L-umoriżmu Malti

 

Ftit ħsibjiet dwar

L-UMORIŻMU MALTI

 

Aħna l-Maltin ikollna nammettu, almenu bejnietna, li nappartjenu għall-poplu magħruf bħala ‘Ta’ Gemgem’, għax qisna koċċ nies li flok naraw is-sabiħ tal-ħajja, naraw biss l-ikraħ, u neqirdu kuljum fuq kollox. Dejjem insibu fuqiex ingergru. Daqqa fuq it-temp, anki meta tkun xi ġurnata xemxija f’Jannar, bis-sema blu, għax fl-opinjoni ta’ xi wħud it-temp dakinhar hu sħun wisq għal dak iż-żmien tas-sena, waqt li oħrajn, dejjem fuq l-istess gżejjer u fl-istess jum, jilmentaw li għaddejja żiffa fina xxoqq il-għadam. Nilmentaw ukoll jekk ix-xita tbexxex xi ftit f’April, għax inzerta li dakinhar is-sinjura trid tonxor il-ħasla fuq il-bejt. Hemm min jilmenta anki meta jmur ta’ bilfors il-knisja il-Ħadd għall-quddiesa, jekk iċ-ċelebrant ifettillu jtawwal b’żewġ minuti l-omelija.

Fejn hu dak is-sens ta’ umoriżmu li suppost uritna mill-Ingliżi? Ipprova ftakar meta kien l-aħħar darba li smajt lil xi ħadd qrib tiegħek jidħak bil-qalb! Jew inkella jgħid xi ċajta, jew jgħaddi xi kumment daqsxejn allegru biex jagħmel l-atmosfera aktar ħafifa u pjaċevoli. Fuq il-post tax-xogħol? Jew hemm forsi jaqbillek iżżomm wiċċek mqit biex turi kemm int serju fuq xogħlok? Ma’ ħbiebek jew mal-familja, f’xi ristorant jew bar? Forsi d-dar inti u tara xi film komiku? Minkejja dawn il-mistoqsijiet, ċert li jeżistu fostna dawk li għandhom il-ħajra u l-abbiltà li jieħdu l-ħajja b’mod aktar ħafif u jitbissmu u jferrħu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom.

83012201-smiley-with-blue-eyes-emoticon-set-yellow-face-with-emotions-facial-expression-3d-realistic-emoji-sa

Kif tidentifikah l-umoriżmu Malti?

Għandna nifhmu li l-biċċa l-kbira tan-nies madwar id-dinja jidħku għal raġunijiet differenti. Forsi l-Maltin fil-manjieri tagħhom ma jidħkux daqstant fid-deher għal kull ħlieqa, għalkemm ikunu qed japprezzaw xi rimarka ċajtiera xorta waħda. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin donnhom iħobbu jżommu wiċċhom serju, x’aktarx bla espressjoni ta’ xejn, (bl-Ingliż, poker face), forsi biex ma jikxfux l-emozzjonijiet tagħhom ma’ ħaddieħor iżżejjed. Għalkemm faċli mbagħad nuru l-emozzjonijiet oħra tagħna f’mumenti ta’ rabja jew ta’ dwejjaq. Intant, għandna qawl minnhom li jwissina: ‘Wara ċ-ċajt jiġi l-biki!’ Forsi niħduh bis-serjetà wisq dan il-qawl. Tgħid għalhekk nibżgħu nfaqqgħu daħka mingħajr ma noqogħdu naħsbuha? Kultant nissuspetta wkoll li xi wħud (l-irġiel l-aktar) jibżgħu li jekk jidħku jitilfu l-immaġni ‘macho’ tagħhom, jew għax jibżgħu li jidhru fidili u sempliċi.

Apparti dawn ir-rimarki, bosta minnhom imniżżla hawn minni aktarx b’mod umoristiku, irridu wkoll namettu li meta l-Maltin jidħku, dan jagħmluh b’mod storbjuż għall-aħħar, bħallikieku għadhom kemm semgħu l-aqwa ċajta li żgur li m’hemmx aħjar minnha fid-dinja kollha.

