.

ENFASA     Ara: GOTTA.

FALZA / FARTSA    Kont tisma’ lil min jgħid: ’dak għandu l-falza’ għal xi ħadd li jkollu tip ta’ marda fil-qurriegħa tar-ras. Din hi marda dermatoloġika li tipproduċi ħafna qxur fil-qurriegħa tar-ras; dan jinxef u jsir bħal brija. Soborrhoea sicca. Etim. Għ. fartsa / fartas. (Ing. scurf).

Għal aktar artikli dwar suġġetti varji u relatati mal-ilsien Malti u l-istorja, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

FISTLA     Infezzjoni fil-ġilda li minnha jikber musmar minn ġewwa (ngħidulu musmar maqlub) u li jnixxi l-materja. Nuffata fonda. Idj: ‘Kemm int fistla!’ – tingħad lil xi ħadd fitt, diffiċli jew ta’ ksir il-għajn.

ġidrixĠIDRI    Din hi marda li tista’ tolqot il-bniedem b’wieħed minn żewġ tipi ta’ vajrus li bil-Lat. huma magħrufa bħala: variola maior jew variola minor. Variola tfisser ‘ittikjat’ għaliex wieħed mis-sintomi ta’ din il-marda huma tikek ħomor li joħorġu fuq il-ġilda. Bl-Ingliż din il-marda hi magħrufa bħala smallpox, terminu li beda jintuża fis-seklu ħmistax, biex jiddistingwuha mill-bigpox, li kien terminu għall-marda tas-siffilis. Malta ntlaqtet minn diversi epidemiji tal-ġidri. Fost dawn insibu dik tal-1830, fejn kienu infettati mal-10,000 ruħ, u li minnhom mietu mal-1,500. L-epidemija reġgħet laqtet lil Malta fl-1860, fl-1870 u fl-1873. Il-marda tal-ġidri qatlet miljuni ta’ nies fid-dinja, sakemm finalment, l-Għaqda Dinjija Tas-Saħħa eradikat għal kollox din il-marda fl-1979. M’għandniex inħalltu l-ġidri mal-ġidri r-riħ (Ing. chicken pox).

ġdiemĠDIEM     Marda magħrufa wkoll bħala l-LEBBRA. Bl-Ingliż magħrufa bħala leprosy jew Hansen’s Disease. Din hi kkawżata mill-Mycobacterium leprae u l-Mycobacterium lepromatosis. Għalkemm sal-lum għadu mhux magħruf eżatt kif din il-marda tiġi, ċerti esperti jaħsbu li din tkun trasmessa minn bniedem għall-ieħor bin-nifs fl-arja ta’ min diġà jkun qed ibgħati minn din il-marda. Wara ċerta kura din il-marda ma tibqax daqstant infettiva u f’ħafna każi wieħed jista’ jfieq minnha. Fil-passat kien hemm dar tal-lebbrużi fin-naħa tal-Għargħur. Fil-Qajjenza, qrib Birżebbuġa, kien hemm kamra żgħira msejħa tal-lebbrużi, fejn dawn il-morda kienu jinżlu jgħumu. F’Malta, sa ftit tas-snin ilu din il-marda kienet għadha teżisti.

gottaGOTTA   Kundizzjoni simili għall-artrite li taffettwa l-ġogi u li toħroġ l-ewwel f’wieħed mis-swaba’ l-kbar tas-saqajn, u titla’ lejn il-ġogi tal-ġisem. Fil-fatt, din il-marda kienet u għadha magħrufa wkoll bħala ‘podagra’, minħabba li l-ewwel ma tattakka hu l-aktar l-għadam tas-saqajn (Gr. podos – M. sieq). Fl-antik kienu jemmnu li din kienet il-marda tar-rejiet u s-sinjuri, għax kienet toħroġ l-aktar f’dawk li kienu jieklu ikel ‘rikk’, bħal-laħam, u xorb alkoħoliku. Kien fi żmien ir-Rinaxximent li din il-marda bdiet tissejjaħ ‘gotta’ (mil-Latin guta li tfisser ‘qatra’). Dan għaliex it-tobba ta’ dak iż-żmien kienu bdew iqabblu s-sintomi ta’ din il-marda ma’ dak li kien kiteb il-filosofu u tabib Grieg, Ipokrate, (460-370 q.K), li kien isostni li l-marda tiżviluppa minħabba żbilanċ fis-sistema fluwida tal-bniedem. Fid-Damma (2017) li Agius de Soldanis kien ġabar (ċ. 1750 – 1767), dan jirreferi għaliha bħala, ‘MARD TAL-ENFASA.

GĦATAR IX-XBIEB   Akne (Ing. Acne.) Il-kelma għatar jew għotor tfisser waqgħa u xbieb, plural ta’ xebb, kelma fil-Malti antik / Għ. li tfisser żaġħżugħ. F’dan il-każ din il-frażi tfisser litteralment, ħofor / toqob taż-żgħażagħ. E.S.I. u J.A. din il-frażi ma jagħtuhiex. Dan it-terminu, sibtu fid-Damma. A. de S. jgħid hekk: Cosso. Un piccolo enfiato cagionato per lo più da umori acuti e viene communamente nel viso dei giovani.

ĦMEWWA     Sħana fil-ġisem li tinfexx fi bżieżaq fil-ġilda. PUSTUMETTA. E.S.I. heat.  (F.V. 1831)

hruq tat-santantnin0ĦRUQ TA’ SANT’ANTNIN    Marda li bil-Latin hi magħrufa bħala Herpeszoster, (Ing. shingles) Marda li tikkawża infjammazzjoni f’postijiet varji tal-ġisem, eż., fuq id-dahar, fil-wiċċ u fuq il-għonq. Il-marda tfaqqa mill-vajrus Varicella zoster, l-istess vajrus li jikkawża il-ġidri r-riħ, u li jibqa’ ma jmur qatt mill-ġisem. Dan il-vajrus ‘rieqed’ kapaċi jerġa’ jattiva ruħu fil-ġisem u jinfexx fil-Ħruq ta’ Sant’Antnin. L-ewwel sintomi li jidhru huma l-ħakk, u ftit jiem wara jibda jidher faxx ta’ tikek ħomor. Aktar tard jidhru wkoll bżieżaq żgħar b’likwidu safrani. Wara xi ġimgħa, il-feriti jibdew jinxfu, biss l-uġigħ jista’ jibqa’ jinħass sa ġimgħat wara, minħabba li l-vajrus jattakka n-nervituri li jibqgħu ffjammati. In-nom, ‘Ħruq ta’ Sant’Antin’ kien ingħata l-ewwel darba mill-patrijiet ta’ Sant’Antnin fi Vienne, Franza meta fis-sena 1095, in-nies ta’ din il-belt sofrew minn din il-marda. Fl-ikonografija Sant’Antnin, il-protettur kontra din il-marda, jidher ħafna drabi b’ħanżir ma’ ġenbu għaliex skont l-istorja, il-feriti ta’ din il-marda kienu jkunu ttrattati bix-xaħam tal-majjal.

ĦURĦARA   Nifsijiet b’ħoss li jkunu ħerġin b’ċertu sforz mill-pulmun. Inħir mill-grieżem meta wieħed ikun qiegħed ibati biex jieħu n-nifs. Ngħidu, ‘dak it-tifel għandu l-ħurħara’. Espr. ‘Il-ħurħara tal-mewt’, jiġ., il-ħoss tan-nifs tqil li l-pazjent jagħmel meta jkun wasal f’tarf ħajtu.

KUĦĦALA    Tbenġila li tista’ titfaċċa meta dak li jkun jolqot b’saħħa xi parti ta’ ġismu ma’ xi mkien, jew inkella jkun qala’ xi daqqa mingħand xi ħadd.

LEBBRA     Ara: ĠDIEM.

