ĠUGARELLI tal-PASSAT

ĠUGARELLI   

u oġġetti oħra li kienu jagħtu pjaċir lit-tfal 

 

Il-logħob hu mezz ta’ divertiment essenzjali għat-tfal. Żmien ilu, ġugarelli l-aktar sempliċi kienu jkunu biżżejjed biex it-tfal ta’ kull età jgħaddu ż-żmien bihom. Mhux dejjem kien hemm bżonn li l-ġugarelli trid tixtrihom. Kultant, oġġett mitluq f’rokna kien ikun biżżejjed biex xi ħadd jaddattawh għal oġġett li t-tfal kienu jużawh biex jieħdu gost bih. Biex nagħti eżempju, b’żewġ bottijiet tal-landa u spaga kont tivvinta telefon, u b’koċċ ċraret imgezzin kont tħithom biex tagħmel ballun taċ-ċaruta, magħruf aktar bħala ballabrott. Naturalment, il-fantasija u l-kreattività kienu l-aqwa mod biex toħloq ġugarell mix-xejn.

Hawn qiegħed inniżżel xi ġugarelli sempliċi li tant kienu popolari fost it-tfal fl-imgħoddi. Xi wħud minnhom imorru lura għexieren ta’ snin, oħrajn sekli sħaħ. Aktar tagħrif iddettaljat dwarhom jinstab fil-paġni ta’ din il-website, sezzjoni ‘ENĊIKLOPEDIJA’. http://www.kliemustorja.com

——

BALLABROTT    Ballun żgħir taċ-ċarruta li taħkmu f’id waħda, li t-tfal kienu jgarraw lejn xulxin.

ballabrott-1059

BANDLA    Ġeneralment, magħmula minn ħabel twil u b’tavla tal-injam fejn toqgħod bilqiegħda fuqha. Din kienet tkun imdendla minn xi zokk oħxon u b’saħħtu, ħiereġ ’il barra minn siġra.

BEREBIS / BUTTUNI     Logħba sempliċi tat-tfal, fejn tiddaħħal ħajta twila fit-toqob tal-buttuna u meta tinġibed il-ħajta, il-buttuna tibda ddur żugraga, fuqha nfisha u fl-istess ħin titriegħed kemm tiflaħ.

Berebis - 2

BEDBUT / BETBUT  (pl. bdiebet). Tip ta’ fifra, waħda mill-eqdem strumenti mużikali primittivi fid-dinja. Dan għaliex fil-mod sempliċi tiegħu, il-bedbut kien jinħadem minn biċċa qasba, daqs 7.5 ċm. mill-pjanti tal-qamħ, tal-ħafur jew tal-qasab tal-widien. Fit-tarf tal-qasba jittaqqab xaqq biex iservi bħala bwejba żgħira qrib il-fomm. Meta d-daqqaq jonfoħ din tperper u b’hekk joħroġ ħoss qisu ta’ suffara. Il-bedbut hu strument li faċli jinħadem u jindaqq, kemm mill-kbar kif ukoll mit-tfal. Insibu għanja li d-daqqaqa kienu jgħannu għal gost biex il-bedbut idoqq sew:

     Doqq bedbut doqq ħa nixtrilek ħabba / ċappa tin

     Nixħetielek ġewwa bir u nġibulek bir-rampil

BOĊĊI /  BONĊ / BUNĊ    Il-boċċa tal-ħġieġ li tkun akbar minn boċċi oħrajn li jintużaw fil-logħob bejn it-tfal tissejjaħ bunċ. Dan kien jitpoġġa ħafna drabi fin-nofs tar-ringiela ta’ boċċi l-oħrajn. Min jolqot il-bunċ jirbaħ aktar punti milli meta jolqot il-boċċi l-oħra, u jista’ anki jirbħu u jżommu għalih.

bocci

ĊAPPELLA / ĊAMPERLA / ĊAJPERLA / ĊEPELLA    Speċi ta’ logħba tal-boċċi, biss, bil-ġebel. It-tfal jaqbdu ġebla kbira, tant li kemm kemm jistgħu jaħtfuha b’idhom, u jgarawha lejn ġebla oħra, pjuttost ikbar, ċatta, qisa ftira, li tkun ftit ‘il bogħod. Ir-rebbiegħ ikun dak li jirnexxielu jolqot l-aktar il-ġebla l-kbira u li fl-aħħar jaqsamha, ikissirha jew ifarrakha.

ĊAQLEMBUTA /  ĊEKLEMBUTA      Tavla tal-injam li titbandal billi jitilgħu fuqha żewġt it-tfal, wieħed kull naħa.  Wieħed jista’ wkoll jikkrea ċaqlembuta billi jqiegħed tavla mimduda, bin-nofs tagħha ċċentrat fuq oġġett maqtugħ mill-art. Oriġ. etim. M. ċaqlem / ċeklem (timxi bil-mod) Sqal. butta minn buttare.  Sors etim:  Agius de Soldanis.  Dan jispjega li din kienet kelma li kienu jgħidu lit-tfal biex iħajruhom joqomsu u jiżfnu. Sors: E.S.I.

Öèôðîâàÿ ðåïðîäóêöèÿ íàõîäèòñÿ â èíòåðíåò-ìóçåå Gallerix.ru

ĊEKĊIKA      Ġugarell tat-trabi; bħal fil-każ tal-pupa tal-għadam, li tinsab fid-Domus Rumana, ir-Rabat, hemm ukoll ċekċika tal-għadam f’waħda mill-vetrini. Nom onomatopejku li ġej mill-verb ċekċek. (Ing. baby’s rattle).

ċekċika

CiknaturĊIKNATUR    Proprjament, din hi l-injama li tintuża fil-ċkina biex jitqatta’ l-ikel fuqha. Din kienet titqiegħed angulata mit-tul tagħha mal-ħajt, qisha żurżieqa. Minn naħa ta’ fuq ta’ din it-tavla t-tfal jitilqu l-boċċi jew lewż jiżżersqu minn fuq għal isfel bl-iskop li dawn jitgerbu fl-art u jolqtu l-lewż jew il-boċċi li jkunu mqiegħda qrib iċ-ċiknatur. Min jolqot imqar boċċa waħda, jirbaħ kull boċċa li jkun hemm fl-art. Jekk le, iħalli l-boċċa tiegħu fejn tieqaf, u sieħbu jimmira l-boċċa tiegħu minn fuq l-istess ċiknatur għal fuqha.   

ĊippitatuĊIPPITATU / ĊIPPITOTU / ĊIPPITADU    Speċi ta’ żugraga jew dada żgħira b’forma poligonali, jew dada b’erba’ naħat u b’zokk irqieq għaddej minn nofsha. Fuq il-ġnub tagħha jkun hemm miktuba xi numri jew ittri. Din kienet tintuża fil-logħob tal-ażżard.  L-ittri jirrappreżentaw dawn il-kliem: T (tutu), M (mezzo), N (nienti) u P (paga). Id-dada jgarawha fuq wiċċ ta’ mejda jew fuq art ċatta u skont in-numru, jew ittra li jiġi jidher fil-wiċċ tagħha, il-lagħba jaġixxu. Lat. acipe totum (Ing. the winner takes it all). Tal. Accipitotu – dado che gira come una trottola.  Sq. cciappituttu. Tal. acchiappa tutto. E. S. I. Ing. Teetotum jew T-totum.

rotaE_TYRE_RIMĊIRKU TAR-ROTA   Jekk xi tifel kien jiġi f’idejh ċirku tal-ħadid, kemm jekk dan kien xi panzier tal-bettija, jew ċirku tal-metall ta’ xi rota mhix tintuża, dan kien malajr jagħmel minnu oġġett tal-logħob. Kull ma kien irid, kien li jsib biċċa wajr kemxejn twil, daqs żewġ piedi jew aktar, jgħawġu fi tnejn u bih jipprova jidderiġi ċ-ċirku waqt li dan igerbu quddiemu fit-toroq. Logħba li tintlagħab waħidha, biss, it-tfal ġieli kienu jagħmlu pika bejniethom, min minnhom idum l-aktar jikkontrolla ċ-ċirku mingħajr ma dan jaqa’ fl-art.

DUDU TAL-FUL BIS-SAQAJN    Fis-sempliċità tal-fantasija tagħhom, it-tfal l-aktar żgħar, jew aħjar xi ħadd akbar minnhom, kien jaqbad fulu frisk u miegħu jwaħħallu nofs tużżana zkuk tas-sulfarini, biex dan jiġi jidher qisu dudu bis-saqajn.

FAQQIEGĦA    Logħba ħafifa tat-tfal li tintlagħab b’karta li t-tfal jilwu b’mod li din tingħata l-forma ta’ arzella minfuħa bl-arja minn ġewwa. It-tfal jittantaw jifqgħuha billi jagħtuha daqqa bil-qiegħ tal-għarqub bl-iskop li meta din il-karta minfuħa tinfaqa’ tagħmel ħoss qawwi.

Hagra-MagraFULA   Din il-logħba kont tista’ tilgħabha kemm b’xi fula, jew inkella, bi kwalunkwe oġġett li jinħeba fil-ponn tal-id. Tintlagħab bejn żewġt itfal jew aktar. Tifel iqiegħed oġġett żgħir li jista’ jinħeba f’ponn magħluq. Imbagħad jitfa’ idu wara dahru u jerġa’ joħroġhom biex juri żewġ ponnijiet magħqudin. It-tifel l-ieħor irid jaqta’ f’liema id / ponn qiegħda moħbija l-fula. Bħal din kien hemm bosta varjazzjonijiet. Pereżempju, ġieli jkunu żewġ timijiet ta’ tfal, tim wieħed fuq naħa ta’ mejda u tim ieħor bilqiegħda n-naħa l-oħra. L-oġġett fil-ponn jista’ jinħeba u jitqassam bil-moħbi bejn it-tfal li idejhom iżommuhom taħt il-mejda. Imbagħad it-tfal tat-tim li jkollu l-fula jgħollu idejhom kollha f’daqqa fuq il-mejda u t-tim l-ieħor irid jaqta’ f’liema id ta’ liema tifel hu moħbi l-oġġett. Ara: ĦAĠRA MAĠRA.

ĠELLEWŻ     Dan il-frott kien sostitut tajjeb flok il-boċċi tal-ħġieġ għax it-tfal setgħu jilagħbu l-logħob tal-boċċi anki jekk ma jkollomx dawk ta’ veru. L-aktar żmien li kont tara t-tfal jilagħbu bihom kien fil-festa ta’ San Martin, meta t-tfal ikunu qalgħu l-borża tradizzjonali, mimlija frott ta’ dan it-tip. L-isem Ing. għal ġellewż hu, hazel nut.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAGOLLIWOG    Ġugarell li kien jissejjaħ ukoll ‘pupu tas-suf’, għaliex kien magħmul kollu kemm hu mill-kurdiċelli rqaq tas-suf. L-isem Golliwog, jew Gollywog ġej mill-karattru li ħolqot l-awtriċi Florence Kate Upton, fl-1895, meta din kitbet storja tat-tfal, The Adventures of Two Dutch Dolls and a Golliwog. Il-Golliwog kien pupu tas-suf iswed b’xofftejn ħomor u xagħar imqanfed biex jagħti lemħa lit-tfal ta’ razza sewda. F’Malta kien jinħiet tip ta’ pupu li wkoll kien jissejjaħ Golliwog, biss kien differenti. Bl-aktar mod sempliċi, dawn il-pupi kienu jsiru billi jinġabru biċċiet pjuttost twal ta’ ħajt li jifdal mill-kobob tas-suf. Kull ġabra tkun magħmula minn daqs għaxart iħjut. Dawn jinżammu u jiddawru madwar il-pala tal-id, biex b’hekk meta tinħareġ il-kobba mill-id, il-ħjut jibqgħu magħfusin flimkien, biss b’forma ta’ toqba fin-nofs.

goliwogg

ĦABEL   Bosta kienu l-logħbiet li t-tfal setgħu jilagħbu bil-ħbula ta’ kull tip. Kienu ġieli jdawru ħabel madwar l-ispallejn ta’ xi tifel u jiġru bih bħallikieku t-tifel ta’ quddiem hu ż-żiemel, u ta’ wara l-ġerrej. Biss l-aktar logħba popolari bil-ħabel kien il-qbiż b’diversi modi waqt li żewġt itfal idawru l-ħabel madwaru. Ara: LAZZ.

habel

ĦAĠRA MAĠRA   Ara: FULA.

hobza u sardinaĦOBŻA U SARDINA    Logħba tat-tfal li norm. tintlagħab b’mod spontanju, f’xatt il-baħar. Din tikkonsisti billi tifel igara ċagħka fil-baħar bis-saħħa u b’mod li din tolqot wiċċ l-ilma bi żbrixx għal kemm-il darba. Din il-logħba tista’ anki ssir bejn żewġt it-tfal, billi dawn jagħmlu l-istess ħaġa b’pika min minnhom jirnexxilu jqabbeż iċ-ċagħka għal kemm-il darba, qabel ma din tegħreq. (Ing. Stone skipping jew ducks and drakes).

karettun borejts n -KARRETTUN  TAL-BOLREJS   Dan kien jinħadem mit-tfal jew mill-ġenituri tagħhom biex jiġru bih fit-toroq. Kien ikun magħmul minn tavla jew twavel żgħar bi spazju kbir biżżejjed, kemm tifel joqgħod bilqiegħda fuqu. Minn taħt it-tavla jgħaddu żewġ injamiet, bħal kurrenti kull naħa tat-truf fil-wisa’ biex mat-truf tagħhom jintrabtu r-roti magħmula minn BOLREJS. Imbagħad, injama fin-nofs minn taħt ukoll li b’vit u skorfina jiffurmaw maqbad li jservi speċi ta’ steering wheel li wieħed seta’ jidderiġi b’ħabel irqieq. Dawn il-karettuni kont titla’ fuqhom u tiġri l-aktar fejn it-triq tagħti għan-niżla. Dawn kienu jagħmlu ħafna storbju u l-ġirien ma kinux jieħdu gost li dawn jinstaqu qrib tagħhom.

loghob lazz tar-rukkell Jos DarmaninLAZZ  jew DUDU TAL-LAZZ    Dudu tal-kurdiċella li t-tfal kienu jaħdmu billi jgħaddu erbat iħjut tas-suf mit-toqba tar-rukkell tal-ħajt, u jorbtuhom ma’ erbat imsiemer. Il-ħjut imbagħad ikunu mmaljati ripetutament biex jingħaqdu flimkien u jitwalu bil-mod il-mod f’lazz tas-suf twil u oħxon. Aktar ma dan il-lazz isir fit-tul aktar jitwal ‘id-dudu tas-suf’. Imbagħad it-tfal kienu jitpaxxew jużaw il-lazz biex jorbtu xi ħaġa bih. Inkella kienu jużawh bħala ‘riedni finta’, waqt li tifel minnhom jagħmilha taż-żiemel u sieħbu tar-rikkieb li jidderiġieh billi jiġbed il-lazz lejn naħa jew oħra skont fejn irrid ‘imexxieh’. 

MANOĊĊA / ĦAMIEMA / TAJRA     Tajra tal-karti. Fiż-Żejtun din hi magħrufa bħala manoċċa.

MERGUN / PIZZIKAJJU /  ROMBLU (ara: ŻUGRAGA).

Doll (Greek, 500-400 BC) - TerracottaPUPA   Il-pupi huma fost l-eqdem ġugarell li jilagħbu bihom it-tfal. Fil-Domus Romana tar-Rabat, hemm pupa magħmula mill-għadam, li biex tidher aktar ta’ vera kienet maħduma minn biċċiet li jixbhu l-figura umana, bl-idejn ir-ras u s-saqajn marbutin ma’ xulxin biex dawn jiċċaqalqu. Fl-antik, il-pupi ħafna drabi kienu jkunu taċ-ċarruta. Biż-żmien il-materjal kien jinbidel, ġieli kienu jkunu magħmulin mit-tafal imsajjar, ġieli ċaqquf u aktar tard plastik. Fosthom kien hemm pupa kemxejn fina fin-naturalezza tagħha. Din kienet il-pupa msejħa tal-biskwin. Il-pupi tal-biskwin (Fr. bisque) kienu magħmulin mill-porċellana u mpinġijin b’kuluri b’mod, bħallikieku il-ġilda hi ta’ vera. Il-pupi tal-biskwin baqgħu popolari sa madwar is-snin tletin tas-seklu għoxrin.

biskwin x

SKUTER    Ara:  KARRETTUN TAL-BOLREJS.

skutery

TELEFON  TAL-BOTTIJIET  Logħba sempliċi ta’ fantasija bejn żewġt itfal. Dawn meta jsibu żewġ bottijiet tal-ħalib jew simili mormija kienu jorbtuhom bl-itwal spaga li setgħu jsibu biex taparsi dawn jitkellmu fuq it-telefon. Kien hawn minnhom li jemmnu li l-vuċi tista’ twassal matul l-ispaga minn bott għall-ieħor.

324235

TORRI BIT-TAPPINI    Fis-sempliċità tat-tfal, meta l-fliexken tal-luminata kien jinfetħu, it-tfal kienu jiġbru kemm jifilħu t-tappijiet ta’ flixken użati biex wara jilagħbu bihom. Fost il-logħob kienu jagħmlu bihom speċi ta’ torri, bil-pika min jibni l-ogħla torri, mingħajr ma jwaqqa’ t-tappijiet. Dan qabel ma ġew f’idejn it-tfal, il-logħob tal-LEGO.

   tappijiet bottlecaps_1096x          tappijiet rages

xixuxx200804_082424

XIXU / BŻALLU    Logħba li kienet tintlagħab fit-toroq bejn żewġt it-tfal jew aktar. Dawn jużaw żewġ biċċiet tal-injam – waħda twila madwar 30 u 40 ċm (il-lasta) u oħra, daqs laqxa ta’ madwar 5 – 10 ċm li jgħidulha, ix-xixu. Din tal-aħħar titqiegħed mal-art u bil-lasta, it-tfal kienu jagħtu daqqa b’saħħitha mat-tarf tagħha biex din tinqata’ mill-art. Fil-pront, hekk kif ix-xixu jkun daqs għaxar ċentimetri fl-għoli mill-art, il-lagħbi jagħti daqqa b’saħħitha fuq il-laqxa biex itajjarha kemm jista’ jkun ’il bogħod. Meta l-laqxa ittir ‘l hinn u taqa’ fl-art, il-lagħbi l-ieħor isaqsi lil dak li gara l-injama: ‘kemm se tieħu sal-posta?’ U l-lagħbi jgħidlu, ‘ħa nieħu ħamsin’ jiġifieri kienu jaraw kemm-il darba l-lasta toqgħod mimduda f’dak it-tul. L-avversarju jmerieħ, u flimkien jgħoddu kemm-il darba t-tul tal-lasta joqgħod fid-distanza ta’ minn fejn tgarat il-laqxa u fejn wasal u waqa’ fl-art. Jekk il-lasta toqgħod ħamsin darba, dawn isarfu ħamsin punt u jekk le l-lagħbi jitlef kollox. Ir-regoli u l-intriċċi kienu jinbidlu skont l-użanza ta’ min jilagħab il-logħba.

zibeg inzikkkarŻIBEĠ  Bħal boċċi żgħar ħafna, ġieli minfuda bit-toqob li jistgħu jiddammu biex tagħmel ħannieqa minnhom. L-istess tip ta’ żibeġ kienu jilgħabu bihom it-tfal billi jizzikkawhom bil-behem jew is-subgħa l-werrej  u jimmirawhom lejn toqba żgħira fl-art. Mikiel Anton Vassalli, fil-Lexicon, (1796) b’din l-istess kelma jirreferi għal xi ħaġa tal-ikel, pasta fatta a globetti.

żibeġ tal kikku

ŻIEMEL TAL-QASBA   Qasba jew simili li tintuża mit-tfal billi jżommuha bejn saqajhom biex jilgħabu tar-rikkieba. Dan jagħmluh billi jżommu naħa minnhom ’il fuq u n-naħa tat-tarf l-ieħor ikaxkar mal-art. Ing. Hobbyhorse.

ziemel tal-qasba

ŻIGROMBLU / ŻUGRUMBLU   1. Tip ta’ tajra tal-karti.  2. Tip ta’ żugraga.  3. Isem ta’ logħba tat-tfal. 4. Boċċa tal-logħob magħrufa wkoll bħala l-bubun. Ngħidu, ‘Qisu żigromblu’ – tingħad għal xi raġel jew tifel oħxon.  Oriġ.  zig + romblu.  5. Il-fosdqa taż-żerriegħa tal-kappar. Ara: ŻUGRUMBU.

zugragav

zugragaŻUGRAGA     (pl. żgagar)  Ġugarell tat-tfal li jiddawwar b’ċerta saħħa bl-idejn u wara ftit jintelaq fl-art biex idur fuqu nnifsu għal ċertu ħin qabel ma jieqaf u jaqa’ fuq ġenbu. Iż-żugraga kienet tista’ tkun ta’ diversi kobor u magħrufa b’ismijiet differenti fosthom, ROMBLU, PIZZIKAJJU jew MERGUN.  Idj: ‘Idawruh żugraga’ – rif. għal xi ħadd li n-nies jagħmlu bih li jridu. ‘Spiċċa qisu żugraga’ – rif. għal xi ħadd li daħal f’ħafna inkwiet.

Martin Morana

4 ta’ Ġunju 2022

Ara wkoll:  ‘Logħob tat-Tfal – dak  antik  u Minsi’

https://kliemustorja.com/2020/06/24/loghob-tat-tfal-antik-u-minsi/

 www.kliemustorja.com

Biblijografija

Agius de Soldanis, Damma Tal Kliem Kartaginis imscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. Ed. Rosabel Carabott. (Pubblikat bil-kollaborazzjoni ta’ bosta entitajiet varji). 2016.

Attard, Anton F., Logħob Folkloristiku t’Għawdex, 1969.

Cassar Pulliċino Joseph, Studies in Maltese Folklore, Malta University Press, 1992.

Lanfranco Guido, Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin. Wise Owl Publication.

Vassalli Mikiel Anton, Lexicon (1796).

Ara aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Aa ARA X'INT TGHID             A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Categories:

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s