Il-Karnival f’Malta fis-seklu dsatax
Dwar x’kien isir f’Malta fil-jiem tal-Karnival, fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann instabet dokumentazzjoni mhux ħażin. Li dan il-festeġġjament baqa’ jsir fi żmien bikri tal-Ingliżi f’Malta insibu kitbiet ukoll. Biss forsi dawn is-sorsi mhux magħrufa daqstant. Mill-ftit riċerka li għamilt irnexxieli niġbor stampa ċara mhux ħażin ta’ kif il-Maltin kienu jipparteċipaw fil-’jiem tal-bluha’, fl-ewwel mitt sena tal-ħakma Ingliża. Is-sorsi li sibt ħafna minnhom huma minn kotba ta’ barranin li kitbu fuq dak li osservaw b’għajnejhom stess meta dawn inzertaw Malta fi żmien il-Karnival.
William Domeier u l-Karnival
Tabib Ingliż, William Domeier, li kien ġie Malta fil-bidu tas-seklu dsatax, fil-ktieb tiegħu, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta (1810), jiddiskrivi fuq fuq, it-tbahrid li kien isir fil-jiem tal-Karnival, fil-Belt Valletta. Hu jinnota li fit-toroq kien hemm bosta koppji mixjin lambranzetta; gruppi ta’ żeffiena kienu qed jiżfnu għad-daqq ta’ xi strummenti, gruppi żgħar ta’ nies kienu rikbin il-kalessi jew karrijiet kbar ‘[…] calesses and large waggons […]’. Kien hemm ukoll maskerati jibbużullotjaw fit-toroq ‘[…] speaking by pantomime […]’, nies iqassmu ‘l-ittri lil xulxin’ – Domeier jimmaġina li dawn x’aktarx kienu ittri ta’ mħabba. Dan kollu kien iseħħ fil-jiem tal-Karnival, bejn nofsinhar sa ma jidlam.
Wara Domeier kien ġie Malta r-Reverendu S.S. Wilson, saċerdot Metodist li wkoll irrimarka fil-kitba tiegħu dwar il-festeġġjamenti tal-Karnival tal-1819. Fost affarijiet oħra hu jsemmi li ra xena li fiha raġel jagħmilha ta’ mejjet b’wiċċu miksi bl-irmied u li kien jinġarr mimdud fuq l-ispallejn f’marċ funebru. Jakkumpanjawh kien hemm dawk li jagħmluha taparsi ta’ newwieħa, l-istess bħal ma kien isir f’Malta fil-funerali, fl-antik sas-seklu tmintax (J. Cassar Pulliċino, 1992). Wilson isemmi wkoll illi l-Karnival kien jibda bid-daqq tat-trombi – dawn it-trombi kienu maħduma mill-qrun tal-barrin. (A. Borg Cardona, 2014).
Ir-rakkont dettaljat tas-saċerdot Unitarjan Amerikan
Andrew Bigelow, saċerdot Unitarjan* Amerikan, li żar Malta ftit aktar tard, kiteb mhux ħażin dwar il-festeġġjamenti tal-Karnival. Il-Karnival li jirreferi għalih kien dak ta’ bejn is-Sibt, l-24 u t-Tlieta, s-27 ta’ Frar tal-1827.
Fil-kitba tiegħu, Bigelow jgħid li ċ-ċelebrazzjonijiet, għalkemm suppost kellhom jibdew il-Ħadd, biss, sa lejliet, jiġfieri s-Sibt wara nofsinhar, fil-Belt, wieħed seta’ diġà jara nies bil-kostumi u spettaturi jduru b’antiċipazzjoni għall-bidu tal-Karnival. Il-briju kien jibda bil-kbir mill-Ħadd, wara s-2 p.m. u kienu jattendu għalih folol kbar ta’ nies li xi wħud minnhom kienu jiġu anki mill-irħula tal-kampanja. Imbagħad, il-Karnival kien ikompli sat-Tlieta, billejl, meta suppost kien jintemm kollox ma’ daqq ta’ nofsillejl. Biss, mill-lukanda li kien fiha, The Vicary, qrib il-Palazz, Bigelow seta’ jinnota li x-xalar kien jibqa’ sejjer anki sa kmieni l-Erbgħa filgħodu, Ras ir-Randan.