Għal aktar artikli dwar suġġetti varji u relatati mal-ilsien u l-istorja ta’ Malta, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

MAĦRUĠA    (Damma)  ‘[…] Donna col morbo francese […]’. Riferenza għal marda li tkun trassmessa sesswalment. X’Aktarx is-siffillide. Ara: PIXXIKALDA.

MALAMENT     Avverbju li jirriferi għal xi ħadd li qiegħed imut. Ngħidu, ‘dak jinsab malament tant li ngħata l-griżma’. – jiġ., jinsab ħażin ħafna, magħdur u wasal fl-aħħar ta’ ħajtu.

MALAMIRA     Fi stat ħażin ta’ saħħa. Espr. ‘Għamluh malamira’, tingħad meta xi ħadd jaqla’ xi xebgħa papali. Sors: Damma u E.S.I.

MARASMA / MARAŻMU   Kundizzjoni jew marda li biha l-bniedem iħoss sens ta’ telqa u debbulizza. Is-sintomi prinċipali huma li l-ġisem tal-marid jitlef ħafna mill-piż (daqs 40%), u li l-ġilda tibda tixxotta żżejjed. Din il-marda hi kkawżata minn nuqqas ta’ nutrijenti essenzjali għall-bniedem. Il-marda jbatu biha l-aktar ix-xjuħ u t-trabi. Fl-antik kien hemm rimedji strambi immens għal din il-marda. Fost dawn kienu jsiru msaħen li fihom jintefgħu xi ħwawar, u l-pazjent kien jieħu banju jew jixrob mill-ilma sħun. Biex wieħed ifiq mill-marasma kienu anki jdendlu xi domna ma’ għonq il-marid. Tal. marasmo; M. tħassir.

MARSUTTIN   Deni tas-sider. Tuberkolożi. MARSUTTLAT  Appel. għal xi ħadd marid b’sidru. Bniedem bla saħħa, x’aktarx minħabba l-effetti tal-marda tat-tuberkolożi. Agius de Soldanis (ċ. 1750) jirriferi għal din il-kundizzjoni bħala tisico – jiġ., bniedem li qed ibati minn marda li tneħħi bil-mod il-mod l-enerġija. Etim. malsottile – mit-Taljan, rif. għat-tuberkolożi u mard ieħor li kien magħruf li joqtol il-bniedem f’tul ta’ żmien. M.A.V. (1796) jgħidlu ‘mard irqiq’.

MQAMMAR    Bniedem fi stat ta’ eċitament kbir u esaġerat. Bniedem li jkun tah tal-qamar, bniedem miġnun, epilettiku. Sors: Dizionario Portatile (1843) u G.B.F. (1845).

NEVRASTENIJA     Stat tal-moħħ, meta bniedem ikun mentalment għajjien u eżawrit, u forsi anki jbati b’dipressjoni. Espr. ‘Baqa’ jittikani sakemm qabbadni nevrastenija’.

PIROĊĊ   Tintuża fl-espr. ‘waqa’ piroċċ’ – jiġ., ħassu ħażin u ntilef minn sensih. Etim. mhux magħrufa. Sors: E.S.I.

PIXXIKALDA   Marda venereali. Magħrufa wkoll bħala l-Marda Franċiża jew il-Marda tan-Nisa. Sifilide, marda li nfirxet mal-Ewropa fl-istess żmien li kien skopert il-Kontinent Amerikan fl-1492, u għaldaqstant hu ssuspettat li din il-marda kienu ġabuha magħhom l-ewwel esploraturi mill-Amerika. Fl-antik wieħed mir-rimedji biex tittratta din il-marda kien l-merkurju. Ngħidu, ‘Kemm int pixxikalda!’ lil xi ħadd fitt u persistenti. Tal. Piscia + calda li litteralment tfisser bewla sħuna, wieħed mis-sintomi tal-marda.

polio salk dPOLJO     Marda li għal bosta snin kienet magħrufa sew f’Malta, l-aktar fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. L-isem proprju tal-marda hu poliomyelitis, rif. għall-infjammazzjoni tal-materja griża fl-ispina dorsali. Meta din il-marda ma tkunx ittratta sew teffettwa n-nervituri, b’konsegwenza ta’ paraliżi u anki mewt. Il-vajrus tal-poljo jinġarr minn bniedem għal ieħor b’konsegwenza tan-nuqqas tal-indafa personali, l-aktar mill-eskrement tal-ġisem. Disgħin fil-mija ta’ dawk infettati mill-poljo ma jkunux jafu li qed iġorru dan il-vajrus qabel ma joħorġu s-sintomi tal-marda. Fis-seklu għoxrin, f’Malta din il-marda kienet titfaċċa kull sena, l-aktar bejn l-1920 u l-40ijiet, meta kienu jimirdu biha numru żgħir ta’ nies. Biss, fis-snin 1942-43, 1945, 1947 u 1950-51, il-marda nfirxet f’Malta b’mod epidemiku. Bosta nies mietu u mijiet oħra sfaw immankati għal għomorhom.

PUSTUMETTA    Ponta fil-ġisem, l-aktar li tinsab fil-ħalq li tkun kawża ta’ xi infezzjoni żgħira. Din toħroġ l-aktar meta xi ikel ħarr jittiekel u dan jniġġes il-ħanek. Tissejjaħ ukoll EFTE. Tal. pustuletta.  

QARNITA   Tip ta’ tumur li jinfirex f’partijiet membrani mukużi tal-ġisem, bħal fl-utru, fl-imnieħer u fl-għajnejn. Is. xj. Pterigium, Ing. surfer’s eyes. Magħrufa wkoll bħala ‘polipu’ (Ing. polyps). Din hi kundizzjoni komuni fin-nies li jgħixu l-eqreb lejn l-ekwatur, biss, hi marda li ssibha wkoll kullimkien. Firxa ta’ ħjut, bħal swaba’ ta’ brimba jew qarnita, fuq it-truf tal-ħabba tal-għajn. Din il-kundizzjoni hi maħsuba li hi kkawżata l-aktar bir-raġġi eċċessivi tax-xemx, ir-riħ u t-trab. Kawża ta’ dan it-tumur jibda l-ħakk, u l-ħmura fl-għajn, tonqos il-vista u hemm iċ-ċans li wieħed jagħma. Il-kura tradizzjonali għal din il-kundizzjoni kienet billi wieħed iħakkek max-xifer tal-għajn mimsusa, ħatem (ċurkett), b’disinn fuqu ta’ qarnita jew ta’ għajn. Waqt dan ir-rit kienu jingħadu diversi talbiet irrimati, fosthom din:

Iltqajt ma’ Ġesù Bambin 
Saqqejtha bi dmugħ għajnejja
Qalli, ‘Int fejn sejra?’ 
Issib lil Santa Margerita
Għedtlu, ‘Għandi għajni tuġagħni.’            
Tneħħi l-għabra u l-qarnita:
Qalli, ‘Mur fil-ġnejna tiegħi, 
Issib lil Santa Luċija
Hemm bużbieża ħelwa, ħelwa,
Ttik id-dawl u d-dija.’
Żrajtha b’idejja,

QRADA    (Sing. u plur.) Qasma f’qiegħ is-sieq li tħalli bħal kallu u ġilda ħoxna li tibda tiekol bil-ħakk.

REQQET IR-RUĦ    Ġieli kienet tingħad bħala REQT IR-RIĦ.  1. Ħass ħażin; ħlewwa ta’ qalb. 2. Nuqqas ta’ ħila li ma tkunx tista’ tassisti għal xi esperjenza li tkun tal-biża’. Effett fuq il-bniedem  minħabba xi emozzjonijiet qawwija li wieħed ma jkunx jista’ jissaporti. Ġużè Muscat Azzopardi juża din il-frażi fir-rumanz tiegħu Susanna (1883): ‘[…] L-imsejkna kienet tatha reqqet ir-ruħ li setgħet tibqa’ taħtha […]’.

Għal aktar artikli dwar suġġetti varji u relatati mal-ilsien u l-istorja ta’Malta, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

RSIPLA    1. Infezzjoni akuta fil-ġilda kkawżata minn bakterju streptokokku. Is. xj. Erysipelas. B’din l-infezzjoni l-marid jaqbdu d-deni u l-ġilda tiħmar u jħoss ħafna ħruq. RSIEPLA  Ngħidu, ‘marad bl-irsipla’. 2. Dan it-terminu jintuża kultant biex ikun spjegat kwalunkwe mard ieħor li jkun infirex mal-ġisem kollu.

SABB TAD-DEMM   Isem ieħor għad-disenterija; marda li tattakka l-imsaren meta l-bniedem ikollu infezzjoni jew minn xi vajrus, minn xi batterju, jew inkella minn xi parassita. Din l-infezzjoni hi norm. ikkawżata minn ikel jew xorb ikkontaminat, jew inkella minħabba t-teħid ta’ infezzjonijiet minn bniedem għal ieħor, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ iġene. Il-marda tirriżulta fis-sabb tad-demm, jiġ., emorraġija tad-demm li joħroġ mal-ippurgar. Skont l-Atti tal-Appostli, kap. 28, San Pawl kien fejjaq lil missier Publiju mis-sabb tad-demm. M.A.V. (1796) jgħid, SABA  Flusso di sangue.

SETTIĊEMJA   Illum din il-marda tissejjaħ Sepsis, għax it-terminu Latin, Septicaemia ma għadux jintuża fid-dinja tal-mediċina. Is-sintomi ta’ din il-kundizzjoni huma bosta: qtugħ ta’ nifs, ipotermja, pressjoni baxxa, taħbit tal-qalb mgħaġġel u infjammazzjoni tal-ġisem. Marda li meta tattakka l-ġisem b’mod sever tista’ tikkawża l-mewt. Qabel kienu jemmnu li s-settiċemja tattakka l-ġisem b’mikrobi li jidħlu fid-demm. Fil-fatt il-ġisem jista’ jkun qiegħed jikkumbatti kemm mikrobi kif ukoll vajrus, fungi u anki parassiti li jattakkaw il-pulmun, l-addome jew il-kanal tal-awrina. Illum din il-marda hi kurabbli.

SKABBJA     Marda fil-ġilda li tittieħed. Fit-Tieni Gwerra Dinjija kien hawn bosta li sofrew minn din il-marda. Il-marda tinġarr minn parasit, tip ta’ araknidu mikroskopiku, li jissejjaħ Scarcoptes scabiei. Is-sintomi ta’ din il-marda huma: ħakk kbir u ħmura, l-aktar bejn is-swaba’. Il-bniedem ikun l-aktar suxxettibli għal dan il-mard meta s-sistema imunitarja tiegħu titbaxxa.

SKARANZIJA   Marda fil-griżem meta jiffjammaw it-tunsilli. (Damma). ‘[…] Morbo. Schienanzia, scheranzzia, spremanzia, L. angina, synanche […]’.

SUFFEJRA    Marda li teffetwa fost oħrajn il-fwied u l-kanal li jwassal għalihom. Fost is-sintomi, l-abjad tal-għajnejn u l-ġilda jisfaru. Dan jiġri minħabba li l-metaboliżmu tal-ġisem ma jkunx qed jaħdem sew. Qabel kienu jemmnu li s-suffejra tiżviluppa b’xi qata’. Lat. Icterus. Ing. jaundice, kelma li ġejja mill-Franċiż jaune – M. isfar.

TIFOJDE    Dan hu isem li fl-antik kienet magħrufa biha is-salmonella, marda li wieħed jista’ jsofri minnha minħabba teħid ta’ ikel jew xorb ikkontaminat bil-ħmieġ tal-bniedem. Kemm il-bniedem kif ukoll xi insetti jistgħu jġorru din il-bakterja. Oriġ. Grieg: Typhos – jiġ., ‘imħawwad’ jew ‘imdaħħan’, rif. għall-istat konfuż tal-moħħ li jsib ruħu fih il-pazjent meta jkun b’deni għoli.

trakomaTRAKOMA     Is. xj. Chlamidia tracomitis. Marda tal-għajnejn ikkawżata minn vajrus. Jekk il-marda ma tkunx ittrattata b’kura tajba twassal biex il-persuna tagħma. L-infezzjoni tittieħed l-aktar minħabba n-nuqqas tal-iġene, l-aktar dik tal-wiċċ, kuntatt mal-ħmieġ, kemm minn dak li jġorr u jniġġes bih id-dubbien kif ukoll mix-xugamani maħmuġin. L-ewwel ma jkunu infettati huma l-kpiepel (għotjien) tal-għajnejn. Din il-marda infettiva tista’ tittieħed minn bniedem għal ieħor. Sa nofs is-seklu għoxrin, il-marda kienet tolqot kwantità kbira ta’ nies. L-aktar żewġ lokalitajiet fejn kważi kull familja kellha lil xi ħadd isofri b’din il-marda kienu, Għawdex u ż-Żejtun. Fl-antik, ħafna kienu jemmnu li l-infezzjoni kienet ikkawżata mit-trabijiet tat-toroq u l-bjuda tal-ġebla tal-franka li fis-sajf tgħammex l-għajnejn. Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex it-toroq kienu jitbexxu bl-ilma, biex it-trab ma jtirx. Dr Lorenzo Manché (1846-1921), speċjalista tal-għajnejn fl-Isptar Ċentrali, kien fetaħ klinika l-Ħamrun fejn kien jikkura mingħajr ħlas lil dawk li kienu morda bit-trakoma. L-ewwel gvernijiet awtonomi ta’ Malta, jiġ., mill-1921 ’il quddiem, kienu ħadmu kemm felħu biex din il-marda tkun eradikata. Imbagħad fl-1948, Dr Ċensu Tabone, f’sentejn, irnexxielu jeradikaha kważi għalkollox minn Għawdex bis-saħħa tat-trattament b’mediċina partikulari magħrufa bħala sulphonamides.

XAQQ / XQAQ / XQUQ IS-SAFRA    Agius de Soldanis jgħid hekk:  ‘[…] morbo che nasce al piedi e propriamente alla pelle del calcagno del piede e communemente si chiam xaqq jew sqaq is-safra in Italiano detto / forse perche fa delle fissure in quel luogo ove nasce il morbo […]’. (Damma).

Għal aktar artikli dwar suġġetti varji u relatati mal-ilsien u l-Istorja ta’ Malta, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

XARRU / XIRRU    Għamla ta’ nefħa li titla’ fil-glandoli u li tista tkun sinjal ta’ tumur jew kankru. (E.S.I.) (Damma) morbo, scirro, L. scirrhus.

XLIEQA     Ħrara. Ferita rqiqa bajda fir-rokna tax-xufftejn.

XURRAF    Barxa, selħa jew girfa li tkun xotta u taħraq ħafna.

ŻIRMA    Ċesta fil-qurriegħa, fil-wiċċ jew fl-għonq, ħafna drabi magħmula minn materja li tipproduċi speċi ta’ tumbata ratba taħt il-ġilda.

ŻOKMA / ŻOQMA    Bili, katarru. Bżieq li jittella’ mill-grieżem meta bniedem ikun qed ibati minn riħ f’sidru. Ngħidu, ‘għandu ż-żokma’; sal-lum għadek tisma’ lil min jgħid, ‘Illum inħossni mżikkem’, jiġ., dak li jkun qiegħed ibati minn riħ qawwi, maħnuq bis-sogħla u mhux iħossu tajjeb xejn. Qata’ ż-żokma – Beżaq b’saħħa. (Damma). Għ. żokma: kwalunkwe tip ta’ riħ fejn il-marid ikun magħdur sew.

——–

Martin Morana

26.03.2021

Għal aktar artikli dwar suġġetti varji u relatati mal-ilsien Malti u l-Istorja, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

Jekk trid tkun taf aktar dwar pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur, ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A bejn kliem u storja   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s