Liema huma l-okkażjonijiet li jidħku fihom, jew bihom l-aktar il-Maltin? Fuq livell individwali, bosta jużaw l-umoriżmu biex iniggsu ħafif, biss, b’mod ta’ ħbiberija ħalli jiġbdu saqajn il-ħbieb tagħhom (bl-Ing. bantering). Imbagħad hemm min juża l-umoriżmu tiegħu biex ikun ironiku jekk mhux ukoll ċiniku. Ironiku meta nwaqqgħu għaċ-ċajt lilna nfusna, bħal meta ngħidu, ‘x’qatgħa xagħar għandi hux!’ meta jiena nkun fartas. Ċiniku, meta nagħmel rimarka dwar ħadddieħor, bħal meta ngħid, ‘kemm int gustuż ħej, mur obsor għalik!’ jekk dak li jkun ikun qal xi ħaġa li dejqitni.

Ċertament, kulħadd jidħak b’dak li jara meda s-sitwazzjoni ma tkunx tas-soltu. Ej’ ngħiduha kif inhi, jekk pereżempju, tkun miexi fit-triq u tara bniedem liebes imkittef b’qalziet mimli rqajjgħa fuq sormu, jew liebes żarbuna waħda sewda u l-oħra ħamra, jagħtik li tidħak bih. Allavolja dak ikun xi miskin li ma għandux biex jilbes sew. Kultant nidħku bid-deni jew sitwazzjoni skomda ta’ ħaddieħor. Oħrajn jagħżlu li jidħku f’mumenti li jkunu aktarx aċċidentali, bħal ngħidu aħna, meta dak li jkun jara lil xi ħadd jiżloq f’roqgħa żejt u jieħu xi tkaxkira tal-Beati Pawli u jispiċċa minn tulu fl-art. Id-daħk f’sitwazzjoni bħal din hu verament rifless inkontrollabbli għax il-bniedem magħmul hekk, li meta jara xi ħaġa li mhux tas-soltu, jew jinħasad u jwarrab ‘l hinn, jew jinħasad u jidħak biha. Biex nagħti eżempju, jekk dak li jaqa’ fl-art ikun b’xi kikkra f’idu li mal-waqgħa l-kikkra titfarrak f’mitt biċċa, x’aktarx li nidħku. Biss, jekk dik l-istess kikkra tkun tagħna u ta’ ċertu preġju, ir-reazzjoni tkun mod ieħor.

Kif jista’ wieħed jirreżisti daħka jekk ngħidu aħna, inkunu l-knisja għall-quddies u f’daqqa waħda, waqt id-devozzjoni tagħna, nisimgħu lil xi ħadd bilqiegħda żewġ bankijiet ’il bogħod minna jfaqqa r-riħ min wara? Naħseb li d-devozzjoni tagħna tisparixxi fi ftit sekondi u ninfaqgħu nidħku. Intant, il-proverbju Malti jgħid, ‘bassa ddaħħaq – fiswa ġġelled!’ Hu x’inhu, li tagħmel affarijiet bħal dawn fil-knisja hu żgur tabù. Il-ksur tat-tabù jdaħħaq.

Fid-dinja tad-divertiment, bħal meta naraw film, kummiedja jew show fit-teatru, Il-Maltin jidħku aktar bil-ġesti tal-wiċċ, il-mossi tal-ġisem u l-preżenza kariżmatika tal-persunaġġ komiku milli bil-kliem li jingħad. Qiegħed nirreferi għall-mumenti tad-daħk f’sitwazzjonijiet bħal ma naraw fil-films ta’ Charles Chaplin jew fil-kummiedji antiki bħal ‘Some Mothers do Have Them’. Dawn idaħħkuna aktar milli meta naraw sitcoms b’ċajt tal-ħsieb (Ing. wit). L-Ingliżi u l-Amerikani għandhom ħafna shows u films fejn iċ-ċajt bil-kliem jissupera jekk mhux ukoll jeskludi l-ġesti. Ħafna ċajt tal-barranin illum huma one-liners u mimlijin doppju sens kultant, jekk mhux ta’ spiss, anki ċajt vulgari.