Bigelow jgħid li fit-toroq tal-Belt, kuljum kien jara ħafna kalessi jinsaqu tul Strada Reale kollha, u fit-toroq paralleli magħha. Fuqhom kienu jirkbu nies sinjuri jew nobbli, kollha libsin il-kostum, u xi wħud bil-maskri ma’ wiċċhom. Dawn kienu jitpaxxew bil-ġennati tal-maskerati fit-toroq, filwaqt li huma stess ikomplu ma’ dan il-ġenn billi jissuttaw lill-folol bil-perlini. Bosta nisa fil-gallariji kienu jagħmlu l-istess, u biex jidħku kemm jifilħu, kienu jgaraw il-perlini lit-tfal fit-triq biex jarawhom jissieltu bejniethom, waqt li jippruvaw jaħtfu l-perlini qabel dawn jinġabru minn sħabhom.
Darba minnhom, fi Strada Vescovo, Bigelow ra grupp żgħir ta’ daqqaqa tat-tnabar u t-tamburlini, libsin il-kostumi tal-Karnival, b’folla żgħira ta’ nies madwarhom jidħku bil-mossi li dawn kienu qed jagħmlu. Bigelow tkaża mhux ftit meta f’mument minnhom ra għaddej minn ħdejhom il-vjatku, u ħadd minn dik il-folla ma ta kasu, u inqas u inqas ma wrew ir-rispett dovut lejh.
Bigelow jagħti wkoll informazzjoni interessanti dwar it-tip ta’ maskerati li osserva matul il-jiem tal-Karnival. Fost dawn kien hemm min kien liebes qisu ta’ kavall ‘[…] knaves of cards […]’ arlekkini u buffi ‘[…] buffoons and clowns [..]’ satiri ‘[…] satyrs […]’ u nies suwed u Torok ‘[…] Africans and Turks […]’. Bigelow seta’ jinnota wkoll xi nisa li kienu libsin uniformijiet ta’ suldati jew baħrin. Imbagħad kien hemm ukoll xi żgħażagħ li kienu qed jagħmluha ta’ xjuħ, kif ukoll xjuħ libsin bħallikieku żgħażagħ. Kien hemm dawk li kellhom kostum ta’ żmien Luiġi X1V, u ra anki tifel liebes bil-geżwira u bir-rixa, bħal tal-Iskoċċiżi.
Bigelow isemmi wkoll il-ballijiet li kienu jsiru kuljum filgħaxija bejn it-8 ta’ billejl u s-2 ta’ filgħodu. Bigelow jikkonkludi li meta l-Karnival ikun għadda, il-Ħadd ta’ wara [Ħadd in-Nies], ħafna kienu jaqsmu l-Port il-Kbir bid-dgħajjes biex jagħmlu pellegrinaġġ lejn Ħaż-Żabbar biex iżuru l-knisja tal-Mdonna tal-Grazzja bħala penitenza.
Ġostra fi Pjazza San Ġorġ
Il-pittur rinomat Pietru Pawl Caruana pinġa attività partikolari li verament kien spettaklu kbir tal-Karnival tal-1829. Din kienet xena ta’ battalja finta fuq iż-żwiemel li l-uffiċjali Ingliżi organizzaw u għamlu bejniethom, fi Pjazza San Ġorġ, quddiem il-Palazz. Il-kurazzi li libsu sselfuhom mill-armerija tal-istess Palazz. Dan iffisser li l-Ingliżi, sa ftit snin wara li kien stabbilew ruħhom Malta, kienu bdew jipparteċipaw f’avveniment li mhux biss kienu ta’ użanzi tradizzjonali lokali iżda anki li jappartjenu għall-kalendarju Kattoliku, għax il-Karnival ma kienx jagħmel parti mill-kultura tagħhom. Mhux talli hekk, talli kif ser naraw, fil-jiem tal-Karnival, il-Gvernatur stess kien ukoll jorganizza ikla biż-żfin (il-Ballu tal-Karnival) tard billejl fil-Palazz tiegħu, il-Belt.

George Percy Badger
George Percy Badger, Ingliż li għex parti kbira minn ċkunitu f”Malta, jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-Karnival, fil-ktieb tiegħu, Description of Malta and Gozo (1838). Bħal Bigelow, hu jikkonferma li l-Karnival kien isir fuq tlett ijiem, il-Ħadd, it-Tnejn u t-Tlieta. Biss hu jsemmi li s-Sibt wara nofsinhar, il-Karnival kien jiftaħ uffiċjalment fi Pjazza San Ġorġ, quddiem il-palazz tal-Gvernatur, biż-żifna tal-Parata*. Iż-żeffiena kienu jxejru żigarelli kkuluriti madwarhom. Mas-sinjal tal-ftuħ tal-Karnival dan il-grupp ta’ żeffiena kien jibda jdur it-toroq tal-Belt, bix-xwabel tal-injam u bit-tarki f’idhom. Il-grupp kien kultant jieqaf biex jiżfen quddiem xi dar ta’ xi sinjur u importanti. Waqt din iż-żifna kienu jerfgħu tifla żgħira fuq spallejhom. Din kienet iġġorr f’idha sejf żgħir. Dan iż-żfin kien jispiċċa mad-daqq tal-‘God Save the King’. Għandi nifhem li dan l-innu kien jindaqq min xi banda militari, li jfisser għal darba oħra li l-awtoritajiet Ingliżi kienu jibgħatu banda biex tipparteċipa fil-briju tal-Karnival, u biex tagħlaq il-programm tal-jum bil-God Save. L-użanza li l-programm jagħlaq bil-God Save bqajna narawha sa meta Malta ħadet l-Indipendenza, għaliex sa l-1964, fl-avvenimenti pubbliċi, kemm dawk festivi kif ukoll oħrajn, l-avveniment kien jingħalaq b’dan l-innu.
Badger jikkummenta dwar il-kostumi u l-attivitjiet li kienu jsiru fil-Karnival. Hu jsemmi maskerati li kienu jinpressjonawh ħafna, bħal dawk libsin ta’ xitan, bil-qrun fuq rashom, u b’denb imdendel minn wara. Biss, skont hu, il-Karnival kien donnu naqqas fl-intensità tiegħu minn xi snin ilu ’l hawn. Anki l-istoriku u kittieb P.P. Castagna (1865) jikkonferma dan u jgħid li ironikament, l-inċident tal-1846 kien reġa’ kebbes il-ħrara għal dan il-festeġġament (dwar dan l-inċident ara aktar ’l isfel).
Aħmed Faris ax Xidjaq
Xhud ieħor barrani li kiteb dwar il-Karnival f’Malta kien Aħmed Faris ax Xidjaq, kittieb, skular u filosofu mil-Lebanon li kien għex Malta għal bosta snin, bejn l-1835 u l-1849. Fost affarijiet oħra hu kien jitkaża meta jara l-irġiel kien jilbsu ta’ nisa u n-nisa ta’ irġiel. Ax Xidjaq isemmi l-ballu tal-Karnival li l-Gvernatur Ingliż kien jorganizza u li għalih kien ikun mistieden man-nies distinti l-oħra. Waqt il-ballu kien ġieli jimbarazza ruħu, għax billi kien jilbes il-libsa tradizzjonali ta’ pajjiżu, il-mistednin kienu jaħsbuh wieħed mill-maskerati. Ax Xidjaq jirrimarka b’ċerta stmerrija li xi wħud mill-mistednin, flok jieklu biss mill-ikel offrut lilhom, kienu anki jaraw kif jagħmlu u jitfgħu xi ħelu fil-komma tal-libsa biex iġġorruh magħhom lejn id-dar.
