SAN VALENTINU

JUM  SAN  VALENTINU

u

Ħal Balzan

Min kien San Valentinu?

Kulħadd sama’ b’San Valentinu, il-qaddis patrun tal-maħbubin; bħal-lum, l-14 ta’ Frar tara bosta jiġru ‘l hawn u ‘l hinn bil-bukketti tal-fjuri f’idhom, bżieżaq forma ta’ qalb, u nies fil-ħwienet jixtru l-kartolini biex iwaħħluhom ma’ xi rigal. Biss, ftit li xejn huma dawk li jaħsbu daqsxejn dwar min kien storikament San Valentinu. Apparti l-ftit fatti dwaru, hemm bosta leġġendi kif ukoll tgħawwiġ tal-fatti dwar dan il-persunaġġ.

Skont is-sorsi ta’ bosta awtoritajiet ekklesjastiċi, għandna nifhmu li kien hemm aktar minn San Valentinu wieħed. Dak li għalih hu ddedikat Jum il-Maħbubin, kien tabib u qassis minn Ruma li nqatel mill-Imperatur Ruman Klawdju Gotikus II, fl-14 ta’ Frar tas-sena 270 W.K. Biss hemm mal-15-il qaddis ieħor b’dan l-istess isem, fosthom waħda li kien jisimha Valentina. Hu possibbli wkoll li San Valentinu ta’ Ruma hu l-istess bniedem bħal San Valentinu, isqof ta’ Terni, belt li tinsab 60 mil ’il bogħod minn Ruma. F’din il-belt inbniet bażilika ddedikata għal San Valentinu. Hawn min jgħid li San Valentinu ndifen hawn, biss oħrajn jgħidu li kien midfun f’wieħed mill-katakombi ta’ Ruma. Intant, l-Irlandiżi jiftaħru li San Valentinu ndifen fl-Irlanda.

Kienu minn kienu dawn il-Valentini kollha, il-festa kienet ġiet stabbilita li ssir fl-14 ta’ Frar, mill-Papa Ġelasju fl-496. Biss ta’ min wieħed jgħid ukoll li fl-1969, il-Knisja Kattolika neħħiet lil dan il-qaddis mill-kalendarju lituġiku, għax hemm bosta inċertezzi dwaru. Minkejja dan, San Valentinu xorta baqa’ rikonoxxut bħala qaddis.

San Valentinu u l-maħbubin

Card;_valentine_card_-_Google_Art_Project

Hemm bosta leġġendi dwar għaliex San Valentinu ntgħażel bħala l-qaddis patrun tan-namrati. Hemm leġġenda ħelwa li tgħid li meta kien il-ħabs jistenna li tinqatagħlu għal mewt, kien fejjaq it-tifla tal-kalzrir tal-ħabs fejn kien miżmum. Kien anki kitbilha ittra. Fl-ittra dan il-qaddis iffirma ‘Valentinu tiegħek’. Storja oħra tgħid li San Valentinu kien iżżewweġ bil-moħbi lill-koppji żgħażagħ li skont il-liġi tal-Imperatur Claudius ma kinux jitħallew jiżżewġu ta’ età żgħira.

Id-drawwa li l-maħbubin jiċċelebraw San Valentinu, ilha ġejja minn żmien ll-Medjuevu, kemm fl-Ingilterra kif ukoll fi Franza. L-14 ta’ Frar intgħażel minħabba li kienu josservaw li qrib din id-data, li dak iż-żmien, skont il-Kalendarju Ġuljan, kienet taqa’ daqs ħmistax-il jum aktar tard, u allura aktar viċin ir-rebbiegħa, l-għasafar kienu jibdew jinnamraw ma’ xulxin. Din l-osservazzjoni jsemmiha wkoll il-poeta magħruf Ingliż, Geoffrey Chaucer f’poeżija li kiteb fl-1375, meta jgħid hekk:

For this was on St. Valentine’s Day, when every bird cometh there to choose his mate.

Kien fis-seklu dsatax li bdiet l-użanza li jintbagħtu noti ta’ mħabba bejn il-maħbubin f’dan il-jum. Fl-1840ijiet ċerta Amerikana, Esther A. Howland, bdiet tbigħ bi kwantità kartolini magħmula apposta għal dan il-jum. Dawn kienu speċi ta’ tpinġijiet imżejna bil-bizzilla u b’xi ċoff magħmul mill-kurdiċella. Dawn l-ewwel kartolini kienu magħrufa bħala scrap. Illum hu maħsub li mad-dinja kollha, jinbiegħu madwar 145 miljun kartolina tal-Valentine’s kull sena.

Esther+Howland+Banners

San Valentinu jinġieb f’Ħal Balzan

Malta għandha s-San Valentinu tagħha, minħabba li f’Ħal Balzan hemm meqjum il-korp sant ta’ dan il-qaddis. Dan il-korp sant (jew aħjar il-fdalijiet tal-għadam ta’ dan il-qaddis) kien inġieb Malta fl-1784, mill-Kanonku Kapitulari Mons. Lorenzo Grech Delicata li kien minn Ħal Balzan. Fl-1820, dan il-kanonku ddeċida li jirregala l-korp sant lill-knisja parrokkjali tar-raħal tiegħu.

San valent u lalarCF2668

Ġaladarba dan il-korp sant kien espost għal qima fil-knisja parrokkjali (illum qiegħed fuq l-altar ta’ San Mikiel), bil-mod il-mod kibret id-devozzjoni lejn dan il-qaddis. B’hekk insibu li fl-1825 għal-ewwel darba kien hemm tarbija li twieldet f’dan ir-raħal, li ġiet imsemmija Valent, għal dan il-qaddis. Imbagħad, fl-1828, tarbija oħra ngħatat l-isem Valentinu. Aktar ma għadda ż-żmien, id-devozzjoni lejn dan il-qaddis kibret, aktar u aktar meta fl-1837, il-Papa għadda digriet li f’nhar San Valentinu kellha tintrebaħ indulġenza plenarja. Fl-1861, f’din il-parroċċa bdew jitqassmu labtijiet bl-immaġini ta’ San Valentinu. Fl-1876 kien hemm sitt itrabi li ngħataw dan l-isem.

Biż-żmien, id-devozzjoni lejn dan il-qaddis kibret sew, u bħal ma beda jiġri f’bosta rħula oħra fl-istess seklu, issa kien hemm min kien ħerqan li ssir festa f’ġieħ dan il-qaddis, bħal ma kienet issir festa lill-Madonna tal-Lunzjata fl-istess parroċċa. Minn sempliċi għasar, quddiesa kantata u paniġierku li saru fl-1835, sal-1857, l-affarijiet kibru sew, aktar u aktar meta beda jsir il-ġbir tal-flus f’bosta jiem tas-sena għall-fondi ta’ din il-festa.

Il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fl-ewwel jiem ta’ Ġunju. Issa beda jkun hemm anki xi banda żgħira ddoqq, u fl-1874 kien mistieden is-surmast magħruf Paolo Nani biex jidderiġi l-banda. Beda wkoll isir xi logħob tan-nar. Biss, bħal ma kienet l-użanza dak iż-żmien u sas-snin sebgħin tas-seklu għoxrin, dawn il-festi sekondarji kienu dejjem sottomessi biex jibqgħu fuq livell dajjef biex ma jilħqux il-kobor tal-festi prinċipali tar-raħal jew belt. Din il-festa illum hi t-tieni festa ċċelebrata f’dan ir-raħal u San Valentinu għadu meqjus bħala wieħed miż-żewġ qaddisin patruni ta’ Ħal Balzan.

EuMcZ6RXIAY4GER

Qaddis Patrun

Hu interessanti li apparti li San Valentinu hu meqjus bħala l-qaddis patrun tal-maħbubin, hu jżomm ukoll it-titlu ta’ protettur ta’ dawk li jrabbu n-naħal. Tgħid dan għax fiż-żewġ każi hemm ċans li taqla’ xi tingiża, tal-ewwel b’mod emozzjonali u tat-tieni b’mod fiżiku? Din l-osservazzjoni, ovvjament qed ngħidha biċ-ċajt.

Apparti hekk, San Valentinu hu wkoll meqjus bħala l-qaddis protettur kontra l-epilessija.

Martin Morana

14 ta’ Frar 2022.

Bibliografija

‘Il-Festa tal-Martri ta’ San Valentinu’ minn Mons. Ġwann Dimech. Ktejjeb tal-Festa, Ħal Balzan (?), 2007.

https://www.wikiwand.com/mt/%C4%A6al_Balzan

https://www.catholiceducation.org/en/culture/catholic-contributions/history-of-st-valentine.html

 http://www.kliemustorja.com

Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

     A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)          Aa ARA X'INT TGHID

5 Comments

  1. Hadt gost hafna naqra din is-silta billi jiena minn Hal-Balzan u dejjem kelli imhabba ghal dal-qaddis.

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s