Il-Maltin ukoll jidħku biċ-ċajt biċ-ċajt ‘vulgari’ u fejn jidħol is-sess. Dan kemm fuq livell personali, bħal dak li jingħad bejn ftit ħbieb, jew inkella dak li jingħad minn komiku fuq il-palk jew it-televixin, films eċċ. Id-doppju sens idaħħaq għax fil-kliem ikun hemm żewġ tifsiriet, dik it-tifsira l-aktar ovvja u fattwali, u l-oħra moħbija li tkun tinftiehem mod ieħor u li tagħraf is-sens tagħha ftit millisekondi wara li tingħad. Il-vulgarità fiċ-ċajt tista’ tkun ikkontrollata b’ewfemismi li jtaffu x-xokk tat-tifsira tal-kelma vulgari.

Ħu l-każ tar-reċitazzjoni b’versi mqabbla tal-qarċilla li kiteb Dun Feliċ Demarco, miktuba għall-Karnival tal-1750. Din it-taqbila magħmula minn ħafna versi tirrakkonta l-lista ta’ wegħdiet u obbligi mogħtija fid-dota lill-għarusa, jew inkella mwegħda mill-għarus fil-kuntratt taż-żwieġ. Il-lista hi mimlija b’wegħdiet ta’ oġġetti u obbligi bla sens, strambi u xi wħud minnhom mimlija vulgaritajiet. Din kienet il-qarċilla maħsuba biex iddaħħak lil dawk kollha li kienu jinġabru biex jisimgħu lill-attur tat-triq.

Fi żminijietna, fil-Malti, għandna nomi ewfemistiċi marbuta mas-sess li donnhom ħafna minnhom huma marbuta mal-qasam tal-ikel. Pereżempju, iz-zalzett, il-pastizz, u l-patata jew it-tina, jintużaw b’mod ewfemistiku (jiġifieri mistur) għall-partijiet tal-ġisem relatati mas-sess. Immaġinak tidħol għand tal-ħaxix u lill-bejjiegħ tgħidlu, ‘Ġuż kemm għandek patata sabiħa, ’tini minnha ta!’ Ċert li kull min ikun fil-ħanut u jismagħha din jitbissem jew jinfaqa’ jidħak.

Jekk imbagħad iċ-ċajt ikun vulgari jingħad f’teatru nidħku aktar u aktar għax issa t-tabù jinkiser minn qabda nies f’salt. Id-daħk tal-udjenza ġo teatru għandha l-effett fuq is-subkonxju għax jindika li kulħadd f’dik is-sala qed jaqbel li għandu jidiħak bl-istess ċajta li tkun ingħadet, minkejja li dawk in-nies kollha ma jagħfux lil xulxin. Biss, jekk iċ-ċajta tkun fuq xi pesunaġġ politiku (suġġett tabù ieħor għall-Maltin) kull wieħed fl-udjenza joqgħod attent kemm jitbissem jew ifaqqa’ d-daħk għax malajr ikun ittimbrat li hu ma’ partit jew ieħor.

imagesfff

L-Umoriżmu personali

L-umoriżmu dejjem jibqa’ xi ħaġa personali. Niftakar darba, meta attendejt panto tal-Milied f’wieħed mit-teatri ta’ Malta, stajt ninnota kemm l-udjenza kienet qed tapprezza x-show f’kull aspett tagħha. Kien hemm ħafna ċajt li beda jingħad li n-nies daħku kemm felħu bih, min jisgħol u min jixraq bid-daħk. Fil-pantos id-daħk jiżdied sew kull meta xi ħadd mill-atturi rġiel ikun liebes u jirrexta ta’ mara. Anki jekk, l-iskript tal-kummiedja jkun fqir immens, bħal ma dejjem ikunu l-pantos. Imbagħad jekk tkun xi kummiedja brillanti bi plot imdammi b’mod loġiku u bi djalogar intelliġenti ssib li bosta ma jsibu xejn biex jidħku. L-udjenza matura li għandha sens ta’ għażla aktar fina biex tidħak tonqos qiegħda mhux tiżdied.

Sal-lum donnu għadna li biex nidħku rridu bilfors naraw l-attur jippreżenta ruħu fuq il-palk bi kwalitajiet fiżiċi ‘tad-daħk’, ngħidu aħna l-attur irid ikun qed jirrapreżenta l-karattru ta’ xi raġel xiħ, xi ħadd oħxon, jew irqieq, jew liebes ta’ ħamallu. L-istand-up comedians, dawk li joħoroġu fuq il-palk sempliċiment bħala huma infushom, donnhom ma tantx jappellaw. Barra minn Malta dawn il-komiċi tal-palk jiġbdu udjenzi ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ nies l-aktar minħabba l-kariżma personali tagħhom. Mhux għax Malta ma għandhiex komiċi ta’ kariżma. Ħu minn Hector Bruno, Joe Demicoli, Ray Calleja U Pawu Borg Bonaci. Biss dawn idaħħku aktar u aktar meta jirtukkjaw ruħhom ta’ mara, jew ta’ xi ħamalli. Il-ħammallaġni nidħku biha, forsi għax turi kemm il-bniedem jista’ jkun baxx intelletwalment aktar minna.

Illum, bis-saħħa tal-użu viżwali fil-wisa’ tal-internet dħalna f’komunikazzjoni ta’ kuljum mal-bqija tad-dinja, u fl-istess ħin sirna esposti għall-kull tip ta’ posts li wieħed jitfa’ fin-networks soċjali, fosthom posts magħmula biex idaħħku. Dawn tara kuljum minnhom, kemm jekk huma videos professjonali, kemm jekk ikunu ċajt fuq xulxin bejn il-ħbieb. Illum l-umoriżmu hu espress b’tant modi u minn kulħadd u qiegħed jasal fuq l-iscreens tal-kompjuter fid-dar ta’ kull wieħed u waħda minna hekk kif nafsu l-buttuna li nixtiequ, skont il-burdata li nkunu fiha.

Martin Morana

8 ta’ Frar 2022

png-clipart-emoji-illustration-smiley-emoticon-face-emoji-funny-expression-cartoon-villain-thumbnail

 

Aktar dwar l-umoriżmu Malti …. anzi rakkont sħiħ dwar l-istorja tal-Maltin fil-burdati tajbin tagħhom ara hawn: 

 

ACover

F’dan il-ktieb il-awtur jitratta l-umoriżmu fuq livelli differenti, kemm dak indivdiwali, kif ukoll fuq dak ippreżentat fit-teatru, fiċ-ċinema kif ukoll fil-karnival u f’divertiment ieħor.. Il-kittieb isemmi ħafna eżempji mill-passat u jqabbel dawn mal-umoriżmu kif inhu apprezzat fi żmienna. Dan hu studju li jikxef it-temperament tal-Maltin, kemm bħala r-riċevituri li japprezzaw l-umorżmu kif ukoll bħala dawk li jikkrejawh biex ipaxxu ’l-ħaddieħor.

Paperback; paġni: 226. Euro 12.95

Jista’ jinxtara mill-ħwienet tal-kotba … Issa jinsab għal bejgħ bħala ebook fuq Amazon Kindle  https://www.amazon.com/Maltese-Humour-Seriously-Martin-Morana-ebook/dp/B08ZYYZ5PM/ref=sr_1_1?dchild=1&keywords=maltese+humor+but+seriously&qid=1619510528&s=books&sr=1-1

 

Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

Categories:

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s