Meta l-Maltin libbsu l-kostumi lill-annimali
Hawn ta’ min wieħed isemmi l-inċident li nqala’ fil-Karnival tal-1846, meta l-Gvernatur ta’ dak iż-żmien, Patrick Stuart, ipprojbixxa li l-Karnival isir f’jum il-Ħadd. Stuart kien Metodist u puritan, u għaldaqstant kien jemmen bil-qawwa li wieħed ma għandux jagħtiha għat-tbahrid, il-Ħadd, għax dan kien jum sagru li suppost għandu jkun iddedikat lill-Alla. Għaldaqstant kien ħareġ proklama li biha pprojbixxa l-attivitatjiet tal-Karnival milli jsiru l-Ħadd. B’din l-impożizzjoni, sar ħafna tgergir u l-parteċipanti li suppost kellhom jieħdu sehem, minkejja li obdew il-proklama, telgħu xorta fit-triqat prinċipali tal-Belt Valletta. Waqt li ħadd minnhom ma libes kostum, xi wħud, biex jinku lill-awtoritajiet, minflok, kaxkru magħhom l-annimali domestiċi tagħhom li libsuhom kostum. Dawn irħewlha lejn il-Palazz. Fi Pjazza San Ġorġ qam irvell sħiħ, u lejn inżul ix-xemx, waqt li l-gwardja tal-Main Guard kienet qed iddoqq l-Irtirata, (Beating of the Retreat) ċeremonja militari li kienet issir ta’ kuljum, il-folla b’rabja kbira marret fuq dawn is-suldati, attakkathom u anki kissritilhom xi strummenti tal-mużika. Oħrajn irħewlha lejn id-dar tal-pastor Anglikan, li kien joqgħod tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod, preċiżament taħt il-Katidral tal-Anglikani, biex jinfexxu miegħu, għax bosta kienu tal-fehma li l-Gvernatur ħareġ il-proklama sforz it-tfesfis tal-pastor Ingliż.
Il-Poeżija ta’ Gan Anton Vassallo u l-kostumi tal-Karnival
Fl-1865, Gan Anton Vassallo, wieħed mill-ewwel awturi pijuniera tal-letteratura Maltija, ippubblika ktejjeb, bit-titlu Stejjer u Ċiait. Fil-verità, dan il-ktejjeb la fih stejjer u lanqas ċajt, iżda hu ġabra ta’ poeżiji, ħafna minnhom b’vena umoristika li jittrattaw firxa vasta ta’ suġġetti. Fost il-poeżiji hemm waħda minnhom jisimha, Cliem tal-Poplu – (Sibt il Carnival). F’din il-poeżija, l-awtur jesprimi t-tħassib tiegħu dwar jekk xi darba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival kellhom jitnaqqru jew jitwaqqfu mill-awtoritajiet. Vassallo ma jsemmix għalfejn kien qiegħed jibża’ li dan seta’ jseħħ, biss, nissuspetta li din il-poeżija setgħet inkitbet xi żmien wara l-projbizzjoni tal-Karnival tal-1846, meta sar l-inċident, imsemmi fil-paragarafu ta’ qabel. Fl-istess poeżija, Vassallo jagħtina wkoll rendikont interessanti tal-maskerati u l-kostumi li kienu popolari fi żmienu. Din hi dik il-parti tal-poeżija fejn dawn il-karattri huma msemmija.
- Jena, ħei, ta’ Contadina; - Jena nilbes t’Avucat; - Jen nissauuar Ballarina; - Jen nixħita ta Suldat. - Jena, xbin, nilbes ta Zeppi; - Aħna it-tnei Grezz u Chetrin; - Jen nitbelleħ ta’ Arlecchin. -Jen nitfaħħa ta’ Dimoniu; - Jen niddobba ta Fizzial; - Jen jogħgiobni Pulcinella Bil carpas [tip ta’ beritta] u bil fanal. - Niggerreu mat-torok colla, U nitkabżu kalb il folla... Niddevertu u nixxalau, U nitħabtu l’in u l’au... Narra dejjem Carnival !
Il-poeżija tkompli b’daqstant numru ta’ versi oħra li fihom l-awtur jikkonferma kemm kien ifisser il-Karnival għall-popolin. Fost dawn il-versi insibu hekk:
Aħna il baxxi, u n-nies tas-snaja, L’impjegati ucoll miż-żgħar. Illi nagħmlu l’acbar numru, Ma ’nffitxux ħlief ix-xalar.
Deskrizzjoni tal-ispirtu tal-Karnival tal-1893
Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax kien ġie Malta viżitatur ieħor li leħaq ra ċ-ċebrazzjonijiet tal-Karnival. Dan kien il-kittieb u vjaġġatur prolifiku Amerikan, Maturin Murray Ballou. Fil-ktieb, The Story of Malta, Ballou jgħid hekk:
[…] The Carnival is also made much of by the common people, and indeed it would seem that all classes participate … to the exclusion of nearly all other occupations, in a sort of good-natured riot, not always harmless. The most ludicrous and extravagant conduct prevails, the actors being generally masked and otherwise disguised. Hardly anything that occurs and which is designed only for diversion, and not instigated by malice, is too absurd for forgiveness. Ladies are ready to engage in a battle royal from their balconies, using confetti, dried peas, beans, and flowers, which they merrily shower upon the passers-by with all possible force. Sometimes, but this is not often, unpleasant missiles are employed and serious quarrels ensue. The day after the close of the Carnival, those who have taken any extravagant part in the revels, or who have been over self-indulgent, repair to the small church of Casal Zabbar, called Della Grazia, where they humble themselves by way of penance for their follies and excesses […]’.
——-
* L-Unitarjan hi denominazzjoni Nisranija li fit-twemmin teoloġiku prinċipali tagħha hemm stabbilit li t-Trinità ma teżistix, għaliex Alla hu esseru wieħed u mhux tlieta.
* * Iż-żifna tal-Parata hi ispirata x’aktarx mill-battalja finta li l-kavallieri kienu jorganizzaw bejniethom fil-jiem tal-Karnival. Għalkemm ma nafux eżattament x’kien isir f’din il-battalja, il-kelma ‘parata’ tindika li ġejja minn parare li bit-Taljan tfisser, tiddefendi lilek innifsek mid-daqqiet tax-xabla bit-tarka (Ing. to deflect an attack). Fiż-żifna tal-Parata din il-mossa kienet u għadha sal-lum enfasizzata ħafna.
Martin Morana
24 ta’ Frar, 2022
Bibliografija
Badger George Percy, Description of Malta and Gozo, M. Weiss. 1938. Ballou M. Maturin, The Story of Malta. Houghton, Mifflon & Company. Boston & New York. 1893. Bigelow Andrew, Travels in Malta and Sicily with sketches of Gibraltar. Carter Handee & Babcock, New York. 1831. Borg Cardona Anna, ‘Carnival and the power of sound’, Treasures of Malta, No. 59, Easter 2014. Cassar F.X., (traduttur tal-ktieb ta’ Aħmed Faris ex Xidjaq), El Wasita fil- Maghrifat Ahwal Malta. Ċentru Kulturali Islamiku Malti. 1985. Cassar Pullicino Joseph, Studies of Maltese Folklore. Malta University Press. 1992. Castagna P.P. Malta bil Ghzejjer tahha u li Ghadda Min Ghaliha. 1865. Domeier William, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta. J. Callow, Medical Bookseller, London. 1810. Ganado Albert, 'Il-Versi ta' Richard Taylor dwar l-Inċident tal-Karnival tal- 1846', L-Imnara, Vol 10, nru 4, ħarġa 39. Galea Michael, Malta - More Historical Sketches, 1971. Grech Chris, ‘The Governor’s fancy dress carnival ball’. The Sunday Times of Malta, February 26, 2017. Sedall Henry (Rev), Malta Past and Present. Chapman & Hall, London. 1870. Vassallo Gian Anton, Ħrejjef u Ċiait bil-Malti, 1863. Ħajr lil Michael Cassar għall-għajnuna tiegħu.
Aktar dwar l-istorja tal-Karnival issibha fil-ktieb tal-istess awtur Maltese Humour – But Seriously. Jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba.
Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *