L-ILWIEN ta’ MADWARNA
Il-bniedem jogħxa bil-kuluri sbieħ u qawwija ta’ madwaru, kemm f’dak li hu ambjent tal-kampanja, fis-smewwiet ma’ tlugħ jew inżul ix-xemx, fil-pjanti u l-fjuri li jkabbar fil-ġnien jew fid-dar fejn jgħix. Nindunaw kemm huma importanti l-kuluri meta tkun xi ġurnata msaħħba fejn donnu il-kulur griż tas-sħab idellel l-arja għal aktar minn xi ftit sigħat. Allaħares kellna dejjem ngħixu f’ambjent mudlam jew griż, għax kieku żgur nitilfu ħafna mill-gosti tal-ħajja, jekk ma naqawx ukoll f’xi dipressjoni.
Bosta mill-ismijiet tal-kuluri li llum nirriferu għalihom kienu xi darba ispirati mill-kuluri ta’ tan-natura li naraw madwarna, u kwantità ta’ oġġetti sempliċi li n-nies jiltaqgħu magħhom ta’ spiss. Hekk insibu l-kulur oranġjo ispirat mill-kulur tal-larinġ. Anki bl-Għarbi, il-kulur oranġju hu magħruf bħala burtuqal, l-istess kelma tal-larinġ. Illum, l-ismijiet tal-varjetajiet tal-kuluri żdiedu hekk kif id-dinja tagħna saret esposta għal ħtiġijiet moderni. Kulħadd sar ibbellgħalna ismijiet ta’ kuluri ġodda, aktarx sofistikati u eżotiċi, bħal meta wieħed jiġi biex jagħżel pezza drapp jew xi bott taż-żebgħa.
Intant, dawn huma xi termini ta’ lwien li ilna nafu bihom sekli sħaħ, biss xi wħud minnhom llum huma minsija. Bosta minn dawn il-kuluri għandhom oriġini Semitika. Biss, xi wħud ġejjin mit-Taljan jew mill-Sqalli.
——–
BEBBUXI Kulur il-bebbux. Nużaw dan l-aġġettiv l-aktar mal-frażi, qattus bebbuxi, riferenza għal xi qattus li jkollu kulur tal-pil tiegħu mnaqqax jew irrigat, bħal kuluri ta’ fuq l-għakrux.
BELQI/A (pl. boloq) Tingħad biex tiddeskrivi mogħża ta’ kulur bajdani, imma li jkolla tbajja’ kbar suwed. Din jgħidulha ‘belqa bl-iswed’. Meta l-mogħża ta’ kulur abjad ikollha tbajja ħomor, din jgħidulha, ‘belqa bl-aħmar’. Il-bniedem jobloq’ meta jikber u xagħru jibda jibjad imma mhux kollu f’daqqa, xagħru jispiċċa b’irqajja’ bojod, u rqajja’ oħra għadhom suwed jew kulur ieħor. IBLAQ / BELQI / A – sewdieni.
BRINĠIELI Kulur li għandu mill-kulur tal-brinġiel. Ngħidu, qala’ daqqa u għajnu saritlu qisha brinġiela, jiġ., għajnu ħadet il-kulur vjola fl-iswed.
DAGĦMI / IDGĦAM / DAGĦMA 1. Lewn aħmar li jagħti fl-iswed. Dan l-aġġ. jiddeskrivi wkoll l-intensità ta’ kuluri oħra, eż., iswed dagħmi. Fl-istorja Żjara lil Ħabib f’Raħal, Anton Cremona juża dan l-aġġettiv b’dan il-mod: ‘[…] librerija wkoll tal-abjad miżbugħa aħmar dagħmi […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936). Jidher li meta kienet ippubblikata din l-istorja din il-kelma kienet diġà ntesiet minn kulħadd, għaliex l-edituri tal-pubblikazzjoni ħassew li għandhom jagħtu t-tifsira tagħha b’nota żgħira fil-qiegħ tal-paġna. Ara: TADAM.
DIBSI DIBSI 1. Oġġett ta’ kulur pjuttost ħafif jew bajdani; kulur li marritlu ħafna l-intensità tiegħu. 2. Oġġett li għandu bosta kuluri. 3. Kulur bjond jew kulur il-qastan. Eż. ‘żiemel dibsi’ – jiġ. żiemel ta’ kulur qastni. Sors: M.A.V. (1796). Biss, V. Busuttil. (1900) jittraduċi din il-kelma bl-Ing. bħala opaque.
EKRÙ Lewn skur li norm. hu assoċjat mal-kulur tal-għażel qabel ma jingħata l-kulur abjad. Oriġ. Ing. ecru li ġejja mill-Franċiż bl-istess kitba u pronunzja, u li bil-Malti tfisser ‘oġġett nej’.
FIDDI Ta’ lewn il-fidda.
IKĦAL Kulur blu. Aġġ. Kaħlani. Minn din il-kelma toħroġ kelma oħra: kuħħala li hi tbenġila fuq il-ġilda.
IXHEB / XEHBA Il-kulur griż ta’ annimali domestiċi. Ngħidu, ‘żiemel ixheb’ jew fenek ixheb – kulur li jagħti fil-griż. M.A.V. (1796) jagħti deskrizzjoni differenti u jgħid: di colore tra il giallo e il rosso simile al color del giuggiolo e del zibiba. Ara: XEHBIENI.
IŻRAQ / ŻERQA Ċelesti. Ta’ lewn ikħal mitfi u li jagħti fil-griż. (E.S.I.)
KANNELLA L-isem ta’ dan il-kulur ġej mill-pjanta impurtata f’Malta mill-Indja u mis-Ceylon magħrufa bit-Tal. bħala cannella u bl-Ing. bħala, cinnamon.
KARK Isfar qawwi. Ngħidu, ‘te karg’ – te qawwi skur fil-kulur tiegħu għax il-weraq tat-te jitħallew fil-misħun għal ħafna ħin biex jinħallu fil-misħun.
KARNAĠĠON Lewn il-ġilda tal-bniedem, kemm jekk din tkun ċara – karnaġġon rosa, bajdanija, jew inkella skura, karnaġġon skur.
KAFELATTE Kannella ħafif, qisu l-kafè bil-ħalib.
KERMIŻIN Aħmar qawwi, jgħajjat u sabiħ. Aħmar DAGĦMI. Il-kelma Ingliża crimson ġejja minn din il-kelma ta’ oriġ. Għarbija. Din il-kelma jagħtiha P.P. Saydon bħala, qremsi.
LELÀ Lewn ċelesti u roża, jew griż u rosa. Vjola ħafif ħafna. Etim. Sqal. lilà.
NIR Il-kulur blu. Ngħidu ikħal nir – ikħal bħal-BLUNA li kienet tintuża għal ħasil tal-ħwejjeġ. Meta kienu jużaw il-bluna kienu jgħidu, ‘jien nuża n-nir ta’ Reckitt’ (isem id-ditta jew brand). Sors V. Busuttil (1900).
PAGUNAZZ Kulur ir-rix vjola tal-pagun. Kulur li jagħti lejn lewn il-brunġiel.
QAMĦI Ta’ lewn il-qamħ. Isfar safrani jagħti lejn il-kannella. Ngħidu, ismar qamħi.
QASTNI Xagħar qastni. Il-qagħaq tal-qastanija hu msejjaħ hekk mhux għax fiħ il-qastan iżda għax il-mili tiegħu hu kulur il-qastan.
QROLLI Lewn ħamrani jixbah lil dak tal-qroll. Ngħidu, għandha xufftejha qrollin. Xufftejn qishom qroll.
RUXXAN Ngħiduha meta bniedem ikollu wiċċu ħamrani, jew għax titlgħalu fawra jew għax bix-xemx. Mill-Isqalli ruscianu; chi abbonda di sangue.
RMIEDI Kulur griż ċar li għandu mill-kulur tal-irmied; rmiedi samrani – kannella); irmiedi miftugħ – kannella ċar; irmiedi magħluq.
SAFRANI /ISFAR Hemm diversi gradi f’dan il-lewn. Ngħidu, isfar lellux; jew isfar mewt; isfar bħax-xemgħa;
SEPJA Il-kulur kannella skur li jista’ anki jagħti fil-karnaġġjon. Dan il-kulur jintuża mill-fotografi biex ir-ritratt jingħata xeħta li hu ritratt antik, l-aktar tas-snin ħamsin jekk mhux anki qabel.
XAQRA Kulur pjuttost ħamrani ċar li jagħti fl-isfar u li norm. jirriferi għall-wiċċ ta’ persuna anzjana. Kulur ta’ dan it-tip, ġieli li tarah fuq iż-żwiemel jew il-qtates. Temi Zammit, fil-ħrafa, ‘Il-gideb għomru qasir’, jirrakkonta meta l-pulizija jsaqsi lir-ragħaj dwar il-mogħża li nsterqitlu, ‘[…] X’għidt xaqra? Din xi tkun? […]’ u ragħaj iwieġbu, ‘[…]xaqra – lewnha aħmar […]’. Sors: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra, (ed. Toni Cortis) p. 16.
XEHBIEN Aġġ. Lewn li jagħti fil-griż. Lewn l-irmied. P.P. Saydon juża dan l-aġġettiv b’mod metaforiku fil-kitba tiegħu ‘L-aħħar jiem f’Bengħisa’, biex jiddeskrivi l-baħar li kien qiegħed jammira: ‘[…] Il-baħar qiegħed, qisu wiċċ irħam abjad xehbieni […]’. Ngħidu, leħja xehba. Ara: IXHEB. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 216. Oriġ. ippubblikata f’Leħen il-Malti.
ŻAHRI Bajdani bħaż-żahar.
ŻEBBUĠI Kulur li jixbah l-aktar mill-qrib il-frotta taż-żebbuġ. Aħdar skur.
——-
Martin Morana
5.11.2021
Ħajr: Ġużi Gatt
——-
Bibliografija
Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary. Midsea Books. 1987.
Carabott Rosabelle, (editriċi), Damma Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal
Maltin u Ghaucin. Agius Sultana Gianfrangesku. L-Akkademja tal-Malti et al. 2017.
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin.
Vassalli Mikiel Anton, Ktŷb yl Klŷm Mâlti / Lexicon (1796).
Wettinger Godfrey, Kliem Malti Qadim. L-Istitut tal-Lingwistika u d-
Dipartiment tal-Malti fl-Universita ta’ Malta. 2006